Fondi Ewropej: pjan ta’ għaxar snin għal Malta

  • Apr 14, 2019 08:03
  • Miktub minn iNews
"

    Ir-riskju li l-membri stati jibdew jinvestu l-fondi sena tard hu riskju li għadu magħna…

    Fl-isfond tas-suċċess li Malta kisbet fit-tħaddim tal-fondi Ewropej, ħidma li wasslet għal tifħir mill-Kummissarju Ewropew Corina Cretu fejn qalet li Malta saret l-eżempju għal pajjiżi oħra, il-Gvern Malti permezz tas-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia, beda jfassal pjan ta’ għaxar snin, pjan li se jiġi implimentat permezz tal-baġit Ewropew li jmiss bejn l-2021 u l-2027.  Ir-riskju li l-membri stati jibdew jinvestu l-fondi Ewropej li jieħdu sena tard hu riskju li għadu magħna.

    Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u d-Djalogu Soċjali Aaron Farrugia, li fl-aħħar jiem kien f’Bucharest ir-Rumanija għal laqgħa tal-Ministri responsabbli mill-Fondi Ewropej u l-Politika ta’ Koeżjoni qalilna li biex pajjiżna jibqa’ fost l-aqwa fit-tħaddim tal-fondi Ewropej, is-Segretarjat tiegħu nieda proċess bikri biex flimkien mal-membri tal-Kabinet, il-Gvern jaqbel fuq liema progetti se jieħdu prijorità u b’hekk jiġu mwettqa fiż-żmien li ġej. 

    “Il-Kummissjoni Ewropea fehmet il-mixja ta’ suċċess li pajjiżna għamel fl-aħħar seba’ snin u bħalna identifikaw l-oqsma li fihom hemm bżonn ninvestu u naħdmu iktar, mhux biss biex Malta tikkonsolida s-suċċess li ksibna, iżda biex Malta tikkontribwixxi għas-suċċess tal-Unjoni Ewropea li kull ma jmur qiegħda tikkompeti ma’ kontinenti ohra.”

    Mistoqsi dwar il-proċess li qed jiġi addottat, Farrugia qalilna li l-ħidma tiegħu fil-prezent tinsab maqsuma fuq erba’ impenji, fuq quddiem nett dik li jara li pajjiżna jerġa jilħaq il-miri finanzjarji tiegħu marbutin mal-fondi Ewropej għas-sena 2019. Imbagħad hemm in-negozjati dwar x’ammont ta’ fondi Malta se tieħu. Hawn għaddejjin taħdidiet mal-Kummissjoni Ewropea, mal-Presidenza Rumena u dik Finlandiża li tibda f’Lulju li ġej, kif ukoll ma’ numru ta’ pajjiżi li bħalna jemmnu li l-baġit Ewropej għandu jkun wieħed iktar ambizzjuż. Fl-istess ħin qed niltaqgħu mal-Kummissjoni Ewropea biex niffinalizzaw u naqblu fuq il-pilastri li pajjiżna għandu jagħfas fuqhom fl-għaxar snin li ġejjin. 

    “Hemm qbil fuq ħafna minnhom iżda tlabthom jirrevedu u jikkunsidraw vulnerabbilitajiet li pajjiżna għandu. Nemmen li hemm ir-rieda li nasslu. Fl-aħħar nett imbagħad hemm il-proċess importanti li flimkien ma’ sħabi tal-Kabinett mhux biss nidentifikaw, settur settur, x’proġetti pajjiżna għandu bzonn, iżda mbgħad ngħaddu għal fażi fejn irridu nagħzlu wħud u neskludu ohrajn. Ir-riżorsi m’humiex infiniti u għandna manifest elettorali x’nimplimentaw. Irridu wkoll nirnexxu f’oqsma ġodda u hu ghalhekk li rridu nippjanaw b’reqqa kbira. Dak li se niżirgħu issa huwa l-frott li se niġbru lejn is-sena 2030. L-għaxar snin li gejjin se jkunu kruċjali ħafna b’kompetizzjoni ħarxa li qatt ma rajna qabel,” temm jgħid Farrugia.

    Mistoqsi dwar il-ħidma tiegħu f’Bucharest fl-aħħar jiem, Farrugia qal li fil-mument qed issir ħidma kbira biex inkomplu naqsmu dwar numru ta’ oqsma li jirregolaw il-baġit Ewropew. “Dawn huma negozjati straordinarji għax qed isiru fi żmien meta għandek ir-Renju Unit fi triqtu għal barra dan il-proġett Ewropew, u fuq kollox żmien fejn se jkollok Parlament Ewropew u Kummissjoni Ewropea b’nies ġodda. Dan ifisser li l-proċess se jittawwal u ma neskludix sorpriżi. Ix-xewqa tiegħi u ta’ pajjiżna kienet li nilħqu ftehim fil-prinċipju qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew iżda dan ma seħħx. Għalhekk issa rridu naraw jekk il-Membri Parlamentari Ewropej hux se jagħtu direzzjonijiet ġodda, ġaladarba huma parti minn negozjati. Fuq kollox se jkollok Kummissjoni Ewropea li għalkemm se tibqa’ fil-pożizzjoni tagħha fil-gimgħat u x-xhur ta’ wara l-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju, il-verita’ hi li tkun fi triqitha l-barra u għalhekk titlef ħafna mis-saħħa tagħha. Ir-riskju li l-membri stati jibdew jinvestu l-fondi Ewropej li jieħdu sena tard hu riskju li għadu magħna.”

    Iżda fuq nota pożittiva, is-Segretarju Farrugia itemm jgħid li hu kburi bil-viżjoni tal-Gvern u d-direzzjoni li pajjiżna se jieħu fis-snin li ġejjin. 

    “L-għatx biex nibdlu, l-għatx biex nikkompetu u nkunu l-aqwa llum il-ġurnata mhux talli għadu hemm, iżda talli huwa ikbar minn dak li kien hemm fl-2013. Dan nista naraħ fid-diskussjonijiet preliminari li qed ikolli mal-Ministri sħabi fejn qed niddiskuti magħhom il-ħidma tagħhom bejn issa u l-2030” sostna Aaron Farrugia.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0