“Il-ġid u t-tkabbir ekonomiku ma jiswew xejn sakemm ikun hemm persuni mċaħħda mid-dinjità umana u intrinsika tagħhom”

  • Jan 10, 2019 20:23
  • Miktub minn iNews
"

    Il-President ta’ Malta laqgħet lill-ambaxxaturi u lill-konsli onorarji akkreditati għal Malta għall-iskambju tradizzjonali tal-awguri għas-sena l-ġdida fil-Palazz, il-Belt Valletta.

    Rigward il-kriżi riċenti li involviet 49 persuna, fosthom sitt itfal li kienu abbord żewġ vapuri tal-għaqdiet mhux governattivi, il-President irrikonoxxiet l-intervent ta’ Malta minkejja li hi l-iżgħar pajjiż membru tal-UE u rringrazzjat lill-Kummissjoni Ewropea għall-isforzi tagħha biex iġġib flimkien it-tmien stati membri l-oħrajn li qablu li jgħinu fl-allokazzjoni mill-ġdid ta’ dawn il-persuni. 

    “Kif stajna aħna bħala pajjiżi Ewropej ta’ rieda tajba nippermettu li din it-tbatija psikoloġika, fiżika, u emozzjonali ta’ dawn il-persuni innoċenti ssir għal tant tul ta’ żmien?” staqsiet il-President Coleiro Preca filwaqt li fakkret li dawn it-tfal, nisa u rġiel vulnerabbli qed jaħarbu minn diversi sitwazzjonijiet ta’ diffikultà: mill-gwerer; mill-faqar estrem; mill-persekuzzjoni u mill-abbuż u mill-effetti ta’ degradazzjoni ambjentali.” 

    Il-President appellat lill-ambaxxaturi u lill-kummissarji għolja biex jenfasizzaw li d-dinjità umana, speċjalment id-dinjità ta’ dawk l-aktar vulnerabbli għandha tkun fiċ-ċentru ta’ ħidmietna u qalet li l-fenomenu tal-migrazzjoni irid jiġi ffaċċjat b’mod kollettiv bi qsim tar-responsabbiltajiet bejn l-istati membri tal-UE b’mod dinjituż li jirrispetta d-drittijiet umani fundamentali u mhux b’mod ad hoc

    Il-President Coleiro Preca ħeġġet lill-istati membri tal-Unjoni Ewropea biex “iżommu l-ideali tas-solidarjetà u tar-rieda tajba li fuqhom kienet stabbilita l-Unjoni tagħna għexieren ta’ snin ilu,” u appellat lill-pajjiżi “biex l-impenn tagħna favur id-drittijiet universali tal-bniedem isir realtà.”

    “Meta nitkellmu dwar l-importanza tal-paċi globali, jeħtieġ ukoll li niżguraw li nindirizzaw l-inugwaljanzi u l-inġustizzji billi nimplimentaw approċċ globali ta’ solidarjetà soċjali,” żiedet il-President. 

    “Id-diplomazija hi tassew essenzjali”

    Il-President tenniet li l-isforzi tal-ambaxxaturi u tal-kummissarji għolja għandhom ikunu ffukati fuq il-bżonn tad-dinja għall-ugwaljanza u għas-solidarjetà u qalet li “d-dinja teħtieġ ħbiberiji li jkunu sostenibbli u alleanzi dejjiema biex tassew ikollna paċi u prosperità għal kulħadd.”

    Dwar l-elezzjonijiet parlamentari Ewropej li ġejjin il-President qalet li dawn se joħolqu opportunità għall-Ewropej biex juru x’tip ta’ istituzzjonijiet nixtiequ li jkollna filwaqt li semmiet dak li kienet qalet fid-diskors ta’ Jum ir-Repubblika, meta tenniet li fid-dinja tal-lum qed naraw ir-riżultat ta’ dak li jiġri meta l-gvernijiet jabbandunaw il-kuntratt soċjali favur profitti eċċessivi.

    “L-Ewropa soċjali qed issir aktar Ewropa ekonomika. Statistika tgħidilna li 1 minn kull 4 fl-Ewropa qed jgħix fil-faqar. Għalhekk din il-persuna tkun eskluża mill-identità soċjali li tant kienet tagħmel l-Ewropa kburija,” qalet il-President filwaqt li żiedet li hemm ħafna x’nagħmlu kemm fl-Ewropa kif ukoll f’pajjiżi oħrajn biex jinbnew soċjetajiet li fihom kull individwu jkun rispettat bis-sħiħ fid-dinjità tiegħu jew tagħha u fejn ikollu jew ikollha aċċess ekwu għal opportunitajiet biex jitrawwem il-well-being ekonomiku u soċjali tiegħu jew tagħha.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0