“Meta ibni jitmiegħek mal-art tiġġudikanix”

  • Fra 11, 2019 08:00
  • Miktub minn iNews
"

    Appell ta’ omm ta’ tifel b’diżabbiltà li jsoffri minn epilepsija biex is-soċjetà tibda tagħti aktar vuċi lin-nies diżabbli u ma tiġġudikax kemm lilhom u kemm min jieħu ħsiebhom…

    Hekk kif illum jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji tal-Epilessija, Rebecca Bonello, omm b’tifel b’diżabbiltà li għandu ADHD u jsoffri minn epilepsija, saħqet ma’ dan il-ġurnal li s-soċjetà għadha lura milli verament taċċetta li n-nies diżabbli huma nies bħal ħaddieħor. Hija tgħid li qed intellgħu tfal li mhux jifmhu d-differenzi li hawn fis-soċjetà u li bħall-kulturi differenti, hemm abiltajiet differenti f’kull persuna. Hija qed tappella biex ikun hawn aktar għarfien, biex in-nies jaċċettaw li hawn id-differenzi u li tista’ titgħallem minn kulħadd.

    Huwa mifhum li l-kundizzjoni tal-epilessija taffettwa madwar 1% tal-popolazzjoni dinjija u f’pajjiżna huwa ikkalkulat li hawn mal-4,000 ibatu minnha.

    “Faċli tiġġudikani. Ftakar li jiena persuna bħalek. Meta ibni jitmiegħek mal-art tiġġudikanix li minix kapaċi nikkontrolla lil ibni. Dak il-ħin għajnuna nkun irrid mhux xi ħadd jgħaddi kumment jew iħares.”

    Hekk kitbet fuq il-midja soċjali Bonello, kumment li qanqal reazzjoni minn bosta nies speċjalment minn ommijiet bħalha li għandhom it-tifel jew it-tifla tagħhom bl-istess kundizzjoni.

    “Meta tisma lil ibni jgħajjat tħarisx u tiġġudikanix. Meta tarani nipprova nfihem lil ibni li jrid jitgħallem iċedi meta nkunu qegħdin il-bandli tgħidx li għandi ibni tost u bla kontrol. Meta nasal l-iskola għidli ‘Bonġu’ mhux se nieklok imma niehu pjaċir ngħid kelma. Jien omm bħalek allavolja ma tkunx taf x’se tgħidli tibżax,” qalet fl-appell tagħha.

    Hija qaltilna li l-ikbar sfida tista’ tkun meta d-diżabbiltà ma tkunx waħda viżibbli. “Ikun hemm drabi li narah jibki bl-uġigħ u ma nkunx nista’ nifhem għalxiex qed jibki. Filgħodu qabel ma mmorru l-iskola mhux l-ewwel darba li wara li libbistu daħal ġox-xower jew kelli nlibbsu xi għaxar darbiet. Imbagħad għax nasal tard jiġu n-nies jikkummentaw u dak il-ħin ikolli aptit nisplodihom. Nixtieq li kulħadd jifhem kemm huwa importanti li wieħed jaħseb qabel ma’ jitkellem għax ma tafx minn xiex tkun għaddejja l-persuna.”

    Bonello tgħid li fost in-nies ġieli nnutat li jidħol ċertu element ta’ biża, “għax in-nies jibżgħu jsaqsuk ċertu domandi.”

    Ħafna huma dawk il-ġenituri li ħadu xokk kbir meta kellhom l-aħbar li t-tifel jew tifla tagħhom huma diżabbli. “Nemmen ħafna li hemm bżonn kbir li niffukaw ukoll fuq is-sapport li għandu jingħata lill-ġenituri ta’ tfal b’diżabbiltà. Hawn ħafna minnhom qed isofru weħidhom u kieku jkun hemm sapport grupp fl-iskejjel apposta għal min jiehu ħsiebhom ikun utli ħafna.”

    Hija żiedet tgħid li n-nies faċli tiġġudika meta tara ċertu atteġġjament li f’għajn persuna jista’ jidher bħala stramb u mhux normali. “Meta nkunu fi kju u t-tifel jibda jagħmel l-istorbju, ma nkunx qed nippretendi li naqbżu l-kju imma mqar tiġġudikawx lit-tifel tiegħi. Hija tgħid li dak huwa l-mod tiegħu kif jesprimi ruħu għax b’xi mod irid jikkomunika.” Imma hija tgħid li “flok tiġġudikani għini u aċċetta lil ibni fis-soċjetà għax ix-xewqa tiegħi hija bħal tiegħek li nara lil ibni kuntent. Jiena nixtieq li s-soċjetà taċċetta lil ibni, allura bħala omm tkissirnix.”

    Mistoqsija kif it-tifel imur ma’ sħabu l-iskola, Bonello qalet li għandu ħbieb u hija tgħallmu li jekk persuna marret biex tgħannqu, mgħandux jimbuttaha. “Jiena dejjem ngħallmu li jekk irid jintegra jrid ikun bħal persuna oħra u jrid ikun hu li jqum fuq saqajh.”

    Tajjeb li niftakru li mis-sema l-isfel ħadd mhu aħjar minn ħadd u kif jgħidu llum int u għada jien. Kemm ikun sew kieku verament naċċettaw li kulħadd huwa differenti u hija din id-differenza li tagħmel il-bniedem tassew interessanti.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0