Għandha ħdax-il sena iżda tidher ta’ sittin

  • Jan 12, 2019 15:39
  • Miktub minn iNews
"

    Adalia Rose hi tifla ta’ 11-il sena. Madankollu, bħala persuna hi tidher bħallikieku kellha iżjed minn 60 sena peress li hi tbati minn kundizzjoni ġenetika rari li tgħaġġel il-proċess tax-xjuħija. Din il-kundizzjoni, magħrufa bħala Gilford progeria syndrome jew kif inhi magħrufa aħjar bħala Hutchinson, taffettwa inqas minn 500 persuna minn madwar id-dinja.

    Minkejja din il-kundizzjoni, Rose mhux talli ma qatgħetx qalbha mill-ħajja, talli waslet biex kisbet popolarità qawwija fuq is-siti soċjali. Fil-fatt, din it-tifla saret stilla fuq l-internet, hekk kif rawha madwar 170 miljun viżitatur fuq YouTube u għandha iżjed minn 13-il miljun Like fuq Facebook. 

    Waslet proprju biex kisbet din il-popolarità minħabba l-personalità sabiħa li għandha u li tiġbdek lejha. Adalia tammetti li hi tħossha bħala diva u li dejjem jirnexxielha tikseb dak li trid. Missierha jsemmi kif il-fatt li saret daqstant popolari jġegħelhom jgħixu ħajja tal-ġenn, l-aktar peress li fil-pubbliku spiss jagħrfuha. 

    Ngħixu l-ħajja ġurnata b’ġurnata

    Madankollu, il-ħajja ta’ Adalia mhix kollha ward u żahar. L-istennija tal-ħajja għal każi bħal dawn hi ta’ 13-il sena u għalhekk il-familja jevitaw li jitkellmu ma’ binthom dwar il-possibbiltà li tmut ħalli ma joqogħdux ibeżżgħuha.  

    Għaldaqstant, huma qegħdin jgħixu ħajjithom ġurnata b’ġurnata filwaqt li jħallu lil binthom tgawdi l-fama li qiegħda tikseb. Missier it-tifla, Ryan qal li huma jistmaw lil binthom bħal tifla ta’ 11-il sena u jipprovaw jagħtuha l-isbaħ ħajja. 

    Omm Adalia, Natalia tistqarr li bintha tara lilha nnifisha differenti. Kultant tgħidilha li tixtieq kieku kienet itwal, li kellha x-xagħar u li tidher bħal bniet oħrajn tal-età tagħha. Iżda mbagħad mal-ħin tgħidilha li m’għandiex bżonn ix-xagħar għax għandha diversi parrokki u tista’ tibdel xagħarha skont ma tkun tixtieq u jkollha aptit. 

    Kuljum esperjenza ġdida u eċċitanti

    Għal ommha, il-fatt li hi daqstant differenti mill-kumplament tad-dinja hi xi ħaġa li togħġobha. Tistqarr li kull jum li tgħaddi ma’ bintha hi dejjem tesperjenza xi ħaġa ġdida li tkun eċċitanti. Adalia bidlitilha ħajjitha u permezz tagħha saret tapprezza aktar dak li għandha. 

    Natalia tgħid ukoll li s-segwaċi ta’ bintha fuq il-midja soċjali jgħidu ħafna kliem sbieħ dwar bintha; li hi sabiħa u li jħobbu l-mod kif tiżfen. Tgħid li jfaħħruha wkoll għall-mod kif tispira lil ħaddieħor u ma tħalli xejn li jfixkilha fi triqitha. 

    “Kont waħdi… ħassejtni mitlufa”

    Omm Adalia tirrakkonta wkoll dwar it-twelid u t-trobbija ta’ bintha. Dak iż-żmien, Natalia kienet omm waħedha u meta bintha kellha madwar xahar, it-tobba ma kinux kuntenti bil-mod kif kienet qiegħda tikber. Fil-fatt, dan kien sintomu li beda juri l-kundizzjoni ta’ Adalia. Imbagħad il-ġdida ta’ żaqqha bdiet tidher differenti u ta’ tliet xhur ingħatat id-dijanjożi li ssofri minn din il-kundizzjoni. 

    Kien matul dan iż-żmien li bdew jidhru bidliet kbar f’ġisem Adalia, fosthom bdiet titlef xagħarha, bdew jidhrulha l-vini u l-ġdida bdiet issirilha iżjed irqiqa. Ommha ħassitha mitlufa hekk kif ma kellha lil ħadd lejn min iddur. 

    Din il-kundizzjoni hi kkawżata minn mutazzjoni fil-ġenetika. Minbarra li l-ġisem jibda jixjieħ malajr, sintomi oħrajn ta’ din il-kundizzjoni jinkludu li l-persuna ma tikbirx, ikun hemm nuqqas ta’ xaħam u muskoli fil-ġisem, jintilef ix-xagħar, jidhru l-vini, il-vuċi tkun b’tonalità għolja u jkollha ġogi riġidi ħafna. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0