Inawgurata t-triq taċ-Ċawsli bejn iż-Żejtun u Ħaż-Żabbar mill-Prim Ministru Joseph Muscat

  • Mej 16, 2019 20:21
  • Miktub minn iNews
"

    Il-Prim Ministru Joseph Muscat inawgura t-Triq taċ-Ċawsli, jew uffiċjalment, Triq l-Aħħar Ħbit mit-Torok, li tgħaqqad il-lokalitajiet taż-Żejtun u Ħaż-Żabbar b’investiment ta’ €4 miljuni b’kofinanzjament mill-Fond Ewropew, SMITHS.

    “Dan huwa proġett impressjonanti, eżempju ċar ta’ kif għandhom isiru l-affarijiet”, stqarr il-Prim Ministru Joseph Muscat b’referenza għall-bini mill-ġdid ta’ din it-triq. Huwa qal li dan il-proġett tat-triq taċ-Ċawsli huwa mudell ta’ kif għandhom isiru l-proġetti kollha, għax huwa proġett li jaħseb f’kull aspett tal-infrastruttura, inkluż il-mixi, u hawnhekk għamel referenza għat-trakka ssegregata pedonali u għaċ-ċikliżmu li hija parti minn dan il-proġett. Dan żied aktar is-sigurtà għall-mobilità alternattiva, spjega l-Prim Ministru Joseph Muscat.

    Il-Prim Ministru għamel referenza wkoll għas-siġar taċ-ċawsli li din it-triq hija magħrufa għalihom u li jifirdu din it-trakka minn mal-bqija tat-triq, u qal li huwa l-pjaċir tiegħu li fl-aħħar jiem tħabbru proġetti li kollettivament se jwasslu għat-tħawwil ta’ madwar 100,000 siġra.

    Huwa spjega li biex saret din it-triq ma sarx biss xogħol fuq il-wiċċ iżda apparti li nbniet mill-ġdid, tpoġġew mat-3.3 km ta’ pipes ġodda għas-servizzi tal-ilma, tal-elettriku, tal-internet, it-telekomunikazzjoni kif ukoll katusi ġodda għad-drenaġġ. Saret ukoll sistema ġdida ta’ 2.5 km għall-ġbir tal-ilma sabiex jitnaqqas iċ-ċans tal-għargħar u ġew użati akar minn 100 bozza LED biex idawlu t-triq. 

    “Qegħdin indaħħlu mod ġdid ta’ kif isiru l-affarijiet. Permezz ta’ Infrastructure Malta tajna l-impetus li kien hemm bżonn biex f’pajjiżna bdew mixjin l-affarijiet,” għalaq il-Prim Ministru, filwaqt li irringrazzja lil kull min kien involut f’dan il-proġett.

    Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg, li kien responsabbli minn dan il-proġett qal, “Kisba wara l-oħra frott ta’ ħidma li ma taqtax. Illum għandna Gvern li jwassal is-suċċess għand in-nies b’diversi modi, fosthom infrastruttura tal-ogħla kwalità. Illum qegħdin fuq triq li kienet ilha għal snin twal tokrob minn stat terribbli u aħna tajna widen għall-prijoritajiet ta’ dawn ir-residenti u smajna kif l-infrastruttura ta’ din it-triq ma kinitx ta’ livell li jixraq lil dawn il-komunitajiet, lil pajjiżna. Smajna lin-nies taż-Żejtun, smajna lin-nies ta’ Ħaż-Żabbar u konna l-Gvern li tajna kashom.”

    Il-Ministru Borg qal li l-Gvern mhux talli sema’ lir-residenti, izda talli ra kif il-proġett jitlesta qabel iż-żmien, għax ipoġġi l-ewwel u qabel kollox il-kwalità tal-ħajja tan-nies. Huwa qal li dan l-investiment ta’ €4 miljun ma kienx biss f’din ir-rotta prinċipali bejn Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun, iżda kien ukoll investiment dirett fil-kwalità tal-ħajja tar-residenti ta’ dawn iż-żewġ lokalitajiet. Huwa fakkar kif il-ħidma tal-Gvern fl-infrastruttura tat-toroq ma tfissirx li kull ma qed isir huwa biss wiċċ ġdid għat-toroq imma hemm ħafna aktar investiment f’infrastruttura li mhux dejjem tidher bħal fil-każ taċ-Ċawsli fejn saru servizzi, pedamenti ġodda u ħitan tas-sejjiegħ ġodda filwaqt li inbniet infrastruttura li taħseb anke għal min jimxu jew juża r-rota. “Għal kull sold li ninvestu, irridu naraw li l-poplu jieħu sebgħa lura għaliex hekk jixraq,” tenna l-Ministru Borg.

    “Kollox b’viżjoni u pjan. Għal kollox hemm pjan u fejn hemm sfidi, dan il-Gvern lest jegħlibhom, fejn hemm problemi dan il-Gvern lest jaħdem qatigħ biex isolvihom. Ser inkomplu naħdmu b’determinazzjoni u ser ikollna lil kulħadd fil-ħsieb tagħna. F’dan il-proġett ħsibna fir-residenti taż-Żejtun u ta’ Ħaż Żabbar, f’kull min juża din it-triq jekk hux b’vettura, b’roti jew bil-mixi, fil-bdiewa, ħsibna f’aktar sigurtà, f’aktar kwalità, f’aktar effiċjenza. Għaliex is-serjetà fil-ħidma hekk titlob. Pjan wieħed prinċipali għandna – li nkomplu nippjanaw, li nkomplu naħdmu u li nkomplu nwettqu bl-aħjar mod possibbli għal aktar u aktar benefiċċji għall-poplu, inkluż dawk li kienu ilhom minsijin,” għalaq il-Ministru Ian Borg. 

    Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza Helena Dalli esprimiet il-pjaċir tagħha li għal darb’oħra din il-ġimgħa kienet qiegħda fuq proġett li se jkun qiegħed jibbenefika lin-nies tan-naħa ta’ isfel, partikolarment dawk ta’ Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun.

    “Għax għal dan il-Gvern m’hemmx tramuntana u nofsinhar, għalina hemm pajjiż wieħed li kollu kemm hu ħaqqu infrastruttura tal-ogħla kwalità. Din it-triq hija eżempju ċar tal-ħamsa u għoxrin sena li aħna li ġejjin minn dawn in-naħat għamilna minsijin. Wara snin twal imwiegħda, kellu jkun dan il-Gvern li bl-istess impenn li wettaq proġetti bħal Triq il-Kosta u l-Kappara Junction ta l-istess attenzjoni lil triq f’din in-naħa tal-pajjiż, bi proġett bla preċedent b’karreġġjata ssegregata għaċ-ċiklisti u għall-mixi, u kien għalhekk li rnexxielna niksbu wkoll Fondi Ewropej li huma mmirati għal bidla fil-kultura tat-trasport ta’ pajjiżna. Għax dan huwa proġett li mhux biss se jkompli jgħin fl-andament tat-traffiku, iżda se jgħin biex jonqsu l-emissjonijiet u jkollna kwalità tal-arja aħjar għall-istess familji li ftit ‘il bogħod minn hawn se jkollhom pulmun ġdid permezz tal-investiment li qed inwettqu fil-Foss ta’ Ħaż-Żabbar. Dan huwa l-mod ta’ kif qegħdin inwasslu l-ġid għand kulħadd,” qalet l-Ministru Dalli.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0