Intervista: Stephania Farrugia ... il-captain tat-team tan-nisa ta’ Birkirkara

  • Jan 12, 2019 00:19
  • Miktub minn minn Cris Muscat
"

    Kif nibtet fik l-imħabba lejn il-football?

    Minn ta’ età żgħira dejjem kien jogħġobni l-football, tista’ tgħid li kont iffissata. Kont attiva ħafna fi tfuliti, fil-klassi tal-edukaz­zjoni fiżika kont nipparteċi­pa f’kull ħaġa fejn kellu x’jaqsam sport u kont nieħu sehem f’kull attività.

    Imma meta konna nilagħbu l-football kont inħoss li dan kien l-isport li xtaqt inkompli nipprattika meta nikber. Għalkemm il-football, għal xi wħud kien u għadu jitqies bħala logħba tas-subien,  kont nistenna l-qanpiena tal-iskola ddoqq biex flimkien ma’ shabi nilagħbu l-football.

    Kont fortunata li fiż-żmien li fih iddeċidejt li nieħu l-football bis-serjetà, Birkirkara, raħal twelidi kellhom team tal-football tan-nisa.

     

    X’ifisser ir-rebħ tal-kampjonat matul l-istaġun li għadda?

    Il-kampjonat li għadda kien wieħed mill-aktar diffiċli għalina bħala team ta’ Birkirkara. Konna taħt il-gwida ta’ coach ġdida u  kel­lna wkoll injuries mill-bidu tal-istaġun innifsu kif ukoll waqt l-istaġun.

    Però, nemmen li żam­mejna konsistenza u dak li ġie kontrina, użajnieh bħala enerġija għal kull logħba. Ifiser ukoll li qiegħda f’team li l-qalb hija kollox.

    Fuq bażi personali ma kienx  l-aħjar żmien għalija però l-football kien dak li jnessini kollox u għal­daqstant ir-rebħ tal-kampjonat nessieni kull sagrifiċċju li kelli ngħaddi minnu.

     

    Kemm kien differenti dan il-kampjonat minn oħrajn li rbaħt ma’ Birkirkara? Tqisu bħala iktar speċjali u isbaħ jew ma tistax tiddistingwi bejn rebħ ta’ kampjonati mir­buħa?

    Kull kampjonat għandu storja għalih u nista’ nikkonferma li kollha għandom l-eċċitament tagħhom.

    F’team tan-nisa minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi huwa xi ħaġa li jħalli impatt u jgħin biex niksbu rispett allura ntejbu r-riżorsi u affarijiet oħra li jkollna bżonn.

    Minn aspett personali dan il-kampjonat stajna nitil­fuh sal-aħħar logħba u għaldaqstant meta toħroġ rebbieħa fuq logħba diretta bla ma trid tħoss aktar emoz­zjoni.

     

    Kif tirribatti għall-kritika li ssir minn bosta persuni mhux biss f‘paj­jiżna, li l-football huwa biss addattat  għall-irġiel u mhux għan-nisa, minħabba s-saħħa fiżika u l-aġilità partikolari li dan l-isport jirrikjedi?

    Huwa kliem u diskors li kemm ilni fil-football dejjem kien hemm u qatt ma waqaf.

    In-nisa bil-kontra tal-irġiel, iridu jirbħu rispett f’din il-logħba u dak kollu li nagħmlu tajjeb jintesa mill-ewwel fuq riżultat ħażin kemm fil-kampjonat domestiku kif ukoll fit-team nazzjonali.

    Peró jien ma tant niġi affettwata minn dan id-diskors għax jien nemmen li kulħadd għandu l-opinjoni tiegħu.

    Aħna għadna nilagħbu l-logħba li tant inħobbu però sfortunatament dan l-aġir ta’ kliem jagħmilha diffiċli biex niksbu r-riżorsi li ħaqqna.

    Hija frustranti li rridu niġġieldu għal kollox biex inkunu stmati bl-istess rispett li tgawdi l-logħba tal-irġiel.

     

    X’tikkummenta fuq il-moħħ wara l-qawmien tal-football tan-nisa f’dawn l-aħħar snin f’pajjiżna, li huwa wkoll l-ex coach tat-team nazzjonali tan-nisa li preżentament qed jokkupa il-kariga ta’ Direttur Tekniku tal-football tan-nisa lokali, Pierre Brincat?

    Huwa grazzi għal nies bħal Pierre Brincat li l-football tan-nisa huwa b’saħħtu f’pajjiżna.

    Għalkemm jien ġejja minn club fejn inħoss li dej­jem kellu rispett għall-football femminili, huwa kien hemm għal timijiet ġodda u dejjem għen u ta kuraġġ lil kull team involut biex il-kampjonat domestiku jikber fin-numru.

    Ħadem tajjeb fil-Grassroots li b’hekk qed “nikbru” u nistgħu nibnu nurseries li fl-aħħar mill-aħħar huma l-frott tal-futur.

    Personalment, Pierre dej­jem kien wieħed minn dawk li emmnu fija minn  età żgħira. Nista’ ngħid li wasalt fejn wasalt illum il-ġurnata huwa bis-saħħa ta’ nies bħal Pierre li in­koraġġewni matul iż-żminijiet.

    Minn dejjem kelli rispett kbir lejn dan il-bniedem u nibqa’ b’rispett kbir lejh tal-fiduċja li wera fija.

     

    Iddeskrivi l-esperjenza li kellkom  matul is-sajf li għadda fil-UEFA Women’s Champions League fejn fost l-ohrajn ksibtu draw prestiġjuż ta 2-2 kontra Cardiff City.

    L-esperjenza fiċ-Cham­pions League kienet waħda unika. Tmur kemm il-darba tmur, tħoss li huwa ta’ unur li tkun qiegħda tirrap­preżenta lir-raħal tiegħek u fuq kollox lil Malta.

    Għalkemm ir-riżultati mhux dejjem ikunu favur tagħna, xorta hija esperjenza siewja għal fejn għandna naslu fil-football f’Malta.

    Il-logħob taċ-Champions League huma tlieta f’ġim­għa, kollha logħob li jirrikjedu kemm saħħa fiżika kif ukoll dik mentali. Li tirbaħ punt fl-aħħar logħba juri karattru kif ukoll jirrif­letti li aktar ma jmur aktar dejjem qed intejbu l-livell tagħna.

     

    Bħala team nazzjonali tan-nisa, ħassejtu xi transizzjoni partikolari mis-sistema ta’ coaching li kien jaddotta Pierre Brincat għal dik ta’ Mark Gatt?

    It-team nazzjonali huwa dejjem storja kurrenti. Jinvolvi lill-players tal-mument, il-kompetizzjoni li tkun qiegħda taħdem għa­liha u l-viżjoni tal-coach. Inħoss li l-coach Mark Gatt kompla fuq dak li bena Pierre Brincat.

    Pierre kien coach difensiv u għallimna niddefendu sew. Mark introduċa l-element offensiv u għal­daqs­tant nistgħu ngħaqqdu ż-żewġ karatteristiċi flim­kien.

    Bħal kull team trid taddatta għal dak li jkol­lhom il-players u għall-kompetizzjoni li int se tkun qiegħda tieħu sehem fiha.

    Għalhekk nemmen li għaż-żminijiet ta’ prepa­razzjoni, it-tnejn ippreparawna għal dak li nkunu se nsibu ma’ wiċċna.

     

    Hemm xi logħbiet me­morabbli kemm ma’ Bir­kirkara kif ukoll mat-team nazzjonali li jibqgħu mmarkati b’ittri tad-deheb fil-karriera tiegħek sa issa?

    Logħba memorabbli li se nibqa’ ngħożż matul ħajti kollha hija r-rebħa ta’ 2-0 fuq il-Latvja li ntlagħbet fis-Centenary Stadium.

    L-emozzjonijiet li ħassejt meta smajt it-tisfira finali ħallew impatt kbir f’ħajti.

    Dak in-nhar it-team nazzjonali kiteb l-istorja għall-ewwel darba wara li għaddejna mill-fażi tal-kwalifizzjoni tal-UEFA European Competition.

    Meta tilgħab kontra timijiet li huma professjonali u tidħol fil-ground u tiġġieled għal dak li tkun tixtieq ... u tagħti l-massimu u dak kollu li tkun tista’ biex finalment toħroġ reb­bieħ .... ifisser li minkejja aħna pajjiż żgħir, għandna qalb kbira għax kapaċi niffaċċjaw kull tip ta’ avversarju u nkunu sfida denja.

    Min-naħa l-oħra, hija mistoqsija diffiċli mmens biex nagħżel l-isbaħ mument tiegħi ma’ Birkirkara għaliex f’dawn il-15-il sena esperjenzajt bosta mumenti eċċitanti u memorabbli.

    Però, se mmur għall-ħolma ta’ tfuliti li kienet li ngħolli t-tazza tal-kampjonat domestiku waqt li nkun liebsa l-faxxa ta’ captain.

    Din saret realtà fl-istaġun 2016/17. Kienet l-aħħar logħba tal-istaġun, fejn lgħabna kontra Gozo FC ġewwa Għawdex stess, meta rbaħna l-kampjonat tal-istess sena msemmija u għall-ewwel darba għollejt it-tazza bħala captain ta’ Birkirkara.

    Huma mumenti bħal dawn li jagħtuni kuraġġ biex flimkien ma’ sħabi, nagħtu dak kollu li nistgħu waqt kull partita, għax naf li b’hekk biss nista’ nerġa’ nes­perjenza l-istess emoz­zjo­nijiet u sodisfazzjon.

     

    X’tikkummenta fuq l-MFA? Tħoss li din qed tagħmel biżżejjed għall-akbar ġid tal-football tan-nisa f’pajjiżna jew tħoss li tista’ tagħmel aktar?

    Rigward l-MFA naħseb li mxiet ħafna ‘l quddiem fejn li konna qabel. Ir-rikonox­xenza mill-konfront tagħ­hom bdiet tinħass però xorta nemmen li għal dak li hu mistħoqq u ta’ bżonn għad­na rridu niġġieldu għalih.

    Fir-rigward ġenerali, fil-football tan-nisa, il-formula biex dan jibqa’ jiffunzjona, irridu nkomplu nibnu l-pedamenti għat-tfal l-ew­wel u qabel kollox.

    Inhoss li l-MFA flimkien mal-clubs ma jistgħux jieqfu jippromwovu l-football tan-nisa u jrid ikun hemm ħi­nijiet raġonevoli għal-lo­għob biex ikollna attendenza tajba.

     

    X’inhuma l-kummenti tiegħek fuq il-coach tat-team tan-nisa ta’ Birkirkara, Melania Bajada?

    Inħossni onorata li hija l-ewwel mara fir-responsabbiltá ta’ team lokali u rebħet il-kampjonat.

    Ma’ din l-esperjenza, irbaħna l-ewwel punt storiku fiċ-Champions League kif ukoll it-Treble..

    Hija coach li tafda ħafna fina, u li t-team jiġi qabel kollox. Barra minn hekk hija waħda mill-ftit coaches li tagħti ċ-ċans lill-players żgħar jilagħbu fil-kampjonat.

     

    Tikkunsidra l-possibbiltà li fil-futur tmur tilgħab ma’ xi team barra minn Malta?

    Kien hemm diversi timijiet barranin li wrew interess kbir fija u ġejt offruta diversi provi. Però qatt ma kelli l-ħajra jew xewqa li nħalli xtutna u mmur nilgħab barra minn Malta.

     

    Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek ma’ Birkirkara? Tqis li l-futur tiegħek huwa wieħed esklusivament mal-Istripes, jew tikkunsidra li fiż-żmien li ġej tħalli lil dan il-club, biex tingħaqad ma’ xi team ieħor?

    Ilni mal-club ta’ Birkirkara mindu kelli 11-il sena. Nis­ta’ ngħid li f’dan iż-żmien tiegħi ma’ Birkirkara, domestikament irbaħt kull unur possibbli kemm bħala skwadra kif ukoll fuq bażi personali.

    Birkirkara huwa raħal twelidi, dejjem kont stmata kemm mill-kumitat, kemm mill-coaches kif ukoll minn sħabi l-players, li naħseb vera diffiċli biex xi darba nitlaq lil dan il-club. 

    Inħossni kuntenta li nifforma parti minn din l-is­kwadra u naħseb li l-possibbiltà li xi darba niċċaqlaq ma’ xi team ieħor hija vera żgħira, però fil-ħajja ma tista’ teskludi xejn. 

     

    Tħoss li l-media sportiva f’pajjiżna tagħti biżżejjed promozzjoni lill-football tan-nisa, jew tagħmel dan biss waqt tournaments prin­ċipali u importanti, li fihom ikun involut it-team nazzjonali tan-nisa?

    Il-ġurnaliżmu fil-football tan-nisa huwa ‘l boghod minn kif għandu jkun. Il-logħob tagħna ma jiġi segwit minn ħadd preżenti.

    Hija rarità li rajna lil xi ħadd hemmhekk jieħu n-noti tal-logħba. Inħoss li jrid ikun xi tournament uffiċjali tan-nazzjonal kif ukoll riżultat storiku biex naraw lil xi ħadd preżenti.

    Nixtieq u nispera li l-ġurnaliżmu fejn jidħol il-logħob tal-football tan-nisa jitjieb fil-livell fiż-żminijiet li ġejjin, idealment fi żmien mhux wisq ‘il bogħod.

     

    Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, tista’ tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfajliet li qed jinteressahom li jibdew karriera fil-football kif ukoll lill-ġenituri tagħhom biex iħeġġuhom jagħmlu dan.

    Is-sitwazzjoni u l-inkluż­jo­ni għat-tfajliet fix-xena tal-football hija waħda inqas problematika.

    Nemmen li għandna ħajja waħda u tkun vera ħela jekk ma nkunux kapaċi nagħmlu fiha dak li vera nħobbu.

    Il-logħba tal-football hija lingwa li hija sabiħa ħafna, li fiha tiġbor emozzjonijiet, ħbiberija u memorji li ma jintesew qatt.

    Ninkoraġġixxi lil kull min għandu din il-ġibda lejn il-football biex ma jis­tennix aktar u jingħaqad ma’ team u jibda jipprattika l-football.

    Fuq nota personali, nixtieq ngħid grazzi lil xi wħud li meta kont żgħira kienu dejjem jinkoraġġuni bis-sħiħ biex inkun player tajba, u li qatt ma qatgħu qalbhom minni.

    Bis-saħħa tagħhom, jien dik li jien illum. U grazzi kbira tmur ukoll għal min issapportjani f’dawn is-snin li fihom ilni nilgħab il-football.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0