“Il-midja għandha dmir li ma toħloqx sensazzjonaliżmu minn problemi familjari”

  • Fra 09, 2019 18:00
  • Miktub minn iNews
"

    “Il-midja għandha tivverifika l-fatti kollha qabel ma tippubblika ċertu stejjer. L-ebda kamra tal-aħbarijiet m’għandha tieħu vantaġġ politiku minn sitwazzjonijiet bħal m’huma dawk tal-familji tad-Deputat Laburista Anton Refalo u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.” Sostna dan il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Għall-Ħarsien Soċjali (FSWS), Alfred Grixti, fid-dawl ta’ bosta aħbarijiet imxandrin fil-konfront ta’ dawn id-deputati parlamentari f’dawn l-aħħar ġimgħat.

    Fuq il-kwistjoni tad-Deputat Refalo, Grixti stqarr li huwa aktar minn ċar li ċerti sezzjonijiet tal-midja irrappurtaw biss dawk l-affarijiet li taw biss stampa mhux kompleta tas-sitwazzjoni kollha biex jimbarazzaw lill-istess Membru Parlamentari billi jqegħduh f’ dawl negattiv. Żied jgħid li dak li sar serva biss biex wieħed jagħmel aktar ħsara milli ġid u dan huwa totalment kundannabbli. Grixti kompla jgħid li bħala Kap Eżekuttiv tal-FSWS jinteressawh żewġ affarijiet. L-ewwel li l-professjonisti tal-Aġenziji Appoġġ, Sedqa, Żvilupp tal-Kommunitajiet (HBTS & LEAP)  u Gozo Services fi ħdan l-FSWS jagħtu servizz tal-ogħla livell professjonali lil kulħadd, hu min hu u hi min hi bla ebda distinzjoni. It-tieni li dan kollu jsir bl-akbar kunfidenzjalità u bl-akbar mod etiku possibbli, sostna Grixti.

    Il-professjonisti ma kienux jafu b’ċertu dettalji

    Grixti kompla jispjega li hu aċċerta ruħu li l-professjonisti tal-FSWS f’ Għawdex ħadmu b’dan il-mod. “Fil-fatt, il-professjonisti tagħna ma kienux jafu b’ ċerti dettalji li wara ħarġu fil-media”, qalilna Grixti.

    Realtà ġdida

    “Lil hinn minn dan, iżda,” kompla jgħid il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, “illum nafu wkoll li t-tfal, u speċjalment dawk adoloxxenti, saru aktar esiġenti fit-talbiet li jagħmlu lill-ġenituri tagħhom u, anki minħabba l-influwenza tal-midja soċjali, għandhom stil ta’ ħajja u skala ta’ valuri li hija differenti ħafna minn dik ta’ kif trabbew il-ġenituri tagħhom. Ir-riżultat hu li l-affarijiet li t-tfal u l-adoloxxenti ma jaqblux ma’ jew ma jagħmluhomx kif jixtiequ l-ġenituri tagħhom qed jiżdiedu,” qalilna l-Kap Eżekuttiv tal-FSWS. 

    Forom ġodda ta’ għajnua għall-familji

    Alfred Grixti kompla jgħidilna li huwa f’ dan l-isfond u f’dan il-kuntest ukoll li llum hawn ukoll ir-realtà ġdida ta’ ‘child to parent violence’ fis-soċjetà tagħna, kif ġie spejgat fil-Parlament din il-ġimgħa stess minn professjonisti tal-FSWS. “F’dan ix-xenajru aħna qed nagħtu s-servizz tagħna lill-familji Maltin u Għawdxin kollha li jfittxu l-għajnuna tagħna permezz ta’ programmi ta’ trobbija pożittiva (positive parenting) aġġornati għaż-żminijiet tal-lum, il-programm Incredible Years li huwa metidoloġija żviluppata fl-Istati Uniti tal-Amerka u li qed tintuża f’ bosta pajjiżi Ewropej biex tgħin lil kull familja li tkun għaddejja min dawn it-tip ta’ problemi, hemm il-co-parenting u issa qed inħarsu wkoll lejn is-sistemi ta’ functional family therapy u child welfare,” spejgalna Alfred Grixti.

    Aktar protezzjoni

    Dwar il-fatt li Dr Adrian Delia u Dr Anton Refalo huma persuni pubbliċi u li allura jridu jaċċettaw li jkunu suġġetti għal aktar skrutinju, Grixti qalilna li “Iva u wieħed għandu dejjem jiskrutinizza l-ħidma tagħhom, speċjalment il-ħidma pubblika tagħhom. Mill-banda l-oħra wieħed irid iżomm quddiem għajnejh li ulied nies fil-ħajja pubblika jbatu aktar għax ikollhom anqas ħin ta’ kwalità mal-ġenituri tagħhom u allura l-midja trid tirrispetta aktar il-privatezza tagħhom. Ulied nies fil-ħajja pubblika għandhom ikunu protetti aktar għax ma kienux huma li għażlu dik il-ħajja. Dan ma jsirx billi ċertu sezzjonijiet tal-midja jippubblikaw bċejjeċ ta’ tagħrif bil-għan biss li jagħmlu ħsara lill-ġenituri għax ikunu qed jagħmlu ħsara kemm lill-ulied u kemm lill-ġenituri, effettivament lill-familja kollha, u dan mhux sew. Il-midja mhux biss għandha tivverifika il-fatti kollha qabel ma xxandar storja imma għandha d-dmir ukoll li ma toħloq sensazzjonaliżmu minn problemi familjari.”

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0