“Deċiżjonijiet ta’ prinċipju u fl-aħjar interess ta’ pajjiżna”

  • Apr 14, 2019 13:49
  • Miktub minn iNews
"

    Persważjoni, sens komun u sensibbilita’ fil-kwistjoni Alan Kurdi…

    Kull ġurnata li tgħaddi, dan il-Gvern jieħu deċiżjonijiet b’responsabilta’ skont il-prinċipji tagħna u skont dak li nemmnu li hu l-aħjar interess ta’ pajjiżna.

    Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat fil-Mellieħa fid-dawl li sa din il-ġimgħa stess, għal darb’oħra,  ittieħdu deċiżjonijiet ta’ piż dwar is-sitwazzjoni ta’ vapur li kien ftit ‘il barra mill-ibħra tagħna b’64 persuna fuqu. 

    “Ġara għal darb’oħra… li vapur ta’ għaqda rreġistrata l-Ġermanja għabbiet nies qrib il-kosta Libjana, jidher li kienu qegħdin fil-periklu dawn in-nies. U dawn wara li għabbewhom, kellhom deċiżjoni – jew jeħduhom lura l-Libja li skont din l-għaqda u nirrispettawha il-prinċipji tagħha jgħidu li m’għandhomx jeħduhom lura imma mbagħad kellhom l-għażliet l-oħra. U l-għażliet l-oħra kienu li jmorru fl-iktar post sigur fil-qrib,” qal il-Prim Ministru.

    It-Tuneżija u l-Italja kienu l-iktar żewġ pajjiżi viċin fejn dan il-vapur seta’ jbaħħar. Ġara li t-“Tuneżija ma marrux hemmhekk u kellek ftit iktar ‘il bogħod mit-Tuneżija, l-Italja fejn marru jitrakkaw barra Lampedusa u t-Taljani qalulhom hawnhekk ma tidħlux. Mhux ħa nidħol fil-kwistjoni ta’ ġudizzju għal dak li għamel il-Gvern Taljan. Hemm lok u ħin biex nagħmlu dik id-diskussjoni. Dawn in-nies imbagħad qabdu u ġew u trakkaw barra minn Malta u bdiet il-pressjoni internazzjonali minn għaqdiet internazzjonali jgħidu li l-Gvern Malti biex idaħħalhom Malta,” fisser Muscat.

    Filwaqt li l-Prim Ministru jaċċetta din il-pressjoni, huwa stqarr li “dak li ma naċċettax huwa li f’mument minnhom, Malta kienet ħa tibda tiġi mpenġija bħala li ħolqitha hi din is-sitwazzjoni.”

    Minn hemmhekk, il-Prim Ministru semma tliet toroq differenti li seta’ jieħu dan il-Gvern. L-ewwel triq kienet li naqbdu u ndaħħlu dawn in-nies f’pajjiżna. Xi ħaġa li kienet tiftaħ preċedent inġust ma’ Malta għax issa li ġej is-Sajf għaqdiet bħal din li għabbiet dawn l-immigranti kienu jibqgħu jagħmlu l-istess.

    It-tieni triq kienet dik li “ngħidu le ta. Jiddispjaċina imma l-portijiet tagħna magħluqa u m’għandniex x’irridu minn ħaddieħor.” 

    Spjega li filwaqt li din it-triq tinstema’ sabiħa u trebbħek il-voti u tkun popolari fuq ‘facebook’, tkun qed tilgħab mal-isem tal-pajjiż u mal-prinċipji. “Hemmhekk, aħna rridu naraw x’valur nagħtu lill-ħajja umana. U jien għalija l-ħajja umana mhix kwistjoni relattiva... Jekk ikun hemm għaqdiet u persuni li jridu jagħmluha tal-qaddisin fi kwistjonijiet bħall-abort, irridu nerfgħu kollox għax il-ħajja umana hija l-istess ħajja umana,” kompla l-Prim Ministru.

    Imbagħad hemm it-tielet triq – “It-triq tal-persważjoni, it-triq tas-sens komun, triq li tipprova tikkonvinċi. U hekk għamilna aħna matul l-aħħar jiem meta konna qegħdin nitkelmu u sibna għajnuna kbira mill-Kummissjoni Ewropea,” qal Muscat li minkejja li l-‘flavour of the month’ qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tkun li kull partit b’xi mod jew ieħor jitkellem kontra l-Ewropa b’xi mod għax dik l-eħfef ħaġa. Minflok, il-Prim Ministru tkellem favur l-Ewropa għaliex “sibna nies fil-Kummissjoni Ewropea  li fehmuna meta għidnielhom intom triduna li nagħmlu bħal ħaddieħor u nagħlqu ‘l bibien?”

    Hekk intlaħaq kompromess li mhuwiex faċli. “Id-dover tagħna mhux li nieħdu soluzzjoni li tidher faċli, konvenjenti u li ma taħlix ħin. Id-dover tagħna huwa li nieħdu l-aħjar soluzzjoni. L-iktar soluzzjoni li tkun bis-sens u poġġejna bilqegħda u qalulna x’ikun aċċettabli għalikom? Għalina li jkun aċċettabli huwa li aħna ngħinu biex dawn in-nies jinżlu Malta imma li l-ebda wieħed minnhom ma jista’ jibqa’ Malta u għandhom jittieħdu mal-ewwel. U l-ħbieb tagħna Ewropej ħadmu biex ġibna kompromess mingħand erbgħa pajjiżi u għalhekk l-erbgħa u sittin persuna li għinnihom l-ebda wieħed minnhom m’huma ħa jibqgħu f’Malta,” qal il-Prim Ministru. 

    Malta kosmpolitana miftuħa għal kulħadd

    B’referenza għall-investiment riċenti f’pajjiżna tal-Aurobindo, it-tieni l-ikbar kumpanija mediċinali fl-Indja, il-Prim Ministru spjega kif din il-kumpanija bdiet “għaxar snin ilu b’uffiċċju żgħir. Illum jimpjegaw mija u ħamsin ruħ, jaqbdu l-mediċina kollha li jipproduċu madwar id-dinja, iġibuhom Malta, Malta jittestjawhom u skont dak it-test ikunu jistgħu la darba jieħdu ċ-ċertifikazzjoni, ibiegħuhom f’pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.”

    F’diskussjoni mal-Kap Eżekuttiv tal-istess kumpanija, il-Prim Ministru fisser kif din il-kumpanija qed tinvesti biex tkabbar u biex ikunu jistgħu jittestjaw Malta t-testijiet tal-Onkoloġija. Il-Kap Eżekuttiv spjega mal-Prim Ministru kif qegħdin f’sitwazzjoni fejn mhux il-barranin qed jieħdu x-xogħol tal-Maltin anzi kull min għandu l-kwalifiċi meħtieġa, jista’ faċilment jaħdem ma ‘ din il-kumpanija imma qegħdin f’sitwazzjoni li biex sar dan l-investiment, l-ewwel ħaġa li saqsew kienet  għandhomx biżżejjed nies biex jaħdmu minħabba li kienu qed jikkompetu ma’ pajjiżi oħra biex isir dan l-investiment. Biex dan l-investiment sar possibli, din il-kumpanija mpjegat il-Maltin u fejn ma jaslux bil-Maltin, iġibu l-barranin. Li kieku m’hawnx barranin, il-fabbrika ma kinitx iġġib dak l-investiment u mingħajr il-barranin kienu jitilfu xogħolhom il-Maltin.

    Il-Prim Ministru enfasizza li l-iktar ħaġa li rridu nifhmu hija li “min irid jaħdem f’dan il-pajjiż, ħa jsib xogħol imma aktar minn hekk, bil-postijiet ta-xogħol li qegħdin noħolqu, jek m’aħniex kapaċi illi nimlewhom aħna u ma nġibux il-barranin li nimlewhom, nitilfu x-xogħol aħna bħala Maltin.

    Hawnhekk, il-Prim Ministru appella wkoll lill-mezzi tax-xandir li l-ewwel isostnu b’mod kontinwu “kontra r-razziżmu u sewwa jagħmlu imma jekk hemm ċans ta’ nofs storja li tista’ tpinġi b’mod jew ieħor xi kwistjoni bi sfond razzjali, nagħtuh il-pubbliċita’ biex jitkellem.”

    Gvern li jwettaq u jagħti dak li qatt ma taha l-PN

    Il-Prim Ministru rrefera għall-Gvern preċedenti fejn meta dan tal-aħħar wiegħed qabel l-elezzoni li se jnaqqas l-income tax, ftit wara m’għamilx dan bl-iskuża li din ma tistax issir. 

    “X’differenza ma’ dan il-Gvern li f’kull budget li għamilna, aħna naqqasna t-taxxi. Dalwaqt ħa nerġgħu fil-letter box tagħkom mhux ix-xokk tal-kont ħa tirċievu imma ċekk ieħor ta’ refund tat-taxxa, ċekk għal kull min jaħdem u kull min jaqla inqas minn sittin elf ewro...u jieħu wkoll min jaqla’ minimum wage u ma jħallasx taxxa,” saħaq Muscat li rrimarka kif minn din il-miżura biss, il-poplu ngħata tlieta u għoxrin miljun ewro oħra mingħajr ma fakkar il-prezzijiet ferm aħjar tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma li llum il’ ġurnata saru ‘for granted’. 

    “Ħa nkomplu nagħtu, ħa nkomplu nżidu l-pensjonijiet, innaqsu l-ispejjes, innaqsu t-taxxi, inżidu l-benefiċċji sakemm tibqa’ tiflaħ l-ekonomija, sakemm tibqa ddur ir-rota u r-rota aħna rridu ndawruha permezz tal-miżuri li nieħdu. Mhux ta’ b’xejn żiedu iktar minn għaxart’elef ruħ fil-postijiet tax-xogħol ħafna minnhom fis-suq privat,” kompla Muscat.

    Muscat fisser ukoll li biex titkabbar l-ekonomija, l-investitur u l-ħaddiem ma rridux inġellduhom. “Niċċelebraw minn jissogra ruħu biex joħloq ix-xogħol. Biex nagħmlu dan kollu, l-ikbar ħaġa biex jinħoloq il-ġid hija l-fiduċja.”

    Il-Prim Ministru spjega li “n-nies jemmnuna fuq żewġ fatti kruċjali. L-ewwelnett hu li dak li ngħidu nwettquh. M’aħniex perfetti u għandna ħafna nuqqasijiet imma żgur difett li m’għandniex hu li lin-nies ngħidulhom ħaġa u nagħmlu oħra.”

    Hawnhekk, il-Prim Ministru rrefera għal żewġ wegħdiet li wiegħed u li llum ‘il ġurnata dak li deher impossibli biex isir, kulħadd qed jara realta’ differenti bħal fil-każ tal-mina t’Għawdex u l-proġetti infrastrutturali ta’ seba’ mitt miljun ewro f’sebgħa snin.

    Il-Prim Ministru temm jgħid,” Inħares ‘il quddiem biex nibqgħu għaddejjin bir-riformi, sa din il-ġimgħa stess permezz tal-liġi tal-kremazzjoni fejn dalwaqt se jkollna din l-għażla. Se nibqgħu għaddejjin b’aktar riformi... Jekk ħaddieħor iqis lilu nnifsu bħala borġ ġebel, aħna sur li minnu l-poplu Malti u Għawdxi kollha dejjem se jibqa’ jgawdi.”

    Fi tmiem id-diskors tiegħu l-Prim Ministru għamel stedina lill-Maltin u l-Għawdxin biex fl-ewwel ta’ Mejju jingħaqdu mal-Partit Laburista fil-Belt Valletta biex minn hemm jibda vjaġġ ta’ 25 jum li jwassal sal-ewwel ta’ Mejju.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0