[FILMAT] Kawża tal-maltemp, l-Enemalta ffaċċjat 1,186 każ ta’ ħsara fi 48 siegħa

  • Mar 15, 2019 09:00
  • Miktub minn Matthew Charles Zammit
"

    Dakinhar tal-grigalata li laqtet lil Malta, u għamlet ħerba f’diversi inħawi ta’ pajjiżna, 47 ħaddiem tal-kumpanija kienu qegħdin jaħdmu biex ineħħu l-periklu u jreġġgħu l-provvista tad-dawl għan-normal. L-Orizzont jiltaqa’ m’uħud minnhom...

    “Għalkemm antiċipajna l-maltempata, żgur li ħadd ma kien qiegħed jissoponi kompletament il-gravita tagħha. Aħna konna lesti BIEX nindirizzaw kwalunkwe problema li stajna niffaċċjaw, tant li dakinhar sejjaħna numru ikbar ta’ ħaddiema min-normal, però f’ċertu punt, is-sitwazzjoni laħqet punt fejn kien hemm tħassib serju fuq is-sigurtà tal-ħaddiema tagħna.”

    Dan stqarru l-Inġinier John Żammit, Manager tad-Distribuzzjoni fi ħdan il-kumpanija Enemalta, f’kumment li tana. Zammit, flimkien mal-Inġinier George Portelli (li huwa wkoll Distribution Manager), Albert Demarco (Service Dispatcher), Jesmond Pace u Raymond Lewis (Assistant Distribution Tradesmen, fi ħdan il-Customer Response Team), tkellmu magħna fuq l-esperjenza personali tagħhom matul it-tmiem il-ġimgħa ta’ bejn it-23 u l-25 ta’ Frar.

    Il-maltempata ħalliet ħerba f’numru ta’ rħula differenti f’Malta u Għawdex: Numru sostanzjali ta’ siġar, arbli tad-dawl, propjetajiet, sinjali tat-toroq, u anke vetturi privati ġarrbu ħsarat sostanzjali. Dan is-sit rrapurta kif xejn inqas minn 180 tunnellata ta’ debris inġemgħu direttament fuq it-toroq tagħna, fi grigalata li laħqet Forza 11 (massimu ta’ 117 kilometri fis-siegħa).

    Ftit ijiem wara l-maltempata, iltqajna ma’ dawn il-ħaddiema, biex jaqsmu magħna l-esperjenza tagħhom personali fil-qadi ta’ dmirijiethom matul il-maltempata, kif ukoll jelenkaw il-volum u l-kwalita ta’ ħsarat li l-kumpanija ġarrbet fuq il-provvista tal-elettriku tagħha bejn is-Sibt u t-Tnejn ta’ dik il-ġimgħa.

    L-Inġinier Zammit tenna li l-prijorita tal-ħaddiema f’każijiet simili huwa li jintlaħaq bilanċ, “bejn il-bżonn li s-servizz tal-elettriku jiġi lura għan-normal. Però fl-istess ħin, aħna konna konxji ħafna mill-periklu li kienu qegħdin jaffaċċjaw dawn il-ħaddiema, huma u jaħdmu waqt li r-riħ kien għadu għaddej.”

    “Fil-ħin ta’ qabel ma beda l-maltemp, jiena ċempilt lin-nies tas-settur tagħna, u tajthom spjegazzjoni tat-temp li kien previst, kif ukoll iż-żoni li kienu sejrin jiġu milquta, abbażi tar-rapporti meteoroloġiċi li rċevejna. Mal-ewwel antiċipajna żieda fil-ħsarat li setgħu jiġu kkaġunati, u għalhekk ddeċidejna li nsejħu ammont ikbar ta’ ħaddiema mis-soltu.”

    Kemm Pace u kif ukoll Lewis stqarru li matul dawk it-tlett ijiem, huma ħadmu għal xejn inqas minn erbgħa u għoxrin siegħa mingħajr waqfien. “Jien (Pace) dħalt għax-xogħol is-Sibt flgħaxija, għall-ħabta tas-7, u spiċċajt nitlaq il-Ħadd fl-istess ħin. Raymond (Lewis) daħal il-Ħadd filgħodu, u baqa’ jaħdem sat-Tnejn filgħodu, hekk kif beda jbatti t-temp.”

    “Bdejna niġu nformati bi kwalunkwe tip ta’ ħsarat: arbli mwaqqgħin, linji tad-dawl maqtugħin. Aħna u nsuqu biex naslu fuq dawn il-postijiet, sibna wkoll biċċiet tal-bini li kienu waqgħu fuq il-linji tagħna.”

    F’każ minnhom, Pace jirrakkonta kif huwa u kollega tiegħu rnexxielhom jeħilsuha ħafif minn aċċident serju. “Konna qegħdin naħdmu fuq sub-station ġewwa l-lokalita ta’ Ħaż-Żabbar. X’ħin lestejna u mxejna l-bogħod minn fuq il-post fejn konna qegħdin naħdmu, nisimgħu ħoss kbir, u xħin nduru lura, naraw diżastru ta’ ġebel u ta’ bini eżatt fuq il-post fejn konnha aħna.”

    “Li ġara kien li ftit il-bogħod minnha, kien hemm opera morta, madwar tmenin pied ta’ ġebel, li minħabba jew ir-riħ jew l-ilma li daħal fil-bini, ċediet u waqgħet. B’xorti tajba ħadd ma weġġa.”

    L-Inġinier George Portelli saħaq kif bħala prassi, “aħna dejjem nitolbu lill-ħaddiema jibqgħu pass lura, meta jkun evidenti li hemm periklu sostanzjali għalihom. Minkejja li kulħadd għamel l-almu tiegħu biex jirranġa l-ħsarat kollha li jseħħu, ir-realtà hija li l-prijorita tagħna dejjem kienet is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiem.”

    Hawnhekk, De Marco rrakonta storja oħra: “Kien hemm uffiċjal tekniku li kien qiegħed jagħmel xi tiswijiet, flimkien mal-kollega tiegħu, f’żona barra r-Rabat. Eventwalment, hekk kif it-temp beda dejjem imur għall-agħar, indunajna li kien hemm wisq periklu biex ikompli x-xogħol, u tajnihom l-ordni biex jirritornaw lura.”

    De Marco jisħaq li, filwaqt li iktar ma beda jgħaddi l-ħin, iktar żdiedet il-pressjoni fuq il-ħaddiema kollha tal-kumpanija biex jindirizzaw l-ammont kbir ta’ ħsarat li kienu rrapurtati. “Madanakollu, il-kawtela kienet u tibqa’ essenzjali għal din il-kumpanija. Il-periklu jgħaddi, l-affarijiet jitranġaw, però s-saħħa tal-bniedem... din mhix bilfors tiġi għan-normal. Għalhekk, dejjem naħdmu bi prekawzjoni. Iva, il-periklu irid jitneħħa, però li ma tridx huwa li titfa’ lill-istess ħaddiema tiegħek f’periklu ieħor.”

    Hawnhekk, jisħaq l-Inġinier Portelli, ta’ min jirrimarka kif il-grigalata, “apparti li kienet waħda feroċi, kienet waħda kontinwa li bejn is-Sibt filgħaxija sat-Tnejn filgħodu, ma battiet xejn. Ftit li xejn kellna ċans li l-ħaddiema jaħdmu b’kalma u b’kawtela.”

    L-esperjenza ta’ dawk it-tlett ijiem kellha wkoll aspett pożittiv għall-ħaddiema tal-Enemalta. Lewis jispjega kif matul dawn it-tlett ijiem, “ħassejt li konna tim maqgħud, ħdimna flimkien u konna ta’ gwida għal xulxin.” 

    Fl-aħħar, Demarco tenna kif anke l-maġġoranza taċ-ċittadini fehmu s-sitwazzjoni li kienu qegħdin jaffaċċjaw il-ħaddiema tal-Enemalta: “In-nies setgħu jifhmu li ddedikajna ħafna ħin biex nindirizzaw u nneħħu l-perikli immedjati, b’kollaborazzjoni mal-pulizija u l-protezzjoni ċivili.”

    “Iva, dawk in-nies li kienu bla dawl, sfortunatament uħud minnhom damu. Però wieħed irid japprezza l-fatt li minħabba l-qawwa tal-maltemp, ix-xogħol tat-tiswija ma setax jibda b’mod immedjat. Madanakollu, dakinhar il-pubbliku fehem li din kienet xi ħaġa straodinarja, u relattivament fehmu, u appoġġjawna wkoll.”

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0