ARA: “Ħassejt għafsa ta’ qalb u bħal qisni dħalt f’qoxorti”

  • Fra 10, 2019 11:20
  • Miktub minn Melvin Farrugia
"

    Il-ġimgħa li għaddiet wassalnielkom l-ewwel parti minn sensiela ta’ esperjenzi li rnexxielna niġbru minn diversi persuni li daqu t-togħma qarsa tat-traġedja tal-Um El Faroud. F’din id-diżgrazzja li seħħet erbgħa u għoxrin sena ilu, kienu tilfu ħajjithom disa’ ħaddiema tat-tarzna fi splużjoni li seħħet fuq il-bastiment. Illum qegħdin inwasslulkom it-tieni sensiela ta’ esperjenzi. 

    Persuna oħra li rrakkontatilna l-esperjenza tagħha kien Stephen Gatt li dakinhar kien qed jaħdem fuq bastiment fil-Baċir numru 2 għax kienet inqalgħetlu emerġenza u ried jitlaq qabel nofsillejl. Stephen spjega li dan il-bastiment kellu qasma mal-ġenb u peress li kien jaħdem mal-grinders, kellu jagħmel xi xogħol ta’ chipping u grinding. Kien miftiehem li jispiċċaw fil-ħdax ta’ bil-lejl biex kif jispiċċaw huma jitlaq dan il-bastiment. 

    Stephen jirrakkonta li kienu xil-10.10 p.m. meta huma spiċċaw u marru jinħaslu biex jippanċjaw u jitilqu ‘l barra. Kif kienu sejrin lejn Baċir numru 1 biex jippanċjaw, sploda l-bastiment. Huma kienu fin-naħa tal-pruwa u raw in-nar tiela’ mas-sema. Raw ukoll qishom bċejjeċ bħal meta jisplodi murtal. Jispjega li fil-verità dawn kienu biċċiet tas-sadid li taru. Stephen spjega li mal-isplużjoni kulħadd intefa’ mal-art għax kienet splużjoni qawwija. Qal li kienu tlieta u kulħadd telaq jiġri wara l-kantuniera għax mal-isplużjoni beżgħu. Semma wkoll li beda nieżel bħal ilma, iżda dan kellu riħa ta’ pitrolju. Sostna li l-ġakketta xxarbitlu u kienet tinxtamm din ir-riħa. 

    Stephen jiftakar li bdew jisimgħu lil sħabhom li kienu għadhom jaħdmu hemm isfel fit-tank. Qal li dawn bdew iħabbtu bil-ħadid mat-tank u għalhekk staqsa lil sħabu jekk għandhomx jinżlu għax sħabhom kienu qegħdin jinħarqu ħajjin. Beżgħu, iżda mbagħad qabdu neżlin it-taraġ tal-baċir minn quddiem u kif bdew neżlin l-ewwel ftit tarġiet, raw ħerġin jiġru tnejn min-nies. In-nies bdew telgħin it-taraġ fuq idejhom tant kemm bdew jiġru. Kulħadd kien mifxul. Bdew jgħinuhom jitilgħu u poġġewhom bilqiegħda u kkalmawhom. Stephen jistqarr li kien hemm persuna li beda jħabbat wiċċu u żammewh għax beda jibki.

    Stephen qal li jiftakar kif fi ftit minuti ġew il-ħaddiema tat-tifi tan-nar u ġiet ambulanza b’tabiba. Isemmi li l-ħaddiema tat-tifi tan-nar taw l-ordni li jintefa’ d-dawl u l-baċir ġie dlam ċappa. Waqt li seħħet l-isplużjoni, kien hemm krejn bil-gaġġa li kellu n-nies fuqha. Ix-xufier tal-krejn niżżilha fil-baċir b’tisbita u ġiet fuq it-taraġ tal-baċir. Wara tkaxkret għal taħt il-bastiment. Il-krejn majna l-wajer kollu u dar lejn in-naħa l-oħra. Is-sewwieq tfixkel, beża’ u bil-jib laqat biċċa mill-binja. 

    Stephen ikompli jirrakkonta li t-tabiba li kienet ġiet mal-ambulanza bdiet tiġri u peress li ma kinitx taf il-post waqgħet fi sprall fejn kienu jitwaħħlu l-wajers tal-welding u fejn kien ikun hemm l-ilma u affarijiet oħra. Din weġġgħet għax kellha d-demm fi rkupptejha. Iżda Stephen kif raha mar, qabadha minn spallejha u tellagħha. Minn hemm uriha minn fejn kellha tgħaddi biex tinżel fil-baċir. Kif niżlu sabu u kien hemm raħel bid-demm nieżel minn widnejh. Aktarx li dan kien ħabat wiċċu meta niżlet l-iskala tal-krejn u ħadu t-tisbita. Għenuh biex jitla’ u mbagħad Stephen jistqarr li sab lill-imgħallem li waqgħet il-bieba fuqu u lil Simon li kien fuq kompressur. Stephen spjega li Simon kien tar minn fuq id-deck u ġie fuq kumpressur tal-blasting. Jgħid li  kien wieħed minn tal-aħħar li nstab.  

    Sostna li malli bdew itellgħu l-mejtin u jpoġġuhom ħdejn xulxin bħal ħass għafsa ta’ qalb u qisu bħal daħal f’qoxortu. Qal li għadu sal-lum jara l-istampa tagħhom meta għabbewhom fil-vannijiet tal-mejtin u minn dak il-ħin irrealizza kemm kienet gravi s-sitwazzjoni. 

    Stephen kien assistent uffiċjal tas-sigurtà, li kien jassisti lill-ispiżjara biex jiċċertifikaw fejn jista’ jsir xogħol u fejn le. Jispjega li wara din it-traġedja sar japprezza iżjed lil min ikun qed jaħdem miegħu u joqgħod attent għalihom. Rigward it-tarzna jistqarr li din hi parti minn ħajtu u li kif tisma’ l-kelma jew tara l-ankra dawn kienu qishom simbolu mnaqqax f’qalb il-ħaddiema. Stqarr li fit-tarzna ħallew saħħithom, batew, qalgħu l-flus imma dejjem taw sehemhom.

    Wara l-isplużjoni, Stephen jirrakkonta li ġie konxju mill-familja tiegħi u qal min jaf x’qed jaħsbu. Semma li ma kellux mowbajl u allura telaq lejn id-dar biex javża l-ommu u l-missieru. Kif kien sejjer waqaft ħdejn it-tinda tax-Shipbuilding. Tah ħass ħażin u għame tliet kwarti jibki fil-vann waħdu. Imbagħad qisu għaddielu, mar id-dar u sab lil ommu u missieru. Kienu għadhom ma semgħu b’xejn għax kienu joqogħdu Ħal Lija. Beda jirrakkontalhom x’ġara u l-għada filgħodu missieru qallu li xtaq jara x’ġara. Marru bil-karozza u telgħu l-Isla fuq is-sur. Stephen ukoll jistqarr li l-bastiment kien jidher qisu landa tal-cornedbeef miftuħ. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0