Filmat: ''Aħna nappoġġaw il-proġett Ewropew... però b’mod kritiku''

  • Apr 25, 2019 12:35
  • Miktub minn Matthew Charles Zammit
"


    Inewsmalta titkellem maċ-Ċermen u l-Kandidat għall-Parlament Ewropew għall-Alternattiva Demokratika, il-Perit Carmel Cacopardo.

    L-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, minn dejjem setgħu jitqiesu bħala uħud mill-iktar elezzjonijiet kruċjali għall-AD, għaliex huma l-elezzjonijiet fejn l-iktar li jinħass is-sentiment negattiv kontra l-PL u PN, u l-iktar li jiġi sfruttat għall-gwadann tal-partit politiċi l-oħra. Huwa possibbli li l-AD jkollha rendikont elettorali sinifikattiv bħar-riżultat li rnexxielha tiġbor fl-2004?

    L-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew huma elezzjonijiet fejn l-elettorat għandu inqas injibizzjonijiet minn dawk ġenerali. Inqas u inqas f’tal-Kunsilli Lokali, fejn matul is-snin, l-AD kellha diversi kunsillieri eletti, fosthom fil-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard, tas-Sliema, Ħal-Lija, is-Swieqi, Birkirkara u oħrajn. Li forsi ma kellniex hija kontinwita: Bħala rata ta’ bdil ta’ kandidati, l-AD għandha rata forsi daqxejn ikbar minn dik ta’ partiti oħra, li tista tkun żvantaġġ, għax sakemm bniedem ġdid inibbet l-għeruq, jieħu ż-żmien.

    Issa, jekk inħarsu lejn l-elezzjoni tal-2004, dakinhar kellna ċirkostanzi partikolari: Kien hemm ir-referendum s-sena ta’ qabel, fejn l-AD kienet fuq quddiem nett fil-kampanja referendarja, u l-partit kien wieħed mill-uċuħ ta’ Iva favur id-dħul ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropeja Allura, r-riżultat tal-ewwel elezzjoni f’Malta għall-Parlament Ewropew kien rifless ta’ dik il-kampanja. 

    Fuq din is-sena? Jiena nistenna riżultat aħjar minn dak li niksbu f’riżultat normali tal-elezzjoni ġenerali. Issa, kemm ikun aħjar, jiddipendi fuq ħafna affarijiet. Mhix biss l-attribwiti pożittivi tagħna, iżda wkoll jiddipendi fuq l-attribwiti negattivi ta’ ħaddieħor. Aħna niksbu l-voti mhix biss mingħand min jaqbel a dak li ngħidu, iżda wkoll f’dawk li ma riedux jivvutaw lil ħaddieħor. Hija din it-taħlita ta’ voti ta’ protesta, u attribwiti pożittivi, li kapaċi tiddetermina r-riżultat aħħari tal-AD.

    Temmen li, bil-kandidati, l-proposti u l-kampanja tagħkom, kapaċi tisfruttaw din in-nuqqas ta’ sodisfazzjoni li preżentament jinsab fl-elettorat Malti?

    Għanda min jivvutalna dejjem fil-Parlament Ewropew, iżda ma jivvutawx lilna waqt l-elezzjonijiet ġenerali. Prinċipalment għaliex waqt l-elezzjonijiet ġenerali, hemm numru ta’ nies li jivvutaw kontra min ma jridux, iktar milli favur min iridu. Għadna ma wasalniex fi stadju matur f’dan il-pajijż, li tivvota favur dak li trid, iktar milli kontra dak li ma tridx. 

    Meta ngħodd dan kollu, u l-klima politika preżenti,  qiegħed nistenna riżultat raġonevoli.

    Maqgħuda mal-mistoqsija preċedenti, din sejra tkun l-ewwel elezzjoni għall-Parlament Ewropew fejn il-pożizzjoni tal-Alternattiva Demokratika bħala t-tielet partit tista’ tkun mhedda minn partit oħra, speċjalment mill-kandidati tal-Partit Demokratiku. Fl-opinjoni tiegħek, kif l-AD tista’ tiddefenixxi ruħha u tikseb dawn il-“protest votes”, biex insejħulhom hekk?

    Il-fatt li hemm partit ieħor, irrelevanti taċ-ċirkostanzi minn fejn oriġina l-partit u kif sab ruħu f’din is-sitwazzjoni, inevitabbilment sejjer jaffettwa. Fejn qabel aħna konna l-unika vejikolu għal dawk li jissejħu l-‘protest votes’, issa inqasam fi tnejn.

    Kemm jaffettwa, ma nafx. Trid tara, per eżempju, jekk hux ser jaffettwa biss fl-ewwel għadd, iżda wkoll l-wirt ta’ dawn l-ewwel preferenzi. Hemm probbabilita kbira li min jivvota lill-Alternattiva Demokratika, sejrin jivvutaw lill-PD, u viċi versa. Għaliex il-PD, f’ħafna affarijiet addottaw il-pożizzjoni tagħna. Madanakollu, nisħaq li fuq kwistjonijiet ambjentali, il-PD m’għandhomx il-politika ambjentali tagħhom żviluppata daqs tagħna, għax tagħna hija mibnija fuq storja ta’ kwart ta’ seklu t’attiviżmu. Huma għadhom m’għaddewx minn dan il-proċess ta’ fformolar, għalhekk mhix bilfors li jidħlu fl-istess livell ta’ dettal fl-oqsma li nidħlu aħna, 

    X’inhuma l-ikbar sfidi li qegħda taffaċċja l-Unjoni Ewropeja? U x’jista’ jkun l-irwol ta’ Malta biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi?

    Waħda mill-ikbar sfidi indubbjament huwa l-involviment tal-lemin estrem, sfida kbira fuq l-Ewropa kollha. F’Malta forsi ma tinħassx daqstant, iżda f’pajjiżi oħra Ewropej, hija sfida enormi. Bejn il-partit ta’ UKIP u s-suċċessuri tagħhom ġewwa r-Renju Unit, kif ukoll dak li qiegħed jiġri fil-Lvant tal-Ewropa, fl-Awstrija u kif ukoll fl-Italja. Diġà rajna kif Salvini qiegħed jgħaqqad grupp Ewropew ta’ partiti tal-lemin estrem: Huwa mistenni li l-fazzjoni sejra tikber, u dan jista’ joħloq diffikultà fuq x’tip ta’ koalizzjoni tista’ ssir fil-Parlament Ewropew. 

    Fil-Parlament Ewropew, diġà hemm dibattitu fuq jekk il-Partit tal-Ħodor għandux jingħaqad mal-PPE u mal-S&D, u jiffurmaw l-bażi ta’ koalizzjoni ġdida. Ovvjament hemm diffikultà fuq din. Ta’ min jisħaq li l-kandidat ewlieni tal-EPP, Manfred Weber, huwa persuna fil-fruntieri mal-Lemin Estrem, kandidat li ġej mill-Bavarja u li fil-kuntest ta’ EPP jista’ joħloq numru ta’ problemi. Hemm ukoll id-diffikulta jekk l-EPP, wara numru ta’ snin kbar jikkoabita ma’ Orban u Fidesz, għadhomx komdi ma’ dawn it-tip ta’ idejat. Huma n-numru ta’ siġġijiet politiċi li jistgħu jirrisolvu l-kwistjoni.

    Lil’hinn mill-aspetti politiċi?

    Għandek kwistjonijiet bħal tal-klima. Anke fil-manifesti tagħna aħna ngħiduha: It-tibdil tal-klima hija l-ikbar maġġuri ta’ kull żmien. Ma tistax tibqa tiġi indirizzata fuq livell ta’ pajjiż individwali, iżda trid titqies minn aspett globali u/jew kontinentali. Għalkemm ħadd minnha ma jirrealizza l-impatt individwali tagħna, il-ftit tagħna flimkien ta’ ħaddieħor (ftit jew ħafna), jinġemgħu flimkien u jagħmel ħafna.

    Kien hemm impenn biżżejjed mil-lat ta’ Unjoni Ewropeja biex isseħħ il-bidla mixtieqa?

    Ma nemminx li sar biżżejjed. Tinsiex li kien hemm reżistenza kbira tal-EPP, li m’għandhomx daqshekk “mani pulite” fil-ġlieda f’dan is-settur, kemm direttament fuq livell Eworpew, kif ukoll minn pajjiżi kbar bħall-Ġermanja. Kulħadd iwaħħal fl-Unjoni Ewropeja, meta d-deċiżjonijiet li tueħu huma biss rifless tal-posizzjoni li jkunu ħadu lpajjiżi membri. 

    L-ikbar problema fl-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropeja hu l-Kunsill tal-Ministri, li huwa brejk esaġerat fuq il-konklużjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew. Il-Parlament Ewropew ħa ħafna deċiżjonijet, u ħafna drabi rnexxielu jasal għal kompromessi li huma fattibbli u tanġibbli, li mbagħad weħlu fuq livell tal-Kunsill tal-Ministri.

    Fil-Manifest tagħhom, l-Alternattiva tisħaq: “Aħna favur il-proġett Ewropew. Irridu naħdmu iktar biex ma nħallux li l-kritika ġustifikata tal-ħidma tal-istituzzjonijiet Ewropej tkun konvertita f’sentiment anti-Ewropew.” Fl-opinjoni tiegħek, fejn tiddefinixxi l-linja bejn kritika ġustifikata lejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropeja, b’kuntrast ma’ sentiment anti-Ewropew?

    Hija diffiċli. Jiena nħobb niddeskrivi lili u lill-Alternattiva bħala li nappoġġaw il-proġett Ewropew, pero b’mod kritiku. Aħna kritiċi ta’ dak li jsir jew ma jsirx: ma jfissirx li xi ħaġa, għax seħħet mill-Unjoni Ewropeja, hija awtomatikament tajba. Ma jfissirx anqas li l-Unjoni Ewropeja ma tistax tkun aħjar. 

    Aħna nħarsu lejn dak li tagħmel l-UE b’lenti kritika, bħalma nagħmlu hawn Malta. Fejn kelli l-opportunità ngħid li l-Gvern għamel xi ħaġa tajba, għidtha, l-istess meta għamel xi ħaġa mhix daqstant tajba. Imma mbagħad, tippretendix li ma ngħidx ukoll fejn l-affarijiet huma  ħżiena.

    Fl-istess ħin, kif tiddefinixxi d-differenza prinċipali li hemm bejn il-kritika ta’ partiti bħall-Alternattiva Demokratika u l-Greens Ewropej, u l-kritika ta’ partiti Ewro-xettiċi bħall-Lega Nord?

    Aħna nikkritikaw biex l-affarijiet isiru aħjar. Huma jikkritkaw għax ma jaqblux fil-prinċipju mal-proġett Ewropew. Ma jaqblux li għandhom istituzzjonijiet il-fuq mill-pajjiżi kollha, u li s-sovranità tal-istati membri f’numru ta’ oqsma tkun imħaddma b’mod kolleġġjali Din hija kwistjoni li anqas l-Ingliżi qatt ma setgħu jifhmu, u hija raġuni waħda li tista tispjega l-kwistjoni ta’ Brexit per eżempju. L-Ingliżi jgħidu li jridu kontroll. Fir-realtà, mhu ser ikollhom kontroll ta’ xejn, għax ħafna affarijiet xorta jiddependu fuq istituzzjonijiet oħra. 

    Din hija silta mill-manifest tagħkom: “Alternattiva Demokratika ma taqbilx mal-abort. Imma in vista tal-fatt li hemm numru mhux żgħir ta’ Maltin li ta’ kull sena jfittxu li jagħmlu abort barra minn xtutna, naħsbu li wasal iż-żmien li jinfetaħ dibattitu nazzjonali dwar dan.” Ma taħsibx li huwa argument naqra kontradittorju dan: Ma naqblux fuq is-suġġett, iżda hemm bżonn li jinfetaħ dibattitu fuqu? Ma kienx forsi iktar għaqli għall-AD li tieħu pożizzjoni ċara u retta fuq dan is-suġġett? Speċjalment meta tqis li l-Partit tal-Ħodor Ewropej ripetutament elenka li huwa favur l-abort?

    Aħna repetutament irreġistrajna pożizzjoni kuntrarja kull meta l-Partit tal-Ħodor Ewropej ħa pożizzjoni favur l-abort. Imma hemm bżonn li nanalizzaw u naraw x’inhuma ċ-ċirkustanzi li wasslu għal dan in-numru ta’ persuni li iddeċidew li jkollhom abort. Meta tanalizza l-affarijiet, ser issib nuqqasijiet li jridu jiġu ndirizzati. 
    Sena ilu għamilt diskors, fejn tennejt li minn diskussjonijiet informali li kelli ma’ diversi tobba, wasalt għal stima li kull sena jsiru bejn 300 u 400 abort minn Maltin. Ma nistgħux nkunu aktar preċiżi, għax l-istatisitka hija nieqsa. Però anke l-Womens Rights Foundation waslu għal ammont simili, li jammonta għal madwar abort wieħed kuljum minn persuna Maltija.

    Ovvjament, meta tipprova tanalizza, tista’ tibda tindirizza l-problemi li tidentifika. Jista’ jkun, u probabbli ħafna li hekk hu, li parti mis-soluzzjoni hija l-edukazzjoni, għaż-żewġ sessi, fejn kulħadd jifhem iktar il-ħtieġa li jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu. Għandek diversi raġunijiet oħrajn, però llum il-mediċina u t-teknoloġija tant avvanzat, li l-probabbilità hija li n-numru ta’ persuni li jirrikorru għall-abort qiegħed jonqos, għaliex hemm metodi oħra iktar effiċjenti kif tevita t-tqala.

    Meta qegħdin ngħidu, bħala AD, li aħna kontra l-abort però hemm bżonn ta’ diskussjoni, aħna qegħdin nappellaw lil kulħadd biex ma nibqgħux indaħħlu rasna fir-ramel, nirrealizzaw li l-problema hija waħda soċjali u eżistenti, u meta naraw li teżisti, nanalizzawha u ninvestigawha. Meta nifhmu dan kollu, kapaċi naslu għal numru ta’ soluzzjonijiet li jindirizzaw, anke jekk parzjalment, s-sitwazzjoni preżenti.

    Fl-aħħar mill-aħħar, il-kwistjoni mhix jekk naqblu jew ma naqblux mal-abort: L-abort jeżisti, u sakemm jeżistu n-nies, n-numru ta’ persuni li jirrikorru għall-abort ħa jkun hemm. Aħna l-obbligu tagħna li nindirizzaw l-problema.

    Il-mentalità li għandna f’pajjiżna huwa li ngħidu “kontra”, imbagħad nieqfu hemm. Dik hija d-differenza politika tagħna: Aħna kontra, però aħna deherilna li kellna nagħmlu pass, u nindirizzaw il-problema. Qegħdin noffru soluzzjoni politika, li nanalizzaw l-problema li hemm, nagħrfu x’qiegħed iwassal għaliha, u b’numru ta’ miżuri ta’ natura edukattivi, kif ukoll ta’ politika soċjali, nindirizzaw il-problemi.

    Dibatittu ieħor li bħalissa għaddej fl-Unjoni Ewropeja hija l-kwistjoni tal-armonizazzjoni tat-taxxa. X’inhija l-pożizzjoni tal-AD fuq dan is-suġġett?

    Id-dibattitu li għaddej bħalissa, fl-opinjoni tagħna, huwa wieħed ftit żbaljat. Aħna bħala AD, ninsistu li minflok nitkellmu fuq armonizzazzjoni tat-taxxa, nitkellmu fuq kompetizzjoni tat-taxxa mhix ġusta. Aħna m’għandna l-ebda diffikultà bil-fatt li r-responsabbiltà tat-taxxa tibqa taħt il-kompetenza tal-istat individwali, iżda kull pajjiż għandu jirrealizza li din m’għandhiex tintuża b’mod inġust fil-konfront ta’ pajjiżi oħra fl-UE. 

    Irridu nirrealizzaw li, jekk aħna verament nemmnu fis-solidarjeta, din ma tkunx indirizzata lejna biss. Bħalma nippretendu li nieħdu fondi Ewropej, li huma flus ta’ taxxa ta’ ċittadini oħrajn li jintużaw għall-UE, aħna għandna obbligu li ma nagħtux opportunita lil min irid jevadi t-taxxa biex juża lilna għal dan l-iskop, u b’riżultat ta’ hekk jonqsu fuq livell Ewropew fondi għal miżuri soċjali.  

    Aħna bħala pajjiż, għandna nirrealizzaw li anke t-taxxa, u t-tħaddim tagħha, trid tkun waħda etika. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0