''Medja ta’ żewġ każi ta’ abbuż fiżiku fil-ġimgħa fuq l-edukaturi''

  • Jan 12, 2019 11:13
  • Miktub minn Carmen Cachia
"

    Stħarriġ li ħarġet il-Malta Union of Teachers qajjem mewġa ta’ reazzjonijiet fosthom minn LSE u għalliema li tkellmu ma’ inewsmalta dwar l-esperjenzi xejn sbieħ li hemm fl-ambitu tax-xogħol tal-edukaturi. Din is-sitwazzjoni fl-iskejjel hija kkonfermata li ilha għaddejja s-snin fejn jirrakkontaw kif kien hemm edukaturi li anke wasslu biex telqu minn dan ix-xogħol għax ma felħux aktar u qalu li l-abbuż mhux qed isir biss mit-tfal, iżda hemm abbuż verbali minn membri tal-SMT fuq l-istaff fl-iskejjel. Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, filwaqt li saħaq li mhux se tkun ittollerata vjolenza fl-iskejjel, ħabbar li se jniedi portal fejn kull edukatur jista’ jagħmel rapport fuq kull tip ta’ mġieba mhux xierqa li qed jiffaċċja. Graham Sansone mill-Union of Professional Educators (UPE) jikkonferma sitwazzjoni inkwetanti u iebsa għall-edukaturi tagħna, “iżda il-Gvern preżenti huwa proattiv u ninsab fiduċjuż  li se jittieħdu passi ħalli jsiru t-tibdiliet meħtieġa.”

    “Fuq sena sħiħa jekk wieħed jgħaqqad il-kategoriji kollha li jaqgħu taħt abbuż fl-iskejjel ta’ kuljum kellna każ ta’ abbuż, mentri dak li jikkonċerna abbuż fiżiku hemm medja ta’ żewġ każi fil-ġimgħa u dan jiġbor l-iskejjel kollha ta’ pajjiżna u mhux dawk statali biss,” stqarr ma’ dan is-sit Graham Sansone, mill-Union of Professional Educators. 

    Qalilna kif hemm biża’ kbira min-naħa tal-edukaturi biex imorru għax-xogħol, b’mod speċjali fil-Learning Centre partikolari minħabba vjolenza fiżika u anke minħabba li kien hemm każi fi skejjel sekondarji fejn tfal ġabu skieken fl-iskola. Barra l-biża’ ta’ vjolenza fiżika l-UPE qalet li hemm ukoll dik psikoloġika u dik li l-edukaturi jibżgħu jitkellmu għax ma jiġux mgħejjuna mill-persuni responsabbli.

    Graham Sansone qal li bħala unjin, mill-ewwel ġurnata tal-operat tagħha, kellhom rapporti ta’ każi ta’ vjolenza fuq l-edukaturi fit-tliet kategoriji differenti li jinkludu edukaturi msawwtin minn tfal stess, fil-maġġoranza jkunu l-LSEs il-vittmi; aggressjoni verbali u anke fiżika fuq l-edukaturi mill-ġenituri jew persuni minn barra u aggressjoni li ġejja mill-amministrazzjoni b’abbuż verbali. 

    Fil-każ tal-aggressjoni fuq l-LSEs mit-tfal huwa qal li l-inċidenza hija akbar minħabba li huma l-LSEs li għandhom l-aktar kuntatt dirett mat-tfal. Hawnhekk huwa aċċenna għall-fatt importanti li dan mhux tort tat-tfal minħabba li wħud mill-kundizzjonijiet iwasslu għal dan it-tip ta’ atteġġjament. 

    Sansone jispjega li fil-każi fejn tfal jerfgħu jdejhom fuq il-LSEs hemm tliet kategoriji fejn hemm tfal b’kundizzjonijiet li jesprimu ruħhom b’rabja, hemm oħrajn b’diżabbiltà fiżika li jkun hemm stimulant bħal dak li jieħdu pjaċir jaqbdu x-xagħar u ġieli jaqbdu x-xagħar tal-LSE u tfal b’diżabbiltà intelletwali li jigdmu u jobqżu u li, “dawn kollha rajnihom”. Hawn isemmi każ partikolari fejn INCO li kienet fil-klassi għall-osservazzjoni weġgħet meta tifla tefgħet ktieb u qasmitilha l-kappell t’għajnejha.

    Il-kelliem tal-UPE jiġbed l-attenzjoni b’urġenza għas-sitwazzjoni li hemm fil-Learning Centres li f’Malta għandna tlieta minnhom, minħabba li qegħdin isibu diffikultajiet kbar. Dawn il-Learning Centres huma speċjalizzati fuq tfal b’diffikultajiet serji fejn ma’ sitt itfal hemm madwar tliet għalliema u seba’ u tmien LSEs fuq bażi ta’ one-to-one minħabba li anke t-twieqi hemm bżonn li jkunu ssiġillati bħala miżura ta’ sigurtà. 

    Huwa jgħid problema oħra fil-Learning Centres hi li l-etajiet ta’ dawn it-tfal huma mħalltin u dan hu ħażin minħabba li t-tfal żgħar jitgħallmu l-ħażin li jaraw mill-kbar. “Il-problema hawn hi serja minħabba li l-edukaturi li fil-maġġoranza tagħhom huma nisa u joħorġu mbenġlin tant li kelli raġel ta’ waħda minnhom li lmenta li ma jistax ikun li martu tibqa’ titbenġel minn fuq s’isfel fuq il-post tax-xogħol,” qal Sansone.

    Il-kelliem tal-unjin qal li minn dejjem kien hemm tfal b’kundizzjonijiet jew diffikultajiet, iżda llum il-ġurnata qegħdin nagħfsu aktar fuqhom. Din l-attitudni vjolenti, skont Sansone mhix ġejja biss minn dawn il-każi iżda wkoll minħabba nuqqas ta’ edukazzjoni, kulturi differenti, rabja lejn l-edukaturi u nuqqas ta’ rispett. Huwa jgħid li hemm ħafna aspetti lejn x’hiex jista’ jkun li qed iwassal għal dan l-abbuż fl-iskejjel u importanti li, “min għandu jisma’ l-ilmenti għandu jisma’ kollox.”

    Huwa jsemmi li issa l-problema se tiżdied minħabba li t-tfal żgħar fuq shared basis li jkollhom l-LSE bejniethom minn Settembru li ġej, l-istudenti shared mill-Kinder 1 sa l-aħħar ta’ Year 3, jekk in-numru tal-istudenti fil-klassi ma jeċċedix dak massimu, mhux se jkollhom LSE. “Aħna se nispiċċaw f’sitwazzjoni vulnerabbli fejn l-għalliema se jkollha tlaħħaq ma’ klassi sħiħa b’LSE fil-kantuniera mal-istudent li qiegħda miegħu one-to-one u għandha erba’ mqarbin li se jqajmulha rebus sħiħ bil-possibbiltà ta’ aktar vjolenza lejn l-għalliema u anke t-tfal l-oħra fil-klassi,” tenn Sansone.

    Huwa qal li, “din mhix problema t’issa tant li l-awtoritajiet ilhom jafu li hemm problema u mhux qed ngħid li l-iskejjel għandna nġibuhom qishom ħabs, iżda nħoss li wasal iż-żmien li tidħol sistema ta’ scanners fl-iskejjel qabel ma’ tiġri xi traġedja”. 

    Il-UPE qalet li kellha każi fejn LSEs imorru jirrapportaw mad-dipartiment u ma jgħinuhomx, nies li ma riedux jiffirmaw injury on duty u oħrajn li sfaċċatament qalu li l-LSEs, ‘kienu jafu għal x’xhiex deħlin’. Hawnhekk jisħaq li, “ma tarax. Mela aħna dħalna bħal punch bags?” u jiġbed l-attenzjoni li llum il-ġurnata l-maġġoranza tal-LSEs huma nisa u anke wħud minnhom viċin l-età tal-pensjoni li ma jifilħux għal dan it-tip ta’ kundizzjonijiet u/jew abbuż.

    Sansone qal li hemm każi fejn LSEs nisa fuq is-60 sena li jistennewhom jiġru wara t-tfal li jipprovaw jaħarbu u jikkontrollaw tantrums li lanqas raġel ma jirnexxielu jagħmel. Huwa jemmen li hemm bżonn tiġi kkonsidrata skema jew irtirar kmieni għall-edukaturi li javvanzaw fl-età għax is-sitwazzjoni minn dan il-lat mhix sostenibbli.

    Rigward vjolenza fiżika minn edukatur fuq edukatur huwa qalilna li jaf b’każ wieħed biss iżda rigward abbuż verbali jgħid li, “sfortunatament dan iseħħ ta’ kuljum u dan l-għajjat isir mis-superjuri minħabba għarja u nuqqas ta’ rispett. Din hija verament sitwazzjoni orribbli li twaqqa’ kull sens ta’ kollox.” 

    Il-kelliem tal-unjin semma’ kif l-iskejjel tal-Knisja m’humiex inqas minn dawk tal-Istat fejn isemmi każ riċenti ta’ soru li ġabret lill-membri tal-istaff, bdiet tgħajjat magħhom u trattathom qisha ġabrithom mit-triq u b’karità tagħthom xogħol. Qal li dan kollu ġara għax talbu li jingħataw il-laptops. Sansone stqarr li, “anke jien stess ġejt mgħajjar minn uffiċjali mill-Knisja bi kliem faħxi għax ipprovajna niġġieldu għal ċerti drittijiet.” 

    “Jien nistaqsi kif se nsolvu l-problema ta’ nuqqas ta’ għalliema aktar u aktar b’dawn il-problemi li qegħdin jiffaċċjaw l-edukaturi?” temm il-Graham Sansone.  

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0