Sitt ħatriet ġodda fil-Ġudikatura

  • Apr 25, 2019 08:24
  • Miktub minn iNews
"

    Il-Kabinett tal-Ministri approva l-ħatra ta’ sitt membri ġodda fil-Ġudikatura: tliet imħallfin u tliet maġistrati. Kull isem ġie preċedentement approvat mill-Kumitat tal-Għażla tal-Ġudikanti skont kif trid il-Kostituzzjoni.

    B’hekk, l-ammont ta’ imħallfin se jkun ta’ 24 waqt li l-ammont ta’ maġistrati se jibqa’ dak ta’ 22.

    Imqabbel ma’ sitt snin ilu, jekk wieħed jieħu in konsiderazzjoni l-ħatra ta’ Lorraine Schembri Orland bħala Imħallef fil-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-irtirar imminenti bl-età tal-Imħallef Silvio Meli, l-ammont ta’ imħallfin żdied bi 2 filwaqt li l-ammont ta’ maġistrati żdied bi 2. Din iż-żieda qed tgħin biex jiġi assigurat servizz aħjar għaċ-ċittadini li jirrikorru l-Qorti u tagħti possibilità għal iktar speċjalizzazzjoni fost il-Ġudikatura.

    L-imħallfin il-ġodda se jkunu l-Imħallef Francesco Depasquale, l-Imħallef Joanne Vella Cuschieri u l-Imħallef Aaron Bugeja. Il-maġistrati l-ġodda se jkunu Dr Nadine Lia, Dr Victor Axiak u Dr Bridget Sultana. 

    B’dawn il-ħatriet il-ġodda l-ammont ta’ nisa fil-ġudikatura huwa ta’ 53 fil-mija.

    IMĦALLFIN ĠODDA

    Dr Francesco Depasquale

    Dr Depasquale laħaq avukat fl-1995 u segwa l-istudji tiegħu b’Masters fil-Liġi Marittima b’distinction mill-International Maritime Law Institute fi ħdan l-IMO.

    Meta kien student huwa kien attiv kemm fi ħdan l-Għaqda Studenti tal-Liġi, il-European Law Students Association u l-Kunsill Studenti Universitarji.

    Huwa serva fil-Malta Maritime Law Association u fil-Kamra tal-Avukati.

    Huwa nħatar maġistrat fl-2011 u sena wara ġie elett Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tal-Imħallfin u Maġistrati ta’ Malta.

    Dr Depasquale ilu sa mill-2007 jirrappreżenta lil pajjiżna fuq l-Assoċjazzjoni Ewropea dwar l-Effiċjenza fil-Ġustizzja (CEPEJ) fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa.

    Huwa miżżewweġ u għandu żewġt itfal.

    Dr Joanne Vella Cuschieri 

    Dr Vella Cuschieri laħqet avukat fl-2001 u kompliet l-istudji tagħha b’Magister Juris fid-dritt Ewropew. 

    Hija ħadmet bħala avukat fil-prattika privata u bħala konsulenta legali dwar il-liġijiet tax-xogħol u tal-ippjanar. Serviet ukoll fuq il-Qorti tal-Konċiljazzjoni u l-Arbitraġġ fi ħdan l-OSCE.

    Dr Vella Cuschieri laħqet maġistrat fl-2014 fejn serviet estensivament fil-Qorti ta’ Għawdex.

    Hija miżżewġa u għandha tlett itfal.

    Dr Aaron Bugeja

    Dr Aaron Bugeja laħaq avukat fl-1995 u segwa l-istudji tiegħu b’M.A. fil-Liġi fl-2012.

    Wara karriera fil-prattika privata, huwa ħadem bħala prosekutur fi ħdan l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali (2006-2013) sa ma nħatar maġistrat fl-14 ta’ Lulju 2013. 

    Huwa ilu sa minn Ottubru tal-2007 jgħallem il-proċedura kriminali fi ħdan l-Università ta’ Malta bħala senior visiting lecturer. Huwa rrappreżenta lil pajjiżna f’diversi strutturi internazzjonali marbuta mad-dritt penali.

    Huwa miżżewweġ u għandu żewġt itfal.

    MAĠISTRATI ĠODDA

    Dr Nadine Lia 

    Dr Nadine Lia laħqet avukat fl-2004 u sentejn wara saret ukoll barrister fil-ġurisdizzjonijiet tal-Ingilterra u Wales.

    Wara li ħadmet għal xi żmien bħala membru tal-korp diplomatiku, hija ħadmet bħala barrister ma’ Middle Temple Inn ta’ Londra.   

    Hija studjat fl-Università ta’ Malta, fl-Università ta’ Western Ontario l-Kanada u fl-Università ta’ Canterbury f’Kent, il-Gran Brittanja.   

    Wara, ħadmet fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ta’ Malta bħala prosekutur u imbagħad bħala avukat fil-prattika privata fejn anke tat konsulenza fuq il-liġi tan-negozji tal-familja. 

    Dr Lia tgħallem il-liġi fi ħdan il-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta u ngħatat diversi rikonoxximenti internazzjonali għax-xogħol tagħha. 

    Hija miżżewġa u għandha żewġt itfal.

    Dr Victor Axiak 

    Dr Axiak laħaq avukat fl-2005 u kompla l-istudji tiegħu fil-kamp tat-taxxa mal-Istitut Malti dwar it-Tassazzjoni. 

    Huwa ħadem fil-prattika privata fuq oqsma marbuta mal-liġi kummerċjali u dik ċivili.

    Serva għal diversi snin bħala konsulent legali tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni u dak li kien magħruf bħala d-Dipartiment tal-Artijiet. Huwa ħadem ukoll estensivament fil-kamp tal-liġi tal-immigrazzjoni.

    Dr Axiak huwa miżżewweġ u għandu żewġt itfal.

    Dr Bridgette Sultana

    Dr Sultana laħqet avukat fl-1995.

    Hija għamlet karriera twila fis-Servizz Pubbliku bħala avukat fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa u llum tokkupa l-kariga ta’ direttur responsabbli mis-servizzi legali f’dan il-ministeru fejn ħadmet estensivament fl-aspetti legali tal-kamp tal-mediċina.

    Studjat l-Università ta’ Malta u kompliet l-istudji tagħha b’M.A. mill-Università ta’ Cardiff. 

    Hija segwiet ukoll b’suċċess korsijiet u programmi fl-Università ta’ Rotterdam u l-Università ta’ Harvard.

    Dr Sultana għandha żewġt itfal.

     

     

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0