Jibda l-bini mill-ġdid tal-pont ta’ Triq il-Wied fl-Imsida

  • Mar 14, 2019 15:25
  • Miktub minn iNews
"

    Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg żar ix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa għall-bini mill-ġdid tal-pont ta’ Triq il-Wied fl-Imsida. Il-pont li hemm fi Triq il-Wied fl-Imsida bħalissa se jinbidel għal struttura ikbar li tista’ takkomoda r-riallinjament u t-twessigħ ta’ Triq Reġjonali, bħala parti mill-proġett maġġuri fuq din l-arterja u seba’ ħoloq viċini.

    Il-Ministru Borg innota li l-pont li nbena fis-sebgħinijiet u li jifrex matul iż-żewġ karreġġjati ta’ Triq Reġjonali fuq Triq il-Wied l-Imsida jeħtieġ li jinbena mill-ġdid biex jakkomoda l-korsiji addizzjonali u biex jottimizza l-allinjament u t-tidwir tat-triq għal aktar sigurtà.

    “It-Tlieta bil-lejl, bdiet tinqala’ parti mill-gverta tal-pont eżistenti biex jitlestew il-pilastri li fuqhom imbagħad se jitpoġġew 12-il travu tal-konkos li se jiffurmaw il-gverta l-ġdida. Huwa mistenni li dawn it-travi ta’ 20 metru ’l wieħed jiġu trasportati mis-sit fejn qed jiġu manifatturati lejn Triq Reġjonali fil-ġimgħat li ġejjin. Ladarba jkun lest, il-pont il-ġdid se jkun wieħed mill-iżjed strutturi wisgħin tax-xorta tiegħu f’Malta, b’wisgħa ta’ aktar minn 23.5 metru,” qal il-Ministru Ian Borg.

    Fix-xhur li għaddew, Infrastructure Malta bniet l-ewwel waħda miż-żewġ korsiji li se jiżdiedu fi Triq Reġjonali u bdiet tibni wkoll il-pedamenti u l-pilastri li fuqhom se jserraħ il-pont il-ġdid. Ftit tal-jiem ilu ż-żewġ karreġġjati tat-triq tressqu bi ftit metri u b’hekk ix-xogħol biex jinbena l-pont qed jitkompla waqt li jibqa’ jsir użu mill-erba’ korsiji ta’ bħalissa.

    Il-proġett tal-bini mill-ġdid tal-pont u t-twessigħ taż-żewġ karreġġjati ta’ Triq Reġjonali qed isir f’fażijiet biex ikun assigurat li l-korsiji eżistenti u l-konnessjonijiet ta’ din l-arterja prinċipali tas-sistema tat-toroq tagħna tibqa’ miftuħa, bl-inqas xkiel possibbli għal kull min jgħaddi mill-inħawi.

    “Aħna introduċejna l-kunċett li nwettqu x-xogħlijiet fit-toroq matul il-lejl u nemmen li din hija t-triq ’il quddiem biex noħolqu l-inqas inkonvenjent possibbli matul il-ġurnata. Kien ta’ pjaċir kbir għalijja li stajt niltaqa’ ma’ dawn il-ħaddiema fuq il-post u nixtieq nesprimi l-apprezzament tiegħi għall-isforzi tagħhom,” qal il-Ministru. 

    Waqt li daqt jinfetħu partijiet mill-korsija ġdida li diġà żdiedet fil-karreġġjata lejn in-nofsinhar ta’ Triq Reġjonali, Infrastructure Malta bdiet tibni s-sitt korsija fil-karreġġjata l-oħra li tagħti fid-direzzjoni opposta lejn it-tramuntana.

    “Il-proġett ta’ Triq Reġjonali, li jinkludi l-bini mill-ġdid u t-twessigħ ta’ parti mit-triq għal sitt korsiji, tlieta f’kull direzzjoni, mill-mini ta’ Tal-Qroqq fl-Imsida lejn Santa Venera, huwa proġett ieħor maġġuri li se jikkumplimenta l-bqija tax-xogħol li sar fuq ir-rotta prinċipali ta’ pajjiżna li tgħaqqad it-Tramuntana man-Nofsinhar. Wara l-proġett ta’ Triq il-Kosta, wettaqna l-Proġett tal-Kappara Junction u bnejna mill-ġdid u wessajna l-Marsa-Ħamrun Bypass filwaqt li mexxejna l-ewwel żewġ fażijiet tal-Marsa Junction Project u ppjanajna l-proġett tal-mini ta’ Santa Luċija. Triq Reġjonali kienet waħda mill-punti problematiċi li kien baqa’ u għalhekk intfajna naħdmu fuqha. Qegħdin nippjanaw ukoll it-titjib ta’ parti problematika oħra f’din ir-rotta f’Pembroke, is-Swieqi u San Ġiljan,” qal il-Ministru.

    “It-tjtib ta’ din il-parti ta’ Triq Reġjonali kien importanti anke biex intejbu s-sigurtà ta’ din it-triq. Din it-triq tingħaqad ma’ diversi arterji oħra permezz ta’ slip roads u ħoloq oħrajn u dan il-proġett se jibdel u jtejjeb dawn il-konnessjonijiet kollha. Din il-parti tat-triq tara medja ta’ inċident fil-ġimgħa, allura l-introduzzjoni ta’ disinn aktar sikur għat-triq u tal-pont mibni mill-ġdid huwa objettiv ieħor essenzjali ta’ dan il-proġett,” qal il-Ministru Borg.

    Bil-korsiji ġodda fi Triq Reġjonali, li bejniethom iġibu 1.1 kilometri, se titjieb is-sigurtà f’numru ta’ junctions li hemm matul din ir-rotta bejn in-naħa ta’ fuq u n-naħa t’isfel tal-pajjiż, filwaqt li se jżidu wkoll il-kapaċità u l-effiċjenza billi se jonqos il-ħin tal-istennija għad-dħul u l-ħruġ minn din it-triq.

    Il-korsija li ser tiżdied fil-karreġġjata tat-tramuntana, mill-mini ta’ Santa Venera lejn l-Imsida, ser tipprovdi aċċess aktar sigur mis-slip roads li jgħaqqdu Triq il-Wied fl-Imsida, Triq il-Ferrovija l-Antika f’Birkirkara u Triq Kappillan Mifsud f’Santa Venera ma’ Triq Reġjonali. Din se tnaqqas ukoll il-ħin fl-ivvjaġġar meta aktar ‘il fuq, tiġi biex toħroġ minn Triq Reġjonali mis-slip road li tagħti fid-direzzjoni tal-Bypass ta’ Birkirkara (Triq Dun Karm Psaila), l-Università ta’ Malta u l-Isptar Mater Dei. 

    Il-korsija ġdida l-oħra fil-karreġġjata lejn in-naħa t’isfel tal-pajjiż se ttejjeb l-andament tal-vetturi li jkunu ġejjin mis-slip road li tgħaqqad il-Bypass ta’ Birkirkara u r-roundabout f’Tal-Qroqq (fejn hemm l-iskatepark) ma’ Triq Reġjonali billi jibqgħu sejrin dritt lejn Santa Venera. Din il-korsija wkoll se tipprovdi aċċess aktar sigur għall-ħruġ minn Triq Reġjonali lejn Triq il-Ferrovija l-Antika u Triq il-Kappillan Mifsud, iż-żewġ toroq li jiltaqgħu ħdejn ir-roundabout li hemm bejn Birkirkara u Santa Venera.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0