Intervista ma’ Stefano Pioli... jitkellem fost l-oħrajn dwar numru bla limitu ta' barranin u jgħid li CR7 huwa klassi għalih

  • Jan 11, 2019 00:00
  • Miktub minn Cristian Muscat
"

    Stefano Pioli twieled fil-belt Taljana ta’ Parma, nhar l-20 ta’ Ottubru, 1965, u llum għandu 53 sena.

    Huwa kien jilgħab bħala difensur ma’ diversi timijiet Taljani filwaqt li kompla jagħti l-kontribut tiegħu fil-football bħala coach.

    Bħalissa qed imexxi lil Fiorentina fejn ilu li ngħata din il-kariga sa minn Ġunju 2017.

    Huwa beda l-karriera tie­għu ta’ player mat-team ta’ belt twelidu, Parma. Eventwalment huwa ngħaqad ma’ Juventus li magħhom iddebutta fis-Serie A, fl-1984, meta kellu biss 19-il sena. Dak kien il-perjodu tad-deheb għal Pioli fejn mal-Bianconeri rebaħ diversi unuri fosthom il-kampjonat, it-Tazza tat-Tazzi, is-Super Cup Ewropea, it-Tazza taċ-Champions u t-Tazza Interkontinentali.

    Għalkemm mhux dejjem sab postu mat-team b’mod regolari min­ħabba l-kompetizzjoni kbira li kien hemm u anke l-players kbar li kellhom fl-iskwadra, Pioli ipprova jagħmel mill-aħjar li seta’ biex jagħti l-kontribut tiegħu.

    Fi tliet snin jilgħab ma’ La Vecchia Signora, huwa la­għab 35 darba.

    Fl-1987, Hellas Verona kisbu s-servizzi tiegħu fejn hemmhekk għamel żewġ staġuni u lagħab 42 partiti. Fl-1989, Pioli ngħaqad ma’ Fiorentina, it-team li magħ­hom dam l-iktar u fejn lagħab 154 darba.

    F’dawn is-sitt snin huwa naqas milli jirbaħ xi unuri iżda minkejja kollox stabbilixxa lilu nnifsu bħala element importanti fid-difiża tal-Viola. L-aħħar parti tal-karriera tiegħu qattagħha jilgħab ma’ clubs oħra bħal Padova, Pistoiese u Fiorenzuola qabel ma ddeċieda li jdendel iż-żarbun tal-football għal kollox, fl-1999.

    Minn hemm huwa xtaq ikompli jagħti l-kontribut tiegħu lil-logħba tal-football tant li beda l-karriera ta’ coach.

    Huwa beda jmexxi lit-team taż-żgħażagħ ta’ Bologna u Chievo sakemm imbagħad ingħata l-ewwel team tal-kbar tiegħu fl-2004 meta kien fit-tmun ta’ Salernitana. Minn hemm kellu wkoll l-opportunitá li jieħu ħsieb timijiet ta’ din il-kategorija bħal Modena, Parma, Grosseto, Piacenza u Sas­suolo.

    L-ewwel club tas-Serie A li mexxa kien Chievo Verona u minn hemm ‘il qud­diem kien fit-tmun ta’ diversi timijiet fosthom Palermo, Bologna, Lazio u Inter.

    Kif għedna, beda jmexxi lil Fiorentina minn Ġunju 2017 u kien fit-tmun tat-team għal 59 partita.

    Bħalissa huwa jinsab f’Malta fejn qed iħejji lit-team għat-tieni parti tal-istaġun bit-tama li jikseb aktar punti u jtejjeb il-po­­żizzjoni fil-klassifika.

    X’tiftakar mill-karriera tie­għek ta’ player?

    Bla dubju, l-aktar tifkiriet li nibqa’ ngħożż huwa ż-żmien meta kont nilgħab ma’ Juventus.

    Ħafna ppruvaw iqabbluni ma’ Gaetano Scirea li jien kelli l-opportunitá nilgħab miegħu. Kelli ċ-ċans li nesperjenza l-krema ta’ players oħra kbar bħal Michel Platini, Antonio Cabrini u Sergio Brio.

    Bl-għajnuna tagħhom rnex­xieli ntejjeb il-ħiliet tiegħi u għalkemm ma tantx lgħabt ħafna xorta kont kburi li kont nagħmel parti minn din l-iskwadra.

    Liema kienu l-ewwel pas­si li għamilt bħala coach?

    Jien bdejt immexxi lit-team tal-Primavera ta’ Bologna u dan kien fl-istaġun 2001-02.

    Kont ixxurtjat li kelli pass bogħod minn fejn kont noqgħod. Ma’ dan it-team żagħżugħ irnexxieli nirbaħ il-kampjonat li kien kompost minn players Taljani u dawk barranin.

    Kien l-ewwel suċċess tiegħi li żgur qatt ma jien se ninsa. Ma nistax ninsa lanqas il-mument meta kont immexxi lil Salernitana fl-istaġun 2003-04 fejn rnexxielna nsalvaw proprju fl-aħħar ġurnata.

    Kelli wkoll id-diżappunti tiegħi b’mod partikolari ma’ Parma u Palermo. Mill-banda l-oħra, kont fortunat li mexxejt timijiet prestiġjużi bħal Inter u Lazio. Issa ninsab ma’ Fiorentina u xogħli huwa li mmexxihom aktar ‘il quddiem.

    Għaliex għażiltu lil Malta bħala destinazzjoni fejn tagħmlu dan it-trainingcamp?

    Għażilna lil Malta għax ridna post sabiħ fejn stajna noqogħdu flimkien bħala skwadra u ninġabru wara xi jiem ta’ mistrieħ.

    Kellna ċ-ċans inżuru l-infrastruttura fejn bħalissa qegħdin nitħarrġu u verament ninsab impressjonat bil-livell għoli. Il-post huwa sabiħ, il-klima hija waħda tajba ħafna u fuq kollox qegħdin naħdmu b’ċertu trankwillitá.

    Kif tfisser il-laqgħa li tawkom il-Maltin f’dan it-training camp li qed tagħm­lu f’pajjiżna?

    M’hemmx dubju, li l-Maltin laqgħuna sew l-iktar dawk li jżommu ma’ Fiorentina.

    Verament kont impres­sjonat kemm hawn min huwa dilettant ta’ dan it-team f’pajjiż bħal tagħkom.

    Dan kollu jkompli jsaħ­ħaħ il-missjoni tagħna li nkomplu nilagħbu tajjeb ħalli nferrħu lil dawk li jsegwu lit-team tagħna. Diġá bdejna naħsbu għall-im­penji li għandna nhar il-Ħadd fil-Coppa Italia kontra Torino u l-logħba mis-Serie A kontra Sampdoria.

    Taħseb li stajtu mortu aħjar mill-għaxar post li tinsabu fih bħalissa?

    Naqbel miegħek li stajna konna aħjar fil-pożizzjoni tagħna minn dik li ninsabu fiha issa.

    Nittama li issa fit-tieni round nuru l-logħob tipiku tagħna biex intejbu din il-pożizzjoni u fuq kollox niksbu kwalifikazzjoni għal xi kompetizzjoni Ewropea. Nemmen li bi ftit aktar fortuna u kuraġġ nistgħu nitjiebu dejjem aktar.

    Taħseb li dan it-team jista’ jagħmilha għaż-żona tal-UEFA Champions Lea­gue?

    Bla dubju, mhux ser tkun faċli li naslu għal dan it-tragward minħabba li bħalissa hemm timijiet oħra bħal Lazio, Atalanta, Roma, Sampdoria u Torino li għand­hom xi ħaġa żgħira aktar minna.

    Aħna qed naħdmu bis-sħiħ biex nagħmlu l-qabża fil-kwalitá u ta’ konsolaz­zjoni għalina huwa l-fatt li hemm ftit punti biss li jifirduna minn dawn it-timijiet. 

    Intom team li ġej mis-Serie A Taljana fejn hemm numru bla limitu ta’ players barranin. Hawn Malta qed jiddiskutu l-possibbiltá ta’ 11-il barrani. Kemm taqbel ma’ din ir-regola?

    Fl-Ewropa kollha s-suq tal-barranin huwa miftuħ. Jekk f’Malta tidħol din ir-regola, ma tkun qed tagħmel xejn ta’ barra minn hawn. Jekk il-barranin li jilagħbu jkollhom ċertu livell ... għaliex le?

    Iżda jekk imbagħad il-players li jiġu minn barra ma jkunux daqstant tajbin, aħjar tibqgħu kif intom. Fl-Italja l-players barranin li hemm huma aċċettabbli għalkemm hemm oħrajn li huma eċċezzjonali.

    Mhux se nsemmi lil Cristiano Ronaldo għax dak jinsab fi klassi għalih.

    Kemm kien ifisser għalikom Davide Astori li ħalla din id-dinja b’mod tra­ġiku s-sena l-oħra?

    Għalija kien ifisser ħafna. Għadni s’issa ma nistax nemmen li ma nistax nisma’ aktar leħnu fil-ground. Kien il-punt ta’ riferiment għalija għax bih xtaqt nibni team u jien kont ibbażajt sew fuq il-ħiliet tiegħu.

    Ħafna żgħażagħ li kienu waslu fil-bidu tal-istaġun li għadda kellhom jieħdu post players oħra li kienu telqu l-iskwadra bħal Federico Bernardeschi, Matias Vecino, Borja Valero u Nicola Kali­nic.

    Mhux faċli li taċċetta kif persuna ta’ 31 sena tmut fl-irqad. Aħna min-naħa tagħ­na bqajna niftakruh għax kien player eżemplari.

    Taqbel mal-VAR?

    Iva naqbel sew miegħu għax b’hekk naqsu xi ftit l-iżbalji tar-referee. Mhux qed ngħid li ser telimina l-iżbalji kollha għax xorta għad hemm id-deċiżjoni tar-referee iżda hi pass ‘il quddiem biex tkompli tid­ħol it-teknoloġija fil-football.

    X’messaġġ finali tixtieq tgħaddi lill-partitarji tal-Viola speċjalment dawk li hawn f’Malta?

    Kif għedtlek bqajt impressjonat bil-laqgħa li tawna dawn l-istess partitarji f’pajjiż daqstant żgħir.

    Nixtieq ħafna li huma jibqgħu warajna u aħna min-naħa tagħna ser nippruvaw nagħtuhom aktar sodisfazzjon. Dan huwa d-dover tagħna. Minn hawn nixtieq nirringrazzjahom ta’ dan kollu.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0