“Inpoġġu t-tfal fiċ-ċentru tal-Ewropa”

  • Mej 22, 2019 08:44
  • Miktub minn Marie-Louise Coleiro Preca
"

    Nhar is-Sibt, ser inkunu qed nivvotaw għall-Membri Parlamentari Ewropej ġodda. Tul dawn ix-xhur, il-kandidati ppreżentaw il-manifesti elettorali tagħhom. Bħala votanti għandna d-dover li nevalwaw il-proposti tagħhom, sabiex nassiguraw li nivvotaw għal dawk il-kandidati li ser jaħdmu favur Ewropa li tkun effettivament tassew ibbażata fuq ir-rispett tad-drittijiet umani. Jeħtieġ li nivvotaw għal dawk il-kandidati li tassew jemmnu fid-dinjita’ umana għal kull membru tas-soċjeta’ tagħna, aħna minn aħna, ġejjin minn fejn ġejjin, iżda wkoll, b’mod speċjali, għal dawk fostna li l-aktar huma vulnerabbli, partikolarment it-tfal.

    Jeħtieġ li nassiguraw li l-vot tagħna jmur għal dawk il-kandidati li jemmnu li d-drittijiet tat-tfal għandhom jkunu fil-qalba tal-politika Ewropea. Aktar kmieni dan ix-xahar, bħala President ta’ Eurochild, kont mistiedna sabiex nindirizza l-ewwel Summit tat-Tfal, li kien organizzata mill-Presidenza Rumena tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea. Din l-inizjattiva, li minnha nfisha, ħolqot preċedent, poġġiet d-drittijiet tat-tfal, b’mod partikolari l-parteċipazzjoni attiva tat-tfal fil-proċessi fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet, bħala parti integrali tal-aġenda Ewropea għal dan it-terminu ta’ Presidenza.

    Repetutament, waqt id-diversi kontribuzzjonijiet tat-tfal, ġejjin minn diversi stati membri tal-Unjoni Ewropea, u minn kulturi different, smajna kif dawn l-istess tfal qed jiġu injorati fil-proċessi fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet, fil-pajjiżi rispettivi tagħhom. Smajna wkoll li, fejn il-parteċipazzjoni tat-tfal teżisti, għadha biss f’fażi preliminari, u fuq livell globali, il-parteċipazzjoni strutturata tat-tfal, għadha biss ħolma.

    It-tfal li ltaqgħu fil-Belt Kapitali Rumena, insistew li dan l-istatus quo irid jinbidel. It-tfal qalulna li qed iħossuhom esklużi f’deċiżjonijiet li għandhom effett dirett fuq ħajjithom. 

    Minn naħa l-oħra, dawn l-istqarrijiet tat-tfal, huma evidenza ċara ta’ kemm aħna l-adulti qed inċaħħduhom mid-dritt fundamentali tagħhom, jiġifieri li jgawdu d-dinjita’ sħiħa tagħhom, l-iżvilupp sħiħ, u l-wellbeing ħolistiku tagħhom. Huwa għalhekk essenzjali li għandu jkollna Parlament Ewropew li tassew jisma dak li għandhom x’jgħidu t-tfal – Parlament Ewropew li jassigura li jkun hemm proċess ta’ parteċipazzjoni strutturata tat-tfal - proċess li jinfluwenza dawk id-deċiżjonijiet li jaffetwaw il-ħajja tat-tfal tagħna. 

    Sfortunatament fostna jeżistu attitudnijiet kulturali li jikkunsidraw lit-tfal bħala kontributuri passivi u mhux attivi, fis-soċjeta’ tagħna.

    Il-mentalita’ paternalistika, li għadha teżisti, ħafna draba aktar qed twassal sabiex it-tfal jkunu protetti żżejjed, milli biex it-tfal jkunu jistgħu jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom. Jeħtieġ li negħlbu, darba għal dejjem, din il-kultura u din il-mentalita’, sabiex ma nfixklux il-parteċipazzjoni tat-tfal, bil-għan li t-tfal tagħna jsiru ċittadini attivi, ħassieba kritiċi, u kontributuri valutati fis-soċjeta’ tagħna.

    Sadanittant, ninsabu f’mument storiku fejn qed naraw l-attiviżmu fost it-tfal jikber.

    Attivisti bħala Greta Thunberg; Malala Yousafzai; id-demostrazzjonijiet “March for Our Lives” li qed isiru sabiex jkun hemm miżuri b’saħħithom kontra l-vjolenza bl-armi; il-protesti taż-żgħażagħ dwar it-tibdil fil-klima u mumenti oħra ta’ attiviżmu fost it-tfal u ż-żgħażagħ li qed iseħħu bħalissa, qed juru biċ-ċar l-importanza u l-impatt li l-parteċipazzjoni tat-tfal u ż-żgħazagħ tista’ tħalli fuq il-komunitajiet tagħna, fuq il-pajjiżi tagħna, u fuq id-dinja. 

    It-tfal huma game-changers u għandhom il-potenzjal li jkunu kontributuri effettivi għall-ġid tal-familja umana kollha kemm hi. Jeħtieġ li l-parteċipazzjoni attiva tat-tfal ma’ tkunx frivola, iżda jeħtieġ li niżviluppaw proċessi ta’ parteċipazzjoni strutturati.

    Jeħtieġ ukoll li niftakru li bħala Unjoni Ewropea aħna impenjati, u għandna l-obbligu sabiex nassiguraw il-parteċipazzjoni tat-tfal, għaliex dan huwa dritt imnaqqax fil-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-drittijiet tat-tfal, li din is-sena qed infakkru it-tletin anniversarju tagħha. 

    Għaldaqstant, fil-25 ta’ Mejju irridu nużaw il-vot tagħna sabiex nagħmlu d-differenza. Iridu neleġġu rappreżentanti li jemmnu fid-drittijiet tat-tfal u fil-parteċipazzjoni strutturata tat-tfal biex it-tfal ikunu tassew fil-qalba tal-politika Ewropea.

    F’dan ir-rigward, inizjattivi bħal kampanja ta’ koalizzjoni #VoteforChildren għandhom importanza sinifikanti. Permezz ta’ din il-kampanja, l-għaqdiet Ewropej li jaħdmu favur id-drittijiet tat-tfal, ingħaqdu sabiex jidentifikaw ġenerazzjoni ġdida ta’ Membri Parlamentari Ewropej li jkunu “Child Rights Champions.” 

    Jiena nħeġġeġ lil-votanti kollha li ser jivvutaw fl-Elezzjonijiet Parlamentari Ewropej, biex jagħtu l-vot tagħhom lil dawk li jemmnu fit-tfal bħala kontributuri valutati fis-soċjeta’.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0