Chase Kennedy b’saqajn li jleħħqu l-51 pulzier…. l-itwal saqajn fl-Istati Uniti

  • Mar 10, 2019 18:42
  • Miktub minn Melvin Farrugia
"

    Chase Kennedy hi studenta ta’ 22 sena minn Kalifornja, li hi maħsuba li għandha l-itwal saqajn fl-Istati Uniti. 

    Filwaqt li qiegħda timmira għal karriera fl-immudellar, jidher li kien hemm aġenziji li ma aċċettawhiex għax qalulha li saqajha twal wisq.  

    Din it-tfajla li hi twila sitt piedi u ħames pulzieri għandha saqajn li jleħħqu l-51 pulzier. Dan ifisser li saqajha huma biss 0.9 pulzieri iqsar mir-rekord globali. 

    Kennedy kemm-il darba ġiet imlaqqma bħala ġiraffa peress li għandha saqajha twal. Madankollu, hi tħoss li saqajha għenuha ħafna biex tmur tajjeb fl-isports. 

    Jidher li Chase mhijiex l-unika Amerikana li għandha saqajha twal daqshekk. Fil-fatt, jissemmew oħrajn bħal Lauren Williams u Holly Burt li għandhom saqajhom twal 49 pulzier. 

    Kennedy tħossha kburija b’saqajha u ma tixtiqx li kienu iqsar. Tistqarr li tħobb tkun twila u tieħu pjaċir li għandha r-rekord tal-itwal saqajn fl-Istati Uniti. Tgħid ukoll li kienet inħasdet meta rat li Burt setgħet kienet itwal minnha, iżda mbagħad kejlet saqajha u sabet li huma itwal minn ta’ Burt.  

    Din it-tfajla tirrakkonta li bħalissa tinsab f’relazzjoni ma’ Jason li hu twil sitt piedi u erba’ pulzieri. Tistqarr li kienet problema biex issib sieħeb li jaċċettaha. Issostni li ħafna rġiel iħossuhom intimidati mill-qisien ta’ saqajha u hi diffiċli biex issib itwal minn hekk. 

    Minkejja li tippreferi kieku jkollha rġiel itwal minnha, Kennedy tistqarr li ġieli ħarġet ma’ uħud li huma iqsar u ma ddejqitx. Madankollu, għamlitha ċara li ma toħroġx ma’ ġuvintur li huma iqsar minn sitt piedi  pulzier. 

    Chase ma kinitx tieħu gost li hi twila minn dejjem. Ta’ 13-il sena, hi diġà kienet twila sitt piedi u pulzier, iżjed mit-tul medju ta’ raġel adult. Xtaqet li kieku kienet iqsar biex tkun aktar qrib ta’ sħabha. Issemmi li kemm-il darba kienu jsejħulha ġiraffa u ismijiet oħra minħabba li kienet twila u ġieli kienet tiddejjaq. 

    Kienet ukoll tiddejjaq li qatt ma setgħet tilbes tkaken bħalma kienu jagħmlu tfajliet oħra. Madankollu, hekk kif bdiet tikber bdiet tħossha aħjar u tinduna li dik kienet karatteristika tagħha li tagħmilha speċjali. Kienet xi ħaġa li għenitha ssir popolari fl-isport tal-basketball u l-volleyball għax kienet tintgħażel malajr waqt l-għażla tat-timijiet. 

    Mhux biss, Chase ġiet imfittxija kemm-il darba minn aġenziji tal-immudellar, minkejja li meta kibret dawn bdew jonqsu. Kien hemm aġenziji li qalulha li hi wisq twila u spjegawlha li għandhom limitu ta’ ħames piedi u 11-il pulzier.  

    Problema oħra li jkollha tiffaċċja Kennedy hi biex tixtri l-ħwejjeġ bil-qies tat-tul tagħha. Tispjega li meta tilbes qalziet li għal nies oħra jkunu qies normali, għaliha jkunu qliezet qosra jew inkella qishom qliezet ta’ taħt. 

    Il-fatt li din it-tfajla hi daqstant twila mhix sorpriża. Missierha Matthew hu twil sitt piedi u seba’ pulzieri filwaqt li ommha hi twila ħames piedi u 11-il pulzier. Ħutha Shane u Devin ukoll huma twal iżjed minn sitt piedi. Chase ssostni li jiddispjaċiha għal min ipoġġi wara l-familja tagħha meta jmorru jaraw film iċ-ċinema. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0