[FILMAT] “Kieku għeriqt, Wayne kien jinżel miegħi” … Kawżi l-Qorti ma jwaqqfuhx milli jiżviluppa t-talent tal-arti

  • Apr 14, 2019 09:17
  • Miktub minn Brian Gatt
"

    “Li ma kinitx l-arti kieku llum min jaf x’sar minni, f’ħajti ġarrabt ħafna u ltqajt ma diversi karattri differenti.” Hekk beda biex jgħidilna Etienne Buttigieg, magħruf aħjar bħala t-Tetinu.

    L-intervista ta’ din il-ġimgħa tirrakkonta l-esperjenzi ta’ artist ta’ 32 sena minn Marsaskala li minkejja li minn tfulitu beda jiskopri dwar il-potenzjal tiegħu fl-arti, qatt ma kien jobsor li llum isir wieħed mill-aktar persuni rinomati għat-tattos f’pajjiżna.

    It-Tetinu beda biex jgħidilna li minkejja li l-iskola qatt ma kienet tinteressah, l-imħabba tiegħu lejn l-arti bdiet minn età żgħira u mhux l-ewwel darba li kien jara kif jagħmel biex jevita xi lezzjonijiet u jmur mal-klassi tal-arti. Huwa kellu kliem ta’ ringrazzjament lejn l-għalliem li dak iż-żmien kien jagħtih l-opportunità li jesprimi ruħu fuq il-karta. Kompla biex jispjegalna li fost il-praspar li kellu fi żmien is-sekondarja ma jinsa qatt meta nqabad ipenġi tuffieħa wara li kien skopra l-pastels; kuluri li dak iż-żmien ma tantx kien jaffordja jixtri, iżda wara li sieħbu offrielu biex jippruvahom baqa’ sakemm għamel dan waqt lezzjoni oħra għax ma felaħx jistenna aktar. L-għalliem innota li kien hemm xi ħaġa mhux flokha għax mhux xi ħaġa komuni li Buttigieg ikun kwiet. Ironikament, minkejja li għall-ewwel qala għajta, mhux talli ma qalax kastig talli spiċċa quddiem is-Surmast, b’dan tal-aħħar jinkoraġġih biex ikompli jiżviluppa t-talenti tiegħu.

    “Kont il-favorit tal-għalliem, iżda minħabba kumpanija ħażina spiċċajt iddiżappuntajtu”

    L-artist kompla jgħidilna li minħabba li dejjem kien jiġi l-ewwel fl-eżamijiet tal-arti spiċċa l-favorit tal-għalliem u kellu fiduċja kbira fih li se jagħmel isem tajjeb ħafna lill-iskola fl-eżamijiet tal-Matsec. Ġara iżda li fl-aħħar xhur tal-ħames sena tas-sekondarja sab impjieg u wara l-eżamijiet finali spiċċa lanqas biss applika għall-eżamijiet tal-Matsec. Qalilna li ma jinsa qatt meta mar biex jiġbor iċ-ċertifkat tal-iskola u ġie wiċċ imb’wiċċ mal-għalliem li tant kien jara potenzjal fih, b’dan tal-aħħar bilkemm iħares lejh tant kemm kien iddiżappuntat bid-deċiżjoni tat-Tetinu.

    Minn hemm beda t-triq tan-niżla, il-kumpanija li kien qabad fuq il-post tax-xogħol ftit li xejn kienet tgħinu. Spjegalna li dak iż-żmien kienu jaqilgħu lira tajba ma’ fabbrika tal-ħwejjeġ u ma damx ma beda jesperimenta bid-droga. Kompla biex jgħid ma’ din il-gazzetta li bħala tifel dak iż-żmien beda jgħix qisu qiegħed f’ħolma anke minħabba li hu kien ġej minn familja pjuttost fqira u ma kienx imdorri bil-flus fil-but. Il-vizzju tad-droga sar problema wara li l-klikka li kienu jaħdmu flimkien nqabdu jieħdu d-droga waqt il-ħin tax-xogħol u spiċċaw tkeċċew. Żied jgħid li mhux faċli li tkun drajt b’paga tajba u taffordja ċertu sustanzi u ssib ruħek bla sold fuq xix taħlef. 

    “Il-vizzju tad-droga jwasslek tagħmel kollox bla ma taħseb dwar il-konsegwenzi”

    Minkejja li ma kellux flus biex jixtri d-drogi beda jinduna li mhux se jirnexxielu jkampa mingħajrha. Ftit għadda żmien li ma spiċċax jisraq ma’ sieħbu li kellu l-istess problema. Ftit ġimgħat wara bdew jiftħu l-każi mal-Pulizija u t-Tetinu ma damx ma spiċċa l-ħabs fuq serq. Minn hemmhekk ftit li xejn inbidlet is-sitwazzjoni, iżda meta ra lill-ġenituri tant iddispjaċuti minħabba l-istil ta’ ħajja li spiċċa jgħix meta kien għadu biss daqsxejn ta’ żagħżugħ iddeċieda li jidħol programm.

    Mill-iskola sakemm daħal il-programm, għal madwar tliet snin Etienne ma qabadx lapes b’idejh, iżda waqt waħda mill-attivitajiet tal-grupp, kien hemm wieħed minn sħabu u talbu jpenġilu lit-tfajla u għall-ewwel bħal donnu nħasad għax hu qatt ma kien penġa uċuħ ta’ persuni qabel. Dan sieħbu baqa’ jimbuttah biex ipenġilu dak ir-ritratt li kellu u t-Tetinu ddeċieda li jipprova l-aħjar li jista’ biex jikkuntentah. Minn dik it-tfajla li penġa huwa spiċċa l-artist tal-post, b’ħafna persuni li kienu hemm għar-rijabilitazzjoni jitolbuh ipenġilhom lill-għeżież tiegħu biex iżommhom aktar qrib; “u min jgħidlek penġili lil dak u min lil dik u min hemm bdejt niżvoga fl-arti”.

    Minkejja dan il-ħajja hemm ġew ma kinitx faċli daqs kemm wieħed jista’ jaħseb tant li hu u jirrakkonta r-riflessjonijiet, it-Tetinu bħal donnu daħal f’qoxortu u beda jispjegalna dwar dawk il-ġranet li kien jispiċċa jaħsel l-istess madum waħdu bħala kastig wara li jkun naqas milli jimxi skont ir-regoli tal-post. Għajnejh bħal donnhom qabdu jiħmaru hekk kif ftakar f’ dawk il-mumenti fejn ħassu qisu kelb abbandunat, kellu jiekol waħdu u jekk stess xi ħadd jazzarda jkellmu jispiċċa jieħu l-istess kastig. Darba minnhom waqt waħda mir-riflessjonijiet kien mxebba’ sal-ponta ta’ mnieħru u lil dik li kienet qiegħda tieħu ħsiebu qalilha li kien se jiffirma u jitlaq għax kellu ħafna dwejjaq. Din minn naħa tagħha kienet taf li l-unika tama li kellha biex tikkalmah kienet li tħallih jitlaq minn idejh u tagħtih karta u lapes. Hi marret fuqu u qaltlu biex jivvinta xi ħaġa li jrid, iżda hu kien bħal donnu qabad ritmu fit-tpenġija tal-uċuħ u għalhekk malajr sab xi jpenġi. Sab mera, beda jħares lejha u f’dettall liema bħalu penġa wiċċ iddisprat ta’ persuna li tant jinsab f’niket li bħal donnu ried iqaxxar wiċċu bis-swaba tiegħu stess. Ovvjament kif rathom dik li kienet tagħtu l-affarijiet nħasdet għax kienet taf li minkejja li bil-kapaċità tiegħu penġa wiċċ lil hinn minn dak li kien hemm fil-mera, dak il-wiċċ kien jesprimi s-sentimenti tiegħu. Din id-darba s-superjuri tal-post baqgħu skantati u talbuh jagħmlilhom xi biċċiet oħrajn relatati mal-festi tal-Ġimgħa l-Kbira u saret esebizzjoni bihom. 

    Ftit wara t-Tetinu spiċċa ffirma biex jitlaq wara argument ma’ wieħed minn dawk li kienu jaħdmu fil-post u ħareġ migħalih li kien se jibda ħajja ġdida waħdu, iżda ftit jiem wara reġa’ lura għas-serq u ma damx ma reġa’ spiċċa l-ħabs. Meta skonta s-sentenza u mar lura lejn raħal twelidu f’Santa Luċija. Hemmhekk fost sħabu li ħalla warajh qabel spiċċa ġewwa ltaqa’ ma’ Wayne Briffa li kif qalilna hu stess kien ilu ġimgħat jistennieh ħiereġ mill-ħabs għax kulħadd kien isemmih lit-Tetinu.

    “Wayne għalija kien raġġ ta’ dawl li feġġ minn qalb il-dalma ta’ ħajti”

    Minn żewġ żgħażagħ bilkemm jafu lil xulxin, illum Etienne u Wayne ilhom sħab fuq xogħol għal aktar minn għaxar snin. Kollox beda meta Wayne rah ipenġi l-ewwel darba waqt il-ħin liberu. Etienne kompla jirrakkonta dwar dak iż-żmien u li minkejja kienu ġejjin minn familji differenti bħal donnhom mill-ewwel qablu. Wayne kien bin in-negozju u dejjem b’lira fil-but u qatt ma kellu x’jaqsam mal-Pulizija. Ftit xhur wara Wayne talbu jagħmillu disinn għalih personali u tant kien ġie għal qalbu li ma ħasibix darbtejn biex imur jagħmilha tattoo f’idejh.

    Il-ħbiberija kompliet tikber u ta’ tfal li kienu spiċċaw lura għall-ħajja li kien qabad it-Tetinu sepliċiment għall-avventura, anke jekk Wayne fl-aħħar mill-aħħar ma kellux bżonn flus maħmuġin. Wara xi serqiet Etienne, ħuh u Wayne spiċċaw it-tlieta li huma l-ħabs.

    Ftit xhur wara t-Tetinu kompla jiskonta s-sentenza house arrest f’daru u din id-darba kien jaf li ma setax joħroġ mid-dar għax ma setax jitlef il-flus li kienu ħalsulu ommu u missieru. Dawn tal-aħħar kienu ssallbu biex iħallsulu biex ikun jista’ jingħaqad magħhom tant li spiċċaw iddejnu nofs is-somma. It-Tetinu spiċċa lejl u nhar fil-gallarija tad-dar. Minkejja l-problema tal-flus darba minnhom ommu marret bid-dmugħ f’għajnejha u qaltlu li ma felħitx tarah jgħix bla skop u qaltlu jekk riedx li tixtrilu mutur tal-linka biex ikun jista’ jibda jesperimenta bit-tattoos.

    “Naħseb fit-tajjeb u fil-ħażin il-ġenituri biss… Missieri bellahni”

    Minn dak il-mument it-Tetinu bħal donnu reġa’ beda jgħix wara ħafna ġranet jgħix fis-solitudni. Żagħżugħ ta’ 17-il sena mimli talent li kien għadu jrid jiġi żviluppat spiċċa skantat meta missieru, deskritt minnu bħala missier eżemplari u tal-kelma li dejjem kien kontra t-tattoos mar fuqu biex jesperimenta fuqu. 

    Bla ma jaf kif taħdem il-labra tal-mutur, missieru spiċċa b’idejh kollha dmija, iżda minn hawn u minn hemm irnexxielu jpenġilu salib. L-għada missieru mar il-każin u ma damitx ma ġriet il-kelma li t-Tetinu kien beda jaħdem mid-dar. Etienne ammetta magħna li meta jħares lura lejn dawk it-tattoos illum bilkemm ma jieħux qatgħa. Minkejja dan huwa spjegalna li għal dak iż-żmien il-klijenti kienu sodisfatti. 

    Mix-xejn, it-Tetinu qabad jesperimenta fuqu nnifsu u saqajh saru r-reklam tiegħu għax dawk li kienu jiġu biex ipenġu għandu kienu jistaqsuh biex jurihom xi xogħol minn tiegħu. Kellimna dwar is-sodisfazzjon tiegħu li spiċċa jġenġi fuq persuni li normalment kienu jpinġu għand artisti rinomati. Fost dawn kien hemm Wayne u ħuh li dak iż-żmien kienu jaffordjaw immorru jpenġu fejn xtaqu għax il-flus għalihom qatt ma kienu problema. Il-flus qabdu deħlin imma l-vizzju qatt ma ħallieh kwiet lill-Etienne. 

    Etienne u Wayne baqgħu jiltaqgħu u darba minnhom Wayne kien għadu jixtri karozza ġdida tistħi tħares lejha u mar fuq it-Tetinu qallu jekk trid niegħha u neħħi l-post tal-monti u ninvestu f’ħanut.

    Sħab Wayne ma setgħux jemmnu x’kien se jagħmel b’idejh għax it-Tetinu xejn ma kellu reputazzjoni tajba.

    “Ma stajtx nfalli għax Wayne kien jispiċċa jegħreq miegħi… Il-klijenti dejjem l-ewwel u komplejna nikbru”

    It-Tetinu qalilna li dak iż-żmien Wayne kellu fiduċja għamja fih u meta ra lil kulħadd irid iħassrilhom il-pjanijiet, aktar beda jiffoka fuq ix-xogħol biex jagħti risposta. Ta’ żewġ żgħażagħ li kienu din kienet sfida li mhux kulħadd jasal jidħol għaliha. Wayne bħala persuna aktar midħla tan-negozju spjegalna li kollox jieħu l-ħin u kien hemm żmien fejn beda jiddubita mid-deċiżjoni li kien ħa qabel. Kien hemm perjodu fejn kienu jmorru l-ħanut u ma jidħol ħadd, iżda xorta kienu jkunu hemm.

    It-Tetinu spjega li f’għaxar snin jgħodd fuq subajh id-drabi li falla l-appuntamenti għax il-klijenti dejjem ġew l-ewwel u qabel kollox. Madwar sitt snin wara li bdew in-negozju jirċievu l-aħbar li ħalliethom bla kliem. Kienet inqatgħet is-sentenza ta’ każ li kellhom fil-passat u t-Tetinu kien weħel sentejn ħabs u Wayne sentenza sospiża. It-Tetinu stqarr magħna li din id-darba kien se jħossha wisq għax issa li kien beda jgħix tajjeb kien se jerġa’ jispiċċa ġewwa. Minkejja dan il-ħajja fiha l-perjodu pożittivi tagħha u meta t-Tetinu appella s-sentenza u ammetta li kien mar biex jagħmel dan tant kemm kien beda jgħix ħajja tajba. Għajnejn it-Tetinu xegħlu mill-ġdid hekk kif ftakar fi kliem l-avukat meta qallu li kien se joħorġu liberat minn kull akkuża għax kien hemm żball fis-sentenza. Għalkemm ma setax jemmen dak li kien qiegħed jisma’, it-Tetinu ddeskriva din l-esperjenza bħala “s-sabiħ tad-destin”.

    Maż-żmien bdew jiżdiedu l-klijenti u wara ftit xhur it-Tetinu ma bediex ilaħħaq mad-domanda tant li kien hemm persuni jibbukjaw għal sentejn wara bil-patt li jpenġilhom hu. Illum il-ġurnata Wayne jieħu ħsieb l-appuntamenti tal-artisti kollha, jieħu ħsieb id-disinni, jagħmel l-imsielet tal-klijenti tiegħu u jaħseb f’affarijiet oħrajn li jkomplu jiġbdu aktar klijenti. Infatti Wayne ħaseb ukoll biex iġib artisti barranin li jaqdu lill-klijenti tagħhom f’ċertu ġranet.

    Wayne qalilna li hu minn dejjem kellu f’moħħu li jkompli jikber u li s-sorpriżi tagħhom qatt ma naqsu. Xi xhur wara li bdew iddeċidew li jkabbru u sabu ħabut bil-barbier magħhom u t-Tetinu malajr beda jiġri b’moħħu biex jieħduh dan il-ħanut. Ġara li huma kienu ftehmu mod u fil-ġurnata tal-kuntratt sfaxxa kollox għax is-sid ma kienx il-persuna li ftehmu magħha u fil-kuntratt kien hemm li l-barbier ma kellux ikun persuna magħżula minnhom. Minn hemm bdiet il-ħidma ta’ Wayne li beda jdur u jagħqad biex isib ħanut u jagħmluh fuq dak l-istil. Minn hemm beda l-proġett ta’ dak li llum huwa magħruf bħala ‘Tetinu Barber Shop’. Forsi huwa minnu li t-Tetinu moħħu jiġri bih, iżda mill-ftit minuti li qattajt ħdejh bħala ġurnalist stajt nifhem li qalbu jidher li ġriet qabel moħħu. Hu ried dak il-ħanut għal ħabib tagħhom Gianluca Debattista, li dak iż-żmien kien jaħdem bħala barbier man-nies u li xtaq jikber, iżda kien jonqsu dik l-imbuttatura. Illum Gianluca u t-tim tiegħu jmexxu dak il-ħanut u Wayne kellu kliem ta’ tifħir għalihom tant li hu jittawlilhom darba fil-ġimgħa għax jafdahom b’għajnejh magħluqin.

    “Is-sħab mhux fl-ajru biss qegħdin… il-ħolm qiegħed hemm biex tgħixu”

    Hekk kif qrobna lejn tmiem din l-intervista ma’ Wayne u t-Tetinu, f’messaġġ li xtaq jgħaddi lil dawk kollha li għandhom xi ħolma f’ħajjithom b’mod speċjali ż-żagħżagħ it-Tetinu għalaq bi kliem ta’ kuraġġ. Qal magħna li minkejja li kien hemm ħafna li kienu jgħidulu li lesti jinvestu fih u jiftħulu ħanut kellu jkun Wayne biex jibda din il-ħolma tiegħu li llum saret negozju li jippermettilhom ħajja li qatt ma basar li kien se jgħix meta kien dak id-daqsxejn ta’ tifel mħarbat. Dwar il-fiduċja, it-Tetinu qalilna li kulħadd għandu dritt jgħid tiegħu iżda li hu ma jaqbilx li sħab jeżistu biss fl-ajru għax hu u Wayne dejjem baqgħu jikbru u jekk xi ħadd minnhom jixtri xi ħaġa erħilhom jifirħu lil xulxin u jinkoraġixxu lil xulxin fit-tajjeb. Minkejja li kien hemm żmien li t-Tetinu tant kien fdat minn Wayne li seta’ kieku ried ħadlu xi flus li kien ikollu fil-karozza, anke jekk il-vizzju kien jgħakksu qatt ma messlu ċenteżmu. 

    Iżda fuq kollox huwa ma setax ma jagħlaqx billi jappella liż-żgħażgħ biex jirrispettaw lill-ġenituri għax jiġri x’jiġri huma se jkunu dejjem hemm għalik. Bid-dmugħ f’għajnejh li onestament lili gerfixni għax ma stajtx nifhem jekk kienx dmugħ ta’ niket jew ta’ ferħ, Etienne sellem il-memorja ta’ missieru li miet fl-aħħar xhur. Qalilna li minkejja li l-ġenituri t-tnejn dejjem kienu hemm għalih ma missieru kellu relazzjoni li mhux faċli tiddeskriviha bil-kliem. “Konna niġġieldu kuljum, iżda missieri kien qisu d-dell tiegħi, tiela’ u nieżel miegħi l-Qorti, fuqu pinġejt l-ewwel tattoo u l-akbar xewqa tiegħu rrealizzaha għax qabel miet kellu jarani nsir nies u assista għal għaxar snin ta’ suċċessi fil-ħwienet tagħna.

    FILMAT u RITRATTI: ALAN SALIBA

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0