Aġġornat: "Fetaħ qalbu miegħi għax dejjem tani l-ispazju"

  • Ġun 17, 2013 11:42
  • Miktub minn
"

    Fl-aħħar sigħat, ma’ inewsmalta.com, il-President tal-Konvenzjoni Kostituzzjonali, Franco Debono, qal li l-ħatra ta’ Lou Bondi fil-Fondazzjoni għall-Festi Nazzjonali hija waħda li jaqbel magħha. Dan għax, skont Debono, jekk irridu rikonċiljazzjoni nazzjonali l-id tal-ħbiberija trid tinħareġ lil min kien fuq in-naħa l-oħra.

    Ma jaqbel miegħu xejn kien l-eks Ministru Joe Grima li fl-ewwel ħinijiet li ħarġet l-aħbar kien kritiku ħafna fuq il-paġna tal-Facebook tiegħu. B’ton iktar kalm, Joe Grima kiteb lil Franco Debono u spjegalu r-riservi tiegħu dwar din il-ħatra. Jgħidlu li dak li qiegħed jagħmel il-Prim Ministru Joseph Muscat għar-rikonċiljazzjoni nazzjonali huwa ammirevoli. Iżda, Joe Grima jżid jargumenta li jekk xejn, qabel ħatra simili, kellu jkun hemm xi forma ta’ talba għal skuża minn Lou Bondi.

    L-ittra ta’ Grima tidher hawn taħt.

    Għażiż Franco,

    Il-laburisti huma rrabjati. Forsi mingħajr ma jafu preċiz għaliex. Irrabjati ghax jaraw f’Lou Bondi dak kollu li għalihom ifisser sfida f’wiċċhom lejn dak kollu li għalihom u għall-familji u l-qraba tagħhom huwa għażiż u prezzjuż.

    Dan kollu wieħed jista’ jifhmu imma min jaf il-poltika kif taħdem jaf ukoll kemm din il mossa kienet diviżiva fl-applikazzjoni tagħha meta setgħet kienet mod ieħor.

    Int ma tista' qatt tpoġġi ljun irrabjat ma nagħġa fl-istess gaġġa u għax tafhom lit-tnejn u għax jirrispettawk it-tnejn tgħidilhom: ”Issa oqogħdu bil-għaqal għax hawn jien.”

    Lanqas se tikkalma l-iljun billi tgħidlu li int temmen li għandu jħobb lin-nagħġa għax dik ħlejqa ta’ Alla. Ir-riżultat ikun, bla dubju, li l-iljun jiġi jaqa’ u jqum minnek u jibla' lin-nagħġa f’sekonda.

    Fil-proċess tal-ħatra ta’ Lou Bondi kien hemm element essenzjali nieqes. Bondi, karattru mistmerr mil-Laburisti, intefa’ f’wiċċhom mingħajr lanqas “skużi” minn Bondi jew minn xi ħadd ieħor f’ismu.

    Il-Laburisti ħassewhom stmati ta' second class citizens kif kien jistmagħhom Gonzi, bid-differenza li issa dan kien il Prim Ministru li ħabbew u li ħadmu għalih b’qalbhom kollha. Ta' Bondi f’wiċċhom kienet “Take it or Leave it”.

    Il-Maltin illum razza ta’ nies indipendenti kif urew is 36,000. Dawk mhumiex laburisti biss. Dawk huma Nazzjonalisti, Laburisti li vvutaw Labour għall-ewwel darba wara min jaf kemm il-sena u floaters.

    Lit-tnejn tal-aħħar jiena nafhom sew għax ilhom isegwu l-programmi tiegħi minn mindu kont in-Net. Dawk iddeċidew favur Joseph u dak li kien qed jgħid. Dawk jiddeċiedu minn elezzjoni għall-oħra u l-konsegwenzi huma ovvji.

    Jekk hemm wiehed li jifhem lil Joseph huwa jien għax nafu mill-qrib. Li qed jagħmel għar-rikonċiljazzjoni huwa ammirevoli u ta min japoġġjah bis- sħiħ. Imma min kien responsabbli għall-ħruxijiet kontra l-Laburisti mhux se jaċċettawh jekk qabel ma jitlobx skuża lill Laburisti u ma jagħtix l-assigurazzjoni li se jaħdem b’onesta favur il Maltin u l-Għawdxin kollha.

    Is-South Africa kien pajjiż li rnexxielu joħloq forma ta' rikonċiljazzjoni wara l’aparthied. Imma qabel nħolqot it-Truth and Reconciliation Commission ta' Desmond Tutu li fiha, min wettaq il-ħażen, talab maħfra lill-vittmi tiegħu u wara t-tnejn bkew flimkien. Jekk Bondi jibqa’ f’wċċ il-Laburisti with impunity, fl-aħħar, ma jkunx hu li jħallas il-prezz.

    Keep well

    Joe Grima

    Iwieġeb Franco Debono

    Dwar l-ittra ta’ Joe Grima u li kienet ippubblikata fuq inewsmalta.com, l-avukat Franco Debono qal li japprezza il-pożizzjoni ta’ Joe Grima u li din iddiskutiha miegħu f’diskussjoni ta’ żewġt iħbieb.

    Jerġa’ jfakkar li anke hu kien attakkat bl-aħrax minn Lou Bondi. “Kif jaf kulħadd jiena kont fil-mira tal-attakki ta’ Lou Bondi daqs jew iktar minn ċerti Laburisti. Nifhem li għalhekk Joe Grima ħass li seta’ jiftaħ qalbu miegħi għaliex filwaqt li Lou Bondi kien jattakkani permezz tal-programm tiegħu, Joe Grima, dejjem tani l-ispazju sabiex insemma’ leħni,” qal Franco Debono.

    Żied li filwaqt li importanti ħafna li r-rikonċiljazzjoni nazzjonali tkun implimentata, jaqbel perfettament ma’ Joe Grima li min sofra inġustizzji għandu jingħata rimedji xierqa. “Bla dubju li dak li qal Joe Grima fl-imejl huma sentimenti ġenwini ħafna,” qal Franco Debono.

    “Biex tirrikonċilja trid toħroġ l-id tal-ħbiberija ma’ min għamillek il-ħsara. Dan fl-interess nazzjonali u biex nimmaturaw bħala poplu,” argumenta lbieraħ Franco Debono, President tal-Konvenzjoni Kostituzzjonali. “Jiena għadni bil-pulizija wara l-bieb tad-dar tiegħi minħabba dak li għaddejt minnu. Imma dak li għaddejt minnu kien għax ridt nara iktar demokrazija f’pajjiżna u mhux politika tal-attakki, għalkemm nistgħu ma naqblux,” żied Franco Debono.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    61