“Nuqqas kbir jekk it-tfal ma jitgħallmux dwar is-sesswalità”

  • Mej 14, 2019 10:39
  • Miktub minn Maria Azzopardi
"

    Il-Counsellor Matthew Bartolo jisħaq dwar il-bżonn li niċċaraw dwar l-aspett sħiħ tas-sesswalità…

    Il-Counsellor li jispeċjalizza fis-sess u r-relazzjonijiet, b’mod partikolari fl-edukazzjoni sesswali, Matthew Bartolo jisħaq li l-ulied, nammettu jew le, huma esseri sesswali u jkun nuqqas kbir jekk aħna bħala soċjetà ma ngħallmuhomx dwar dan l-aspett tal-identità tagħhom. Huwa jgħid li s-suġġett tas-sesswalità, speċjalment meta nitkellmu dwar l-edukazzjoni sesswali, għandu ħabta joħloq ħafna emozzjoni u dan għax nirraġunaw b’moħħna u dak li naraw aħna l-adulti meta qegħdin nirreferu għas-sess u sesswalità.

    Illum il-ġurnata s-sesswalità hija studjata b’mod xjentifiku u għalhekk tajjeb li wieħed jirreferi għal dak li tgħid ir-riċerka u mhux l-emozzjonijiet. Filwaqt li l-emozzjoni tal-individwu tinbidel skont l-esperjenzi personali, ix-xjenza tkellimna dwar l-effetti vera tal-edukazzjoni sesswali fuq it-tfal u s-soċjetà tagħna.  Bartolo nnota li bħalissa hu żmien kemxejn diffiċli għall-komunità tas-sesswoloġija u edukaturi sesswali minħabba l-fatt li qabel kien hawn ħafna tgerfix u tagħlim differenti dwar is-sesswalità. Sfortunatament hawn adulti li ġew mgħallma informazzjoni differenti li kultant hija opposta dwar is-sesswalità. Huwa qal li għadu jiltaqa’ ma’ adulti mhux daqstant kbar fl-età li ġew mgħallma li jekk jimmasturbaw jitilfu d-dawl jew jekk jiżfnu ma’ raġel jinqabdu tqal. Din ovjament hija informazzjoni skorretta u li ma tgħinx biex wieħed jifhem tassew ir-realtà madwar is-sesswalità.

    Il-Counsellor spjega li l-edukazzjoni teżisti biex tħejji lit-tfal għal dak li toffri l-ħajja, kemm il-ħajja li qed jgħixu bħalissa u saħansitra meta dawn isiru adulti. Huwa jinnota li s-sistema edukattiva f’Malta tiġi mmaqdra li ma tippreparax lit-tfal b’mod ħolistiku għal meta jkunu adulti u dan jista’ jkun minħabba li l-enfasi hu iktar fuq l-informazzjoni akkademika u mhux tant fuq ħiliet prattiċi, bħal ngħidu aħna, timla’ l-formula tal-VAT, kif taħdem it-taxxa, fost l-oħrajn.

    Mistoqsi jekk jaqbilx li s-suġġett tas-sesswalità jiġi mgħallem lil tfal saħansitra ta’ 10 snin, Bartolo mhux talli sostna li jaqbel, talli jisħaq li t-tfal għandhom jibdew l-edukazzjoni sesswali minn età ħafna iżgħar. Qabel ma niġru bl-ideat li t-tfal jibdew jitgħallmu dwar il-kunċett li bħala adulti għandna fuq is-sesswalità, Bartolo jispjega li s-suġġett tal-PSCD jgħallem lit-tfal diversi ħiliet relatati ma’ komunikazzjoni u relazzjonijiet, fost oħrajn. Huwa fisser li meta nitkellmu dwar edukazzjoni sesswali wieħed ma jkunx qed jirreferi biss għall-aspett bioloġiku u fiżiku ta’ kif isir l-att, iżda hemm aspett akbar ta’ x’tikkonsisti s-sesswalità. Bartolo qal li “dan jinkludi iġene personali; kif tirrikonoxxi li adult jew persuna oħra trid tagħmillek il-ħsara; fejn tista’ tmiss quddiem in-nies u fejn ma tistax, fost ħafna affarijiet essenzjali oħra. Huwa ħeġġeġ lill-ġenituri biex jifhmu li dawn huma realtajiet tassew importanti li t-tfal ikunu jafu dwarhom.

    “It-tfal tal-lum qed jidħlu fil-pubertà qabel”

    Mistoqsi x’hemm bżonn li tfal ta’ 10 snin jkunu jafu dwar is-sesswalità, Bartolo qal li huwa importanti li tfal ta’ dik l-età jkunu jafu dwar il-pubertà. Huwa spjega li dan huwa siewi fid-dawl tar-realtà li t-tfal tal-lum qed jibdew il-pubertà qabel il-ġenerazzjonijiet ta’ qabilhom.

    Bartolo sostna li tfal ta’ dik l-età għandhom ikunu kapaċi jikkritikaw dak li jaqraw u jaraw biex ikunu konxji u jagħmlu distinzjoni bejn dak li hu vera u dak li hu gideb. “Jiena lil uliedi kieku rridhom jagħmlu distinzjoni bejn imġieba tal-kamra tal-banju u dik ta’ quddiem in-nies. Irridhom jafu jagħmlu differenza bejn adult li jħobbhom u adult li jrid jużahom. Naprezza li l-għalliema anke jgħallmu lit-tfal fejn imorru jirrapportaw u jitkellmu jekk iħossu li kienu f’periklu,” qal Bartolo. Huwa semma’ wkoll il-fatt li wieħed m’għandux jinsa li f’Malta stess kien hemm każijiet fejn tfajliet indunaw li dak li kien qed jiġrilhom kien abbuż sesswali minħabba lezzjonijiet ta’ dan is-suġġett waqt il-PSCD.

    Mistoqsi min għandu jieħu l-irwol biex jgħallem dwar is-sesswalità lit-tfal, Bartolo sostna li bla dubju dan l-irwol għandu jkun f’idejn l-adult. “B’adult nifhem: il-ġenituri u l-adulti l-oħra li jrabbu, bħal nanniet, carers, familji li jagħmlu fostering eċċ. Pero l-istat huwa obbligat ukoll jagħmel dan minħabba li hemm ċertu informazzjoni bażika li kull ċittadin għandu jkun jaf dwar is-sesswalità.”

    Il-Counsellor sostna li kull ċittadin irid jiġi mgħallem id-drittijiet u r-responsabiltajiet relatati ma’ dan l-aspett tal-umanità u l-iskejjel huma obbligati li jgħallmu dwar dawn is-suġġett. Dan għax hu dritt ta’ kull bniedem li jgħix is-sesswalità mingħajr oppressjoni jew tfixkil. 

    Huwa proprju f’dan ir-rigward, li tajjeb li nsemmu li llum il-ġurnata r-riċerka tenfasizza dwar l-importanza li wieħed jirrikonoxxi aspetti differenti fir-rigward tas-sesswalità tal-individwu. Ir-riċerka neħħiet kull dubju li l-omosesswalità hi xi għażla jew marda. Bartolo semma’ kif l-awtoritajiet fil-psikoloġija, psikjatrija u studjużi tal-moħħ qalulna li f’kull soċjetà hemm bejn 10-15% tan-nies li jaqgħu taħt l-ispettru tal-LGBT (lesbjani, gay, bisesswali u trans). Għalhekk, żied jgħid Bartolo, ikun nuqqas kbir lejn uliedna jekk ma nagħlmuhomx dwar dawn l-orjentazzjonijiet differenti, kemm għax hemm 10% ċans li huma stess jaqgħu taħt dan l-ispettru kif ukoll għax f’ħajjithom se jiltaqgħu jew jaħdmu ma’ nies b’orjentazzjonijiet differenti.

    Bartolo kkonferma li fis-snin bħala għalliem tal-PSCD, edukatur fl-edukazzjoni sesswali u counsellor li jaħdem mal-koppji fil-qasam tas-sesswalità għadu qatt ma ltaqa’ ma xi ħadd li qallu “l-għalliema qaltilna dwar LGBT u sirt gay” pero kien hemm nies li qalulu “meta l-għalliema tkellmet dwar LGBT fl-aħħar irrispondietli ħafna mistoqsijiet li kienu ilhom iħawduni u jġegħluni nħossni waħdi”.

    “Jekk ma jsibux risposti mingħandna se jsaqsu lil Google, Facebook u Youtube”

    Bartolo hu wieħed mill-imħuħ wara t-taħriġ għall-ġenituri, professjonisti u tfal fi programm ta’ edukazzjoni sesswali bl-isem ta’ Dating 101. Dan il-programm isir b’mod li t-tfal ikollhom tagħlim dwar is-sesswalità b’mod sħiħ. Huwa spjega li dan il-programm dejjem jiġi diskuss mas-surmast u l-għalliema flimkien ma’ laqgħa mal-ġenituri. B’dan il-mod jinqassmu l-ideat u jiġi spjegat il-programm li se jitwettaq mat-tfal biex b’hekk anke l-ġenituri jħossuhom inklużi u jkunu jistgħu jifmhu aħjar ir-raġuni għala se jsir dan il-programm. 

    Din il-kollaborazzjoni flimkien mal-ġenituri hija importanti li ssir għax huwa mifhum li s-sesswalità u l-edukazzjoni sesswali toħloq konflitt intern lil ħafna ġenituri minħabba l-fatt li l-bniedem huwa maħluq biex ma jaħsibx fil-qraba tagħhom bħala sesswali. Bartolo qal li dan isir biex ibegħdna mill-inċest u għalhekk meta qed nitkellmu dwar edukazzjoni sesswali “qed nisfurzaw lill-ġenituri jaċċettaw il-fatt li uliedhom ikollhom xewqat u bżonnijiet sesswali. Din toħloq ħafna emozzjoni u reżistenza u hi xi ħaġa normalissima.”

    Bartolo jispjega li l-adulti flimkien mal-edukaturi huma responsabbli ta’ dan it-taħriġ lit-tfal. Kemm il-ġenituri kif ukoll l-edukaturi għandhom ir-responsabbiltà li jżommu ruħhom aġġornati dwar ir-realtajiet li qed jiltaqgħu magħhom it-tfal, realtajiet li qed jinbidlu b’rata mgħaġġla l-ħin kollu. Il-Counsellor jinnota wkoll li hi responsabbiltà tagħhom li joħolqu spazju fejn it-tfal iħossuhom komdi jsaqsu kull tip ta’ mistoqsijiet relatati ma’ dan is-suġġett. “Ma ninsewx li jekk ma jsibux risposti mingħandna se jsaqsu lil Google, Facebook u Youtube. Jien nippreferi li kieku wliedi jsaqsu lili,” qal Bartolo.

    Huwa spjega li t-teknoloġija ġabet realtajiet ġodda fejn it-tfal qegħdin ikunu esposti għal ċertu informazzjoni, b’format differenti minn ta’ età żgħira. Bartolo qal li “it-tfal qegħdin jiltaqgħu ma’ nies differenti mid-dinja kollha u dawn in-nies sfortunatament mhux dejjem iridu l-aħjar għat-tfal tagħna. Barra minn hekk ir-riċerkaturi jibqgħu joħorġu studji li jikkonfermaw li qed ngħixu ġewwa soċjetà sesswalizzata.”

    Huwa proprju għalhekk, jisħaq Bartolo, li huwa essenzjali li t-tfal ikunu mħarrġa sew f’dan is-suġġett b’mod li jkunu kapaċi jindunaw x’inhu vera u x’inhu reklam, x’inhi realtà u x’inhi immaġni mbabsa, x’inhi tgħannieqa ġenwina u waħda bi skop ħażin.

    Ħsieb li Bartolo jaqsam mal-ġenituri huwa: ‘Kemm-il darba rċevejt stedina għal laqgħat dwar l-edukazzjoni sesswali u għażilt li ma tmurx?’ Filwaqt mal-kollegi tiegħu l-għalliema, Bartolo jsaqsi: ‘Qegħdin inħallu l-fatt li vera ftit jattendu għal dawn il-laqgħat iwaqfuna milli ninsistu kemm huma importanti dawn il-laqgħat?’

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0