50 persuna bil-vizzju tad-droga jiksbu t-tieni ċans f'ħajjithom

  • Apr 15, 2019 13:56
  • Miktub minn iNews
"

    Erba' snin wara d-dħul fis-seħħ tal-Att dwar id-Dipendenza fuq id-Droga (Trattament mhux Priġunerija), il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar li bis-saħħa tal-mekkaniżmi introdotti b'din il-liġi storika, b'kollox 50 persuna li kienu akkużati b'offiżi konnessi mad-droga kisbu t-tieni ċans f'ħajjithom wara li l-Bord għar-Rijabilitazzjoni mid-Droga ikkonkluda li dawn ħarġu mill-vizzju.

    “Din il-liġi kienet mument importanti li mmarka bidla fil-mod ta' kif l-Istat iħares lejn il-vittmi tal-abbuż tad-droga.  Wara erba' snin, ir-riżultati qed juru li l-vittmi ġenwini tal-abbuż għandhom jitqiesu bħala nies li jeħtieġu għajnuna u mhux kriminali,” saħaq il-Ministru Bonnici.  Fil-fatt din il-liġi tipprovdi metodi diversi ta' kif persuni akkużati b'offiżi relatati mad-droga jingħataw għajnuna u inċentivi b'saħħithom ħafna sabiex dak li jkun joħroġ mill-vizzju.

    Il-liġi l-ġdida tad-droga daħħlet għadd ta' riformi. L-ewwel nett, il-liġi provdiet li dawk il-persuni li jinstabu b'pussess ta' droga f'ammonti żgħar għal użu personali jidhru quddiem Kummissarju għall-Ġustizzja, u mhux il-Qorti tal-Maġistrati.  Jekk jinstabu ħatja, il-piena tkun multa ta' bejn €50 u €100 f'każ ta' pussess ta' kannabis, u multa ta' €75 sa €125 f'każ ta' pussess ta' drogi oħra.  Dan l-eżerċizzju ta' dekriminalizzazzjoni wassal biex il-każijiet jiġu meqjusa mill-perspettiva soċjali u r-riżultati kienu pożittivi ħafna.

    It-tieni nett, il-liġi pprovdiet li f'każ ta' pussess sempliċi ta' kwalunkwè droga għajr ta' kannabis, jekk persuna tinstab ħati ta' din l-offiża darbtejn fi żmien sentejn, dik il-persuna – minflok ma titqies bħala reċidiva għall-finijiet tal-Kodiċi Kriminali – tiġi riferuta għall-Bord għar-Rijabilitazzjoni tad-Droga biex tingħata l-għajnuna sabiex toħroġ mill-vizzju.

    Huwa pożittiv il-fatt li minn total ta' 2,710 li tressqu quddiem il-Kummissarju għall-Ġustizzja biex iwieġbu għall-akkuża ta' pussess sempliċi, kienu biss 88 li nstabu ħatja ta' din l-offiża darbtejn fi żmien sentejn.  Dan il-fatt jindika li l-proċess quddiem il-Kummissarju għall-Ġustizzja qed iħalli l-effett mixtieq.

    It-tielet nett, il-liġi pprovdiet li f’każ ta' pussess aggravat u ċerti każijiet ta' traffikar, il-Qorti tal-Maġistrati tista’, wara li ssirilha talba mill-akkużat stess, tirreferi lill-akkużat quddiem il-Bord għar-Rijabilitazzjoni mid-Droga biex jingħata l-għajnuna.  B'kollox 46 persuna gew referuti mill-Qorti tal-Maġistrati quddiem il-Bord.

    Ir-riżultati juru li minn total ta' 134 każ li ġew riferuti għall-għajnuna fl-aħħar erba’ snin quddiem il-Bord għar-Rijabilitazzjoni mid-Droga mill-Kummissarju għall-Ġustizzja (88) jew mill-Qorti tal-Maġistrati (46), f'50 każ minnhom il-Bord ikkonkluda li l-persuni in kwistjoni ħarġu mill-vizzju.  Minn dawn il-50 każ, 30 persuna kienu ġew riferuti mill-Kummissarju għall-Ġustizzja u 20 mill-Qorti tal-Maġistrati.

    Riforma oħra kienet li f'każijiet ta' pussess aggravat u ċerti każijiet ta' traffikar ta' droga li skont il-liġi jattiraw piena mandatarja ta' ħabs, il-Qorti tal-Maġistrati ngħatat il-poter li minflok ma tagħti piena ta' ħabs, tagħti pieni oħrajn jekk ikollha parir mill-Bord għar-Rijabilitazzjoni mid-Droga li l-akkużat ħareġ mill-vizzju.  Mill-20 każ ta' persuni li kienu ġew riferuti mill-Qorti tal-Maġistrati u rnexxielhom joħorġu mill-vizzju, 3 persuni diġà ngħataw piena li m'hijiex waħda ta' ħabs u l-bqija (17) qed jistennew li jingħataw sentenza.

    Il-Ministru Bonnici qal li r-riżultati inizjali juru li l-Att dwar id-Dipendenza fuq id-Droga (Trattament mhux Priġunerija) qiegħed iwassal biex jiġu riformati l-ħajjiet u tipprovdi t-tieni ċans għal dawk li jaħdmu għalih.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0