L-iżviluppi fid-dinja tax-xogħol diskussi bejn l-GWU u Miriam Dalli

  • Apr 14, 2019 16:00
  • Miktub minn iNews
"

    Il-kampanja tal-General Workers’ Union għat-twessiegħ tal-prinċipju ta’ ħlas ugwali għal xogħol ugwali bil-għan li jkopri lil ħaddiema kollha li jaħdmu fuq l-istess post tax-xogħol anke jekk mhux impjegati mal-istess prinċipal, kienet waħda mit-temi diskussi f’laqgħa bejn il-GWU u l-MPE Miriam Dalli. Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja stqarr li l-iżviluppi li qed iseħħu fl-ekonomija globali qed jaffettwaw anke r-realtà tad-dinja tax-xogħol f’pajjiżna. Dawn l-iżviluppi qed iġibu magħhom bidla fil-profil tal-membri, tkabbir ekonomiku, diġitalizzazzjoni tan-natura tax-xogħol kif ukoll influs ta’ aktar ħaddiema barranin. Saħaq li l-GWU għaddejja bi proċess ta’ aġġornar bil-għan li tkun tista’ tilqa’ għal dawn il-bidliet u taqdi aħjar lill-imsieħba tagħha. 

    Waqt din il-laqgħa li għaliha kienu preżenti l-Amministrazzjoni Ċentrali kif ukoll is-segretarji tad-diversi taqsimiet tal-Union, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li b’dawn l-iżviluppi kollha li qed iseħħu fid-dinja tax-xogħol għandha importanza kbira l-kampanja tal-Union għaliex għandha l-għan li l-ħaddiema tal-kuntratturi li qed jagħtu servizz kumpaniji privati jitħallas b’mod ġust għax-xogħol li qed jagħmlu. Tenna li f’dan l-isfond din il-kampanja tmur ukoll id f’id mal-proposta tal-GWU li kull ħaddiem f’pajjiżna għandu jkun membru fi trejdunjin tal-għażla tiegħu: “Għax fejn hemm il-Union, ma jkunx hemm abbuż mill-kundizzjonijiet tal-impjieg, ma jkunx hemm sfruttament tal-ħaddiema u lanqas ma teżisti d-diskriminazzjoni bejn il-ġeneru jew bejn l-istess individwi, f’dik li għandha x’taqsam r-remunerazzjoni għax-xogħol li jsir.”

    F’dan il-kuntest il-membru parlamentari ewropew u kandidata laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Miriam Dalli stqarret li: “Għandna r-responsabiltà biex nassiguraw li l-ħaddiema tagħna jingħataw xogħolijiet ta’ kwalità, li jkomplu jitħarrġu u li fuq kollox id-drittijiet tagħhom huma salvagwardati. Fl-aħħar mill-aħħar ma jistax ikollna ekonomija b’saħħitha mingħajr l-involviment b’saħħtu tal-ħaddiema. It-trade unions huma t-tarka tal-ħaddiema f’setturi differenti. Grazzi għal organizazzjonijiet bħal General Workers’ Union, il-ħaddiema għandhom vuċi b’saħħitha li tiddefendi l-interessi tagħhom.” Stqarret li bħala politiku għalhekk tgħamel mezz li żżomm kuntatt kontinwu mal-ħaddiema u mal-General Workers’ Union biex dak li: “Nagħmel ikun b’konsultazzjoni sħiħa magħhom. Fil-fatt matul dawn l-aħħar ħames snin kelli diversi laqgħat mal-GWU dwar diversi temi fosthom fuq id-direttiva tal-emissjonijiet minn vetturi.”

    Is-Segretarju Ġenerali saħaq li l-GWU għandha d-dmir li żżomm kuntatt mal-MPE biex twassal il-messaġġ tal-ħaddiema Maltin u anke tal-moviment trejdunjonistiku Ewropew u internazzjonali. Huwa spjega l-ħidma li saret mill-GWU fl-ambitu tal-Konfederazzjoni Ewropeja tat-tade Unions biex fl-Unjoni Ewropea ssir reviżjoni u aġġornar tad-direttiva dwar l-ippustjar ta’ ħaddiema bejn pajjiż u ieħor bil-għan li l-ħaddiema ma jibqgħux ikunu mħallsa b’mod prekarju. Saħaq li l-influss ta’ ħaddiema barranin f’Malta hija realtà u hi frott it-tkabbir ekonomiku: “Bħala GWU ħadna miżuri biex norganizzaw fi ħdanna anke lill-ħaddiema barranin u nista’ ngħid li llum għandha eluf ta’ imsieħba li ġejjin mill-Unjoni Ewropea jew pajjiżi terzi. Dawn il-ħaddiema jieħdu sehem attiv tant li wħud ġew eletti bħala rappreżentanti ta’ sħabhom.” Fl-isfond ta’ dan is-Segretarju Ġenerali għamel refernza għall-ħidma li qed twettaq il-Union fis-settur marittimu bil-għan li jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-baħħara barranin li huma impjegati fuq laneċ Maltin, jew opri tal-baħar li jtajru l-bandiera Maltija. Huwa qal li l-Union qed tiltaqa’ ma’ dawk interessati biex ikun identifikat l-aħjar mod li permezz tiegħu dawn il-ħaddiema jkollhom id-drittijiet tagħhom imħarrsa u ma jibqgħux fil-mira ta’ min irid jisfruttahom. 

    Temi oħra li kienu diskussi fil-laqgħa bejn il-GWU u l-MPE Miriam Dalli, kien hemm l-iżviluppi fil-qasam tal-Intelliġenzza Artifiċjali u kif din qed tkompli tiddiġitalizza d-dinja tax-xogħol, il-proċess tal-ingaġġ ta’ ħaddiema barranin, il-proċess tan-negozjati industrijali fis-settur u servizz pubbliku, in-nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa biex jimlew postijiet tax-xogħol fis-settur tal-manifattura u l-problemi ta’ saħħa mentali li qed jinfirxu fost il-ħaddiema għax bil-mezzi ta’ komunikazzjoni moderni mhux qed jirnexxilhom jinqatgħu mill-impenji tal-post tax-xogħol. 

    F’din il-laqgħa kienu diskussi wkoll temi ambjentali, fejn fost oħrajn is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja għaraf il-ħidma li wettqet l-MPE Miriam Dalli fuq il-liġi li tirregola l-emissjonijiet minn karozzi, fejn qal li bħala Union: “Nemmnu li din se sservi għal titjib fis-saħħa tal-persuni u se ttejjeb il-kwalità tal-ħajja.” 

    Iż-żewġ naħat qablu li jkomplu jikkolaboraw bejniethom biex jiġu indirizzati diversi sfidi inkluż il-ħtieġa ta’ taħriġ kontinwu, preparazzjoni għall-industriji tal-futur u miżuri li bihom tkun protetta s-saħħa fiżika u mentali tal-ħaddiema.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0