It-tniġġis fl-arja jnaqqas l-intelliġenza … partikolarment f’persuni anzjani

  • Jan 12, 2019 17:00
  • Miktub minn iNews
"

    Kull sena, madwar 4.2 miljun persuna jmutu, filwaqt li miljuni oħrajn jimirdu b’mard kroniku, minħabba kwalitá tal-arja baxxa. Studju riċenti qiegħed ukoll jikkonferma li t-tniġġis tal-arja jwassal għal nuqqas fl-abbiltajiet konjittivi tal-persuna; jiġifieri kemm persuna tkun kapaċi toqgħod attenta, tiftakar informazzjoni li tgħallmet fl-imgħoddi u tiġġenera informazzjoni ġdida. 

    Din hi l-ewwel darba li riċerka daqstant estensiva qiegħda tagħti din il-konferma, bil-konsegwenza li x-xjenzati qegħdin iġeddu s-sejħa tagħhom biex ikun hawn regolamenti aktar b’saħħithom dwar ir-regolazzjoni tal-kwalitá tal-arja. 

    L-istudju, li sar minn riċerkaturi Ċiniżi u Amerikani, u li ġie ppubblikat fil-“Proceedings of the National Academy of Sciences”, kien jikkonsisti f’kejl tad-dijossidu tal-kubrit, tad-dijossidu tan-nitroġenu u tal-partiċelli fl-arja madwar id-djar ta’ madwar 20,000 parteċipant. Saru wkoll testijiet verbali u aritmetiċi biex jevalwaw l-abbiltajiet konjittivi ta’ dawn l-istess parteċipanti. 

    Mir-riċerka rriżulta li aktar ma persuna kienet esposta għall-arja tossika, aktar ma bdiet tmur fit-testijiet għall-abbiltajiet konjittivi. Aktar interessanti minn hekk, ir-riċerka wriet li livelli għoljin ta’ tniġġis fl-arja kienu qegħdin iwasslu għal tnaqqis qawwi fil-livell tal-abbiltajiet tal-persuni, anke wara biss ftit xhur. Dan jissuġġerixxi li meta t-tniġġis tal-arja jiżdied f’daqqa, is-saħħa ta’ kemm persuna tibqa’ taħseb tonqos. 

    L-anzjani aktar fil-periklu

    Din ir-riċerka rnexxielha wkoll tikklassifika l-informazzjoni u toħloq demografika biex teżamina min hu l-aktar fiċ-ċans li jiġi affettwat minn din l-arja tossika. Ir-riċerka kkonkludiet li l-anzjani huma l-aktar fil-periklu. Fil-fatt, l-istudju juri li għal persuni li għandhom minn 55 sa 65 sena u għal dawk li għandhom iżjed minn 65 sena, l-effetti jistgħu jkunu vera diffiċli biex jiġu mitigati peress li dawn il-perusni jkunu ilhom jiġu esposti għal żmien twil. 

    Dawn ir-riżultati huma pjuttost xokkanti meta wieħed jikkonsidra li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa temmen li aktar minn 90% tal-popolazzjoni globali qiegħda tgħix f’postijiet fejn il-kwalitá tal-arja mhix ikklassifikata bħala waħda sigura. Fil-fatt, ix-xjenzati spiss itennu li l-limiti tas-sigurtá huma wisq baxxi u għalhekk dan hu aktar ta’ tħassib. 

    Diversi studji oħra juru effetti ħżiena

    Dan l-istudju mhux l-ewwel wieħed li kkonkluda li t-tniġġis fl-arja jagħmel ħsara lill-moħħ tal-bniedem. Studji oħra jassoċjaw it-tniġġis tat-traffiku mad-dimensja, imġieba ħażina fost l-adoloxxenti u anke nuqqas ta’ żvilupp f’moħħ it-tfal li jattendu skejjel fejn hemm ħafna tniġġis. 

    Fl-istudju saru wkoll eżamijiet fuq l-annimali. Ġrieden li kienu esposti għal tniġġis fl-arja urbana għal erba’ xhur urew funzjonijiet mnaqqsa fil-moħħ u infjammazzjonijiet fil-parti l-kbira tal-moħħ. 

    L-iktar partiċelli żgħar l-aktar perikolużi

    S’issa, dan l-istudju ma rnexxilux jikkonkludi liema partijiet mill-partiċelli tal-arja mniġġsa qegħdin jaffettwaw ħażin lill-moħħ. Madankollu, jidher li l-partiċelli ż-żgħar jistgħu jkunu l-kawża. Dawn il-partiċelli huma 2,000 darba iżgħar mid-dijametru ta’ xagħra tal-bniedem u jistgħu jimxu fil-ġisem tal-bniedem mid-demm meta jiblagħhom mill-arja. 

    Aktar agħar minn hekk, dawn il-partiċelli jistgħu anke jidħlu fil-moħħ direttament minn nervituri fl-imnieħer, li jagħtu informazzjoni lill-moħħ dwar is-sens tax-xamm. B’dan il-mod, ikun qed jinqabeż dak il-filtru li jipproteġi l-moħħ minn affarijiet li jistgħu jagħmlulu l-ħsara. 

    F’dan l-istudju, saret ukoll analiżi fuq kampjuni ta’ mħuħ ta’ persuni mejta li kienu jgħixu f’livelli għoljin ta’ tniġġis f’Mexico City u Manchester. Dawn urew sinjali tal-marda tal-Alzheimer u żieda fil-proteini bejn iċ-ċelloli tan-nervituri u partiċelli metalliċi li huma simili għal dawk li jinstabu f’postijiet fejn hemm tniġġis urban. 

    Kulħadd jista’ jagħmel differenza

    Dan l-istudju, flimkien ma’ diversi oħrajn li saru qablu, ikomplu jħeġġu biex jonqos it-tniġġis fl-arja. Dan jista’ jsir billi nadottaw teknoloġiji ġodda fit-trasport, ikun hemm regolamenti tajbin relatati mat-tniġġis tal-arja u politiċi prattiċi li jnaqqsu t-tniġġis tal-arja fuq livell globali. 

    Fuq livell personali, nistgħu wkoll nagħmlu d-differenza. B’inqas sewqan, iżjed miexi u l-użu tar-roti nistgħu ngħinu fit-tnaqqis tat-tniġġis. Min-naħa l-oħra, jekk ikollna bżonn insuqu, allura jkun tajjeb jekk ma nsuqux b’veloċitajiet eċċessivi u lanqas nieħdu brejkijiet f’daqqa. Tajjeb jiġu evitati wkoll vjaġġi waqt l-aktar ħinijiet fejn ikun hemm nies fit-toroq u tiġi ċċirkolata l-arja fil-karozzi waqt li jinżammu t-twieqi magħluqin. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0