L-istilla ta’ Pink Floyd jislef l-ajruplan privat biex jgħaqqad omm ma’ wliedha

  • Fra 09, 2019 19:38
  • Miktub minn iNews
"

    L-istilla tal-grupp magħruf Pink Floyd, Roger Waters uża l-ajruplan privat tiegħu biex jgħaqqad omm ma’ wliedha, wara li kien ilhom aktar minn erba’ snin maħtufin minn missierhom fis-Sirja. 

    Waters uża dan l-ajruplan biex tajjar lil Felicia Perkins-Ferreira, minn Trinidad u Tobago lejn il-fruntiera ta’ bejn l-Iraq u s-Sirja. Hemmhekk, hi ltaqgħet ma’ binha Ayyub ta’ seba’ snin u ma’ binha Mahmud ta’ 11-il sena. 

    Omm iż-żewġ subien kienet ilha ma tara lil uliedha sa minn meta missierhom, Abebe Oboi Ferreira ħadhom biex jgħixu fil-kalifat tal-Istat Iżlamiku fl-2014. 

    Hu maħsub li l-missier miet fl-2017 waqt li kien qed jiġġieled f’Raqqa, filwaqt li s-subien ġew abbandunati matul it-triq mill-mara l-ġdida li kellu r-raġel. 

    Matul l-aħħar xhur, it-tfal kienu qegħdin jgħixu f’kamp għall-familji tal-ġellieda tal-Istat Iżlamiku fit-Tramuntana tas-Sirja. Jidher li dawn inġabru mill-Forzi tad-Demokratiċi Sirjani li qed jingħataw l-appoġġ mill-Istati Uniti. 

    Perkins-Ferreira, li mill-2014 kellha biss kuntatt minimu ma’ wliedha, qalet li kienet rikonoxxenti ħafna lejn dawk il-persuni li għenu lil uliedha. Stqarret ukoll li tixtieq tiltaqa’ magħhom kollha flimkien u tgħannaqhom. 

    Wieħed mill-persuni involuti kien l-avukat u attivist għad-drittijiet umani, Clive Stafford-Smith. Stafford-Smith hu wkoll ħabib tal-kantant tal-Pink Floyd u għalhekk wara li rnexxielu jsib omm dawn iż-żewġ subien, hu kellem lil Waters li kien beda jinteress ruħu f’din il-kwistjoni. L-attivist sostna li Waters qabel li jħallas għal dak kollu li kien hemm bżonn li jsir u ħa lill-mara bl-ajruplan tiegħu minn Trinidad. 

    L-attivist qal li se jiżguraw li dawn is-subien, flimkien ma’ ommhom, ikunu jistgħu jibqgħu għaddejjin b’ħajja diċenti u produttiva. Hu sostna li wieħed mis-subien jixtieq ikun plejer professjonali tal-cricket, filwaqt li l-ieħor jixtieq isir plejer tal-futbol professjonali. 

    Fl-aħħar snin, l-Istat Iżlamiku tilef ħafna mit-territorju tiegħu. Il-forzi mmexxijin mill-Kurdi ġabru mijiet ta’ persuni barranin li allegatament iġġieldu fuq in-naħa tal-Istat Iżlamiku. Barra minn hekk, jidher li qegħdin iżommu wkoll aktar minn 1,200 tifel u tifla, flimkien ma’ 500 mara. Il-Kurdi talbu kemm-il darba lill-pajjiżi rispettivi minn fejn huma ġejjin biex jerġgħu joħduhom lura. 

    FIr-rapporti fuq il-midja internazzjonali qed jingħad li Waters mhux biss ħallas u silef l-ajruplan biex iseħħ dan is-salvataġġ tat-tfal. Jidher li hu kien parti mit-tim li marru għalihom u għelbu l-oppożizzjoni li saritilhom minn ħafna nies. 

    Min-naħa tiegħu, Waters qal li kien ilu jsegwi x-xogħol ta’ Clive għal diversi snin u ra x-xogħol li kien qed jagħmel fl-ambitu tad-drittijiet umani mill-qrib. Sjega li ltaqa’ miegħu u waqt ikla Clive spjegalu x’kien ġralha din il-familja. Waters ħass għal dawn it-tfal u ommhom u għalhekk qallu li jixtieq jgħin. 

    Filwaqt li pprovaw jiksbu risposta mill-Gvern ta’ Trinidad u Tobago, u mill-awtoritajiet Ingliżi, dan kien kollu għalxejn. Għaldaqstant, il-kantant iddeċieda li jibgħat il-jet privat tiegħu b’tim ta’ nies għas-salvataġġ. Barra minn hekk, ikkonvinċa lill-Gvern ta’ Trinidad biex joħroġ dokumenti tal-ivvjaġġar għas-subien. It-tfal bħalissa jinstabu Londra, qabel ma jmorru lura lejn Trinidad. 

    Waters qal li hu ried jgħin għax f’dan il-punt jinsab privileġġat li għandu ftit tal-ħin liberu għax għadu kemm temm it-tour ta’ sentejn u issa għandu ċ-ċans li jieqaf ftit u jgħaqqad lil dawn iż-żewġt itfal ma’ ommhom. Barra minn hekk, hu sostna li hi okkażjoni tajba biex wieħed jistaqsi x’qegħdin jagħmlu n-nies l-oħrajn kollha u għaliex mhu jsir xejn?

    Il-kantant ta’ Pink Floyd saħaq li rridu nduru b’dawn it-tfal u talab li l-pajjiżi minn fejn ġejjin il-ġenituri ta’ dawn it-tfal għandhom iħarsuhom. Barra minn hekk, hu talab li jkun hemm qafas legali biex wieħed ikopri dawk it-tfal li jinsabu fil-kampijiet tal-konċentrament u li huma segwaċi kommessi tal-Isis. Temm jgħid li hu mhux qed jissuġġerixxi li jiġu ripatrijati kollha mingħajr ma tingħata attenzjoni għall-bżonnijiet legali. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0