FILMAT: ''Differenza bejn tikkritika struttura, u li tikkritika pajjiż''

  • Mej 21, 2019 17:42
  • Miktub minn Matthew Charles Zammit
"

    Inewsmalta titkellem mal-Professur Arnold Cassola, li għall-ewwel darba f’għexieren ta’ snin, sejjer jikkontesta għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew bħala Indipendenti. X’wasslet għad-deċiżjoni tiegħu li jitlaq mill-Alternattiva Demokratika? X’inhuma l-ikbar sfidi li qegħda tiffaċċja l-Unjoni Ewropeja? U x’inhuwa s-sinjifikat aħħari tal-elezzjoni tal-25 ta’ Mejju, mill-għajnejn tal-kandidati Indipendenti?

    Għall-ewwel darba f’iktar minn tletin sena, inti ser tikkontesta elezzjoni f’Malta bħala Kandidat Indipendenti, u mhix bħala membru tal-Alternattiva Demokratika. Jiddispjaċik tad-deċiżjoni li ħadt?

    Ma kinitx deċiżjoni faċli. Li tirreżenja minn partit wara involviment ta’ iktar minn tletin sena, hija deċiżjoni kiefra għall-ħajja politika ta’ kull persuna, daqs li kieku ksirt relazzjoni simili fil-ħajja privata. 

    Nammetti pero, li llum qiegħed inħossni iktar seren: Kien hemm affarijiet ta’ karattru li kienu differenti fi ħdan l-għaqda. Id-differenzi l-kbar li kien hemm fl-Alternattiva ma kinux fuq bażi idejoloġika per se, iżda fuq il-metodi ta’ kif twassal il-messaġġ, fuq jekk f’ċertu episodji kellniex nirreaġixxu immedjatament, jew inkella kellniex nistudjaw is-sitwazzjoni.

    Kellna diverġenzi fuq jekk kellux isir xi tibdil fuq il-pożizzjoni tal-Alternattiva Demokratika fuq suġġett speċifiku. Fl-opinjoni tiegħi, dan it-tibdil ma kellux isir wara diskors pubbliku fuq ix-xandir, iżda b’diskussjoni interna, fejn il-partit kellu jirrikorri għal tibdil fuq suġġett kruċjali bħal din, skont l-istatut tagħhom u waqt laqgħa ġenerali annwali. Nemmen li fil-każ tiegħi, dan ma seħħx.

    Separazzjoni bħa din, umanament, kienet xi ħaġa li tweġġa, pero, anke wara deċiżjoni bħal din hemm il-lenti pożittiva: meta tkun qiegħed tikkampanja waħdek, u mhix ġewwa struttura ta’ partit bħall-Alternattiva Demokratika, il-vantaġġ huwa li inti liberu titkellem fuq dak li verament tħoss, mingħajr m’għandek ir-responsabbilita li dak li se tgħid, jista’ jimpatta fuq ħaddieħor minn shabek. Min huwa involut f’partit huwa sa’ ċertu punt dejjem kundizzjonat, għaliex ma jistax ifajjar li jrid. Issa li jiena kandidat indipendenti, għandi dan il-vantaġġ li qiegħed nirrapreżenta lili nnifsi biss.

    L-element tan-nostalġija xorta għadu hemm, le?

    Il-passat ma tarmih qatt. L-istorja ta’ kull bniedem, bil-ħażin u t-tajjeb tiegħu, xorta tibqa hemm. 

    Kull ħaġa li għamilt fil-ħajja, jiena nġorrha miegħi bħal ħaddieħor. Jiena kburi bl-istorja politika tiegħi: Kont fundatur tal-Alternattiva Demokratika, kont elett ripetutament bħala Kunsillier fil-Ħodor. Kont ukoll l-uniku persuna minn pajjiż mhix stat membru tal-Unjoni Ewroppea, li kien elett bħala Segretarju Ġenerali ta’ Partit Ewropew. Kburi ukoll li bħala kandidat li jirrapprezenta lill-AD, rnexxieli nġib 23,000 vot, li huwa l-ikbar ammont ta’ voti minn partiti terzi jew indipendenti fl-istorja ta’ Malta… dawn l-affarijiet ħadd mhuma sejrin inessuhomli, u dawn it-tletin sena li ilni fil-politika, hemm sejirn jibqgħu.

    X’temmen li huma l-ikbar ostakli li bħalissa qegħda tiffaċċja l-Unjoni Ewropeja? U x’inhuwa l-irwol ta’ pajjiżna biex jiġu ndirizzati dawn il-kwisjtonijiet?

    L-ikbar sfida għalija huwa l-fatt li l-Unjoni Ewropeja qegħda titbiegħed min-nies, u qegħda ssir waħda burokratika.

    Intik eżempju żgħir u konkret Malti. Fuq il-kwisjtoni tad-DB, u l-bejgħ tal-art ġewwa Pembroke, jiena ktibt ittra uffiċjali, flimkien ma’ 140 korrespondent ieħur, lill-Kummissjoni Ewropeja. Fir-risposta tagħhom, huma qalu li kienu qegħdin jaqblu li seta’ jkun hemm każ ta’ state aid jekk il-propjeta ma ntbiegħetx bil-prezzijiet kummerċjali, pero’, billi jiena u l-140 persuna oħra li ffirmajna l-ittra ma kellniex interess li niżviluppawha aħna din l-iart, m’għandiex interess dirett.

    Għalija huwa argument żbaljat., Naraha bħala xi ħaġa ovja li jien, inti u l-bqija tal-poplu Malti għandu interess fiha din l-art, għax hija art pubblika li tappartjeni lill-poplu Malti. Imma, għall-fini tal-burokrazija tal-Unjoni Ewropeja, biex huma jiftħu indaġni, kellhom bżonn ilment uffiċjali mingħand żviluppaturi u lukandieri kbar. Ħaġa bħal din tiddimoralizzak, għalhiex in-nies qegħdin jappellaw għal ġustizzja, u l-Unjoni twieġeb b’argument, li għalija huwa wieħed ċuċesk.

    Dan it-tbegħid tħossu wkoll fil-kamp ambjentalist. Kien hemm numru ta’ episodji f’Malta, fejn l-Unjoni Ewropeja, minflok intervjeniet,  baqgħet passiva. Huwa issa li l-Unjoni Ewropeja bdiet tiċċaqlaq. Il-Gvern Malti, per eżempju daħħal l-Ewropol fl-indaġini tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, pero dan sar biss bi stedina tal-Gvern Malti, mentri hemm nies li jisħqu li f’każijiet ċelebri bħal dawn, għandu jkun hemm bord ta’ inkjesta Ewropew. Hemm argument favur u kontra dan, pero l-possibilita li jkun hemm skrutinju Ewropew b’saħħtu fuq ċertu kwistjonijiet, jista jgħin biex l-Unjoni Ewropeja ikollha involviment itkar qrib mal-poplu Ewopew.

    Imma l-liġijiet mill-Unjoni Ewropeja hemm qegħdin. Possibbli li l-effett tagħhom mhuwiex qiegħed jinħass minnha lkoll?

    Ma jfissirx li kollox ħażin. Nista nsemmi kif il-maġġoranza tal-liġijiet ambjentali ta’ Malta huma liġijiet tal-Unjoni Ewropej. Il-liġijiet qegħdin isiru. Pero hawn nasal għal mistoqsija oħra: l-effettivita’ ta’ dawn il-liġijiet, qegħda tinħass?

    Għandna dawn il-liġjiet kollha, pero mhemmx infurzar, u ħabba dan in-nies kapaċi jiddimoralizzaw rwieħhom. Naħseb li din hija problema, u allurahemm bżonn li wieħed jaħdem biex juri x’tista tagħmel l-UE fuq din il-kwistjoni ta’ effettivita.

    Insemmu każ ieħor: Il-ġurnal mediku The Lancet ħareġ artiklu fuq il-pajjiżi kollha tad-dinja fejn tidħol l-asthma, u l-kwalita tal-arja. Malta hija il-pajjiż bl-ogħla rata ta’ asthma fil-kontinent Ewropew, u t-8 fid-dinja. Allura, il-liġijiet Ewropej qegħdin jkunu ta’ influwenza vera? Meta t-tfal tagħna, wieħed minn kull tnejn għandu problemi simili bħal dawn? Apparti hekk, għandna nsaqsu: L-UE x’qiegħda taħgmel biex tistimola lilna biex niġġieldu dan il-fenomenu?

    L-infurzar tal-ligijiet tal-UE, għandu ħabta jsir jew fuq kwisjtonijiet mhix importanti, jew inkella f’ċertu setturi li jistgħu jaggravaw is-sitwazzjoni. Eżempju ċar dak li ġara f’Malta fil-bidu tal-aċċessjoni tagħna: L-Unjoni Ewropeja ġiegħlitna nbiddlu mill-fliexken tal-ħġieġ għal dawk tal-plastik, fuq il-prinċipju ta’ kompetizzjoni ugwali, għaliex il-kumpaniji l-kbar Ewropej ma setgħux jesportaw lejn Malta. Inħolqu problemi ambjentlai kbar, biex issa, għoxrin sena wara, għandek l-istess Unjoni tagħmel kampanja biex nnaqqsu l-użu tal-single use plastic. Ridt tkun xi ġenju biex ma tindunax bil-konsegwenzi ta’ dik id-deċiżjoni għoxrin sena ilu, fejn rebħu l-forzi tal-ekonomija u mhix tal-ambjent?

    Problema oħra tal-Unjoni Ewropeja hija l-qawwa tal-kumpaniji l-kbar, lobbies enormi li qegħdin il-ħin kollu, jikkampanjaw lill-parlamentari biex il-liġijiet jinbidlu għal dawk li jaqbel lill-industrija, u l-għaqdiet Non-Governattivi ż-żgħar, li huma ħafna inqas ekonomikament b’saħħithom, mgħandhomx dik is-saħħa. 

    Is-sentiment jinħass wieħed negattiv Profs: Temmen li hemm xi lok għall-ottimiżmu?

    Indubbjament, anzi f’ċertu każi ngħidu li imn’alla kienet l-Unjoni Ewropeja. Kieku ma kinitx għall-UE, kieku l-għaqdiet non-governattivi ma jagħmlux l-ħoss neċessarju fuq dawn il-kwistjonijiet importanti. 

    Pero, mhix biżżejjed. 

    Lil’hinn mill-isfidi, x’għandu jkun l-irwol tal-Ewroparlamentari Maltin f’dan ir-rigward? 

    Qegħdin hemm biex imexxu l-idejali Ewropej, fosthom li nkunu maqgħudin fid-diversita. Maħniex l-istess bħal xulxin. L-irwol tal-Parlament Malti huwa li jinfluwenza id-direzzjoni tal-liġjiet Ewropej qabel ma jigu approvati. Fil-preżent,  il-Parlament nazzjonali Malti mgħandux ir-riżorsi biżżejjed, speċjalment dawk umani, biex jinfluwenzaw dak il-liġijiet li jkunu għaddejjin fi ħdan il-Parlament Ewropew mnn qabel. Iġifieri, li jkollok is-saħħa biex tinfluwenza id-deċiżjoni fid-direzzjoni li jaqbillek.

    Fl-istess ħin, jekk persunaġġ Malti qiegħed jagħmel affarijet ħżiena, minix sejjer niddefendih sempliċiment għax Malti. 

    La semmejt dan: Matul dawn l-aħħar xhur, u snin, ma kinitx l-ewwel darba li pajjiżna spiċċa kkritikat mill-Parlament Ewropew, minn esponenti barranin kif ukoll Maltin, fuq ċertu allegazzjonijiet u nuqqasijiet elenkati. Kieku kelli nsaqsik biex tiddefenixxi l-linja bejn kritika ġusta, u kritika distruttivi jew kritika għal skopijiet partiġġjani, fejn tqisha?

    Għandek tiddistingwi bejn li tikkritika strutturi Maltin, li jistgħu jkunu tajbin u ma jiffunzjonawx, u li tikkritka l-pajjiż jew il-poplu. Il-poplu qatt m’għandek tikkritikah, għaliex ħafna drabi huma l-mexxejja tiegħu li għandhom il-poter. Jekk, pero, hemm mexxejja individwali li qegħdin iġibu rwieħhom ħażin, iva hemm lok għall-kritika. Għalija, li l-Prim Ministru ta’ Malta, għal dawn l-aħħar tliet snin u tlett xhur, jiddefendi u jħares lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi, għalija mhemmx diskussjoni. Kienet deċiżjoni żblajata, u ta’ din ma nistax ma nikkritikax lill-Prim Ministru talli qiegħed jagħmel dan. Pero s’hemm nista nagħmel.

    Fuq affarijiet oħra, hemm x’tikkunsidra. L-iżball ta’ Simon Busuttil fil-fatt fuq Egrant kien li tkellem mingħajr l-evidenza propja f’idu. Li Ana Gomes tikkritika lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri, iva kellha raġun, għax fuq dawk li għamlu, inqabdu. Sempliċi. Pero’, li tasal li tgħid li l-istat Malti qiegħed jipproteġi l-qattiela ta’ Daphne, hemmhekk ma nistgħax ngħidha: Kif nista naqbad u nfajjar allegazzjoni bħal din? Li kien hemm nuqqasijiet kbar fl-MFSA, li nikkritikaw n-nuqqas ta’ diliġenza f’ċertu kazijiet bħala Satabank,Pilatus u n-Nimea Bank, jien inkun l-ewwel wieħed li nikkritikahom, anke ġewwa fora barranin. L-argument li għax dawn huma tlett banek Maltin, irrid niddefendihom, ma jreġġix. Lill-MFSA, li dawn il-banek ħarbulha għax kellhom sidien delinkwenti, nikkritkaha, pero bl-istess mod li issa nifraħ pubblikament li l-MFSA qegħda tirranġa l-istrutturi tagħha. Kienet ħasra li kellhom jgħidulna rapporti internazzjonali bħall-Greco, il-Kummissjoni Venezja eċċ, imma l-aqwa lil-affarijiet bdew isiru.

    Ma tagħmel l-ebda sens li jien, għaliex jien Malti, ma nistax nikkritika lill-istituzzjonijiet Maltin f’każijiet fejn evidentament hemm nuqqas. Mhix in-nazzjonalita li tiddeċiedi jekk jiena nitkellimx fuqek jew le: Iżda dan tiddipendi fuq l-imġieba, u l-funzjoni tal-istruttura. U dan jgħodd għal kulħadd, għax fi ħdan il-Parlament Ewropew, inti għandek l-possibilita li titkellem fuq strutturi ta’ pajjiżi oħra, speċjalment jekk tiġi avviċinat minn ċittadini ta’ pajjiżi differenti. U hija importanti illum iktar minn qatt qabel. Għaliex? Għax delitti ta’ frodi finanzjarja, u reati simili, m’għandhomx fruntieri: illum qegħdin naraw kif il-kriminalita internazzjonali qegħda ġejja minn problemi barranin. Li nħarsu lejn problemi b’viżjoni globali hija importanti.

    Tipikament, dawn l-elezzjonijiet huma l-aħjar mezz biex kandidati li ġejjin minn partiti żgħar, jew anke kandidati Indipendenti, ikollhom l-ikbar ċans biex jidgħajjef l-duwopolju politiku. Kemm temmen li fl-elezzjoni ta’ Mejju li ġej, ser ikun hemm sitwazzjoni fejn ħa jkun hemm iktar minn żewġ partiti politiċi jirrappreżentaw lil Malta fil-Parlament Ewropew?

    Naqbel, anzi nazzarda ngħid li t-tendenza llum hija iktar qawwija minn qatt qabel. Id-delużjoni li hawn fil-partiti politiċi tal-PL u tal-PN hija kbira, tant li l-isfiduċja fil-politika in ġenerali żdiedet.

    Hemm saff ta’ nies li huma delużi u li mgħandhomx fiduċja fis-sistema politika preżenti. Ir-riskju kbir huwa, pero, li minflok jikkunsidraw partiti terzi, huma jaqbdu u ma jivvutawx, anke jekk dan is-saff ta’ nies huma dawk li jistgħu jġibu verament il-bidla.

    Huwa fatt kważi ċert li l-PN tilef siġġu: Jekk in-nies ma jivvutawx, sejjer jieħdu l-Partit Laburista, għallinqas skont l-inerzja elettorali kif tidher. Jiena nemmen li l-Partit Laburista ma jistħoqqlux li jtella’ erba siġġijiet. Nemmen li jkun ħażin għall-pajjiż li jsehh dan: il-Partit  Laburista huwa diġa strapotenti, u diġa mingħajr oppożizzjoni b’saħħitha għax maqsuma, tant li anke f’ċertu każijiet tikkoludi miegħu għax ma toffrix alternattiva ta’ politika differenti. Il-partit ta’ Delia qiegħed f’kompetizzjoni fuq l-istess kwistjonijiet ta’ Muscat: fil-fehma tiegħi, mhemm l-ebda differenza bejn iż-żewġ partiti fuq numru ta’ temi, bhall- mina ta’ Gahwdex, il-kacca fir-rebbiegha, ir-rabta ma’ nies tal-business potenti. 

    Fil-frattemp, il-Partit Laburista tal-lum huwa l-iktar gvern kapitalist li qatt rat Malta. Huwa l-iktar Gvern favur l-iżvilupp tan-negozjanti l-kbar, li jiffaċilita u jwitti triq tad-deheb għan-negozji l-kbar. Tħossu agħar dan il-fatt, għaliex suppost il-Gvern huwa wieħed xellugi. Minn dan l-aspett, anke l-Prim Ministru għandu l-filosofija li iktar ma jagħti possibilita lis-sinjuri, hemm ċans ikbar ta’ trickle down effect lejn il-batut, imma r-realta qegħda turina li dan mhix il-każ, għax l-effett qiegħed ikun minimu. In-nies li qegdin ikunu skomdi, fir-realta qegħdin jiskomodaw rwieħhom bl-ikrah. Il-fatt li għandek mijiet ta’ persuni li m#ghandhomx saqaf fuq rashom, huwa frott tal-polititka mħaddna ugwalment miż-żewġ partiti.

    Hemm lok għall-bidla: Jekk għall-ewwel darba f’ammont ta’ snin, ir-rappreżentanza Maltija fi ħdan l-Ewropa tinqasam bejn tlett partijiet u iktar, l-iskossi li din tħalli fis-sistema politika Maltija tkun waħda konsiderevoli. Kapaċi ġġiegħelhom jaħsbu, u kapaċi ġġiegħel liż-żewġ partiti kbar jikkoreġu dawk iċ-ċertu difetti li s’issa ma tawx kashom. Kull imperu dominanti fid-dinja krolla, għalhekk il-bniedem u s-ssitema politika tagħna għandu bżonn tal-kontrolli fuqu nnifsu.

    Il-kontro-argument ta’ dan, speċjalment mill-lenti Ewropeja, hija li dan l-argument tħalli lok ħafna ikbar għall-involviment ta’ partiti tal-Lemin Estrem fis-sistema politika Maltija..

    Jekk jiġri dak li qiegħed jisemma fis-sondaġġi Ewropeja, mhemmx dubju li l-Lemin Estrem se jkollu iktar saħħa. Pero nemmen ukoll li x-xellug u ċ-ċentur progressiv, jistgħu jkollhom maġġoranza demokratika, li kapaċi tkompli tmexxi abbażi tal-valuri Ewropej.

    Il-Maltin għandhom iċ-ċans li jagħtu kontribut u jivvutaw, pero hemm element ta’ preokkupazzjoni. L-apparenza ta’ Normal Lowell fuq programm fuq stazzjon lokali, u l-kwistjoni li nqalgħet wara, kienet turija ta’ dan. Jiena kont kważi nġiegħel lill-Awtorita tax-Xandir, juru dak il-programm bit-tikketta ta’ Adults Only, biex in-nies jkunu jafu xi tfisser il-lemin estrem ala Lowell: inġiegħelhom jeżaminaw il-proposta tiegħu li min jitwieled b’diżabilita għandu jinqatel b’mod hanin fi zmien siegh mit-tweli. Jekk il-Maltin jsiru jafu kif, flimkien mal-fehmiet ta’ Lowell fuq l-immigrazzjoni, hemm dawn il-punti kollha, ikunu jistgħu jaraw l-ħruxija tal-lemin estrem fid-dawl kollu tagħha. 

    In-nies illum għandhom possibilita: Min ma jivvutax, sejjer jikkontribwixxi biex il-Labour jirbaħ b’erba siġġijiet, u tkomplu ssaħħu s-siġġijiet ta’ Konrad Mizzi, Keith Schembri u l-bella kumpanija. In-nies ghalhekk ghandha ċ-ċans li tivvuta favur il-bidla progressiva u demokratika: L-iskoss li s-sistema għandha tant bżonn, kapaċi tfisser bidla kbira fis-sistema politika tagħna.

    Qegħdin nitħaddu fuq il-bżonn ta’ riforma fl-istituzzjoijiet Ewropej, pero fl-istess nifs, qegħdin naraw ir-riżorġiment tal-lemin estrem u tal-partiti Ewroxettiċi. Xafra li taqa miż-żewġ naħat...

    Iktar ma jissaħħaħ il-popoliżmu tal-lemin estrem, iktar sejra tkun diffiċli biex jitwettqu riformi li jwasslu lill-istituzzjonijiet tagħna biex ikunu iktar aperti. Ir-realta hija li l-Parlament Ewropew, li fih hemm id-deputati eletti tagħna l-Ewropej, huma inqas b’saħħithom mill-Kunsill tal-Ministri. Jiena nemmen li l-Parlament għandu jingħata iktar saħħa, għaliex huwa dan li hija r-rappreżentanza l-iktar b’saħħitha tar-rieda tal-poplu. Bl-involviment pero tal-forzi tal-lemin estrem, li huma forsi iktar moħħhom biex jiddiżgregaw lill-Ewropa milli jagħtuha iktar saħħa, ir-riforma tant mixtieqa tkun aktar dififċli.

    Fl-istess ħin, kif tħares lejn il-futur tal-Unjoni Ewropeja allura?

    Nittama li għandha futur. Kieku ma kienx hemm l-Unjoni Ewropeja, kieku ċerti drittijiet u kundizzjoniijet soċjali, bħad-dritt għall-parental leave, u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karozzi, dawn ma jsirux. Kieku mhemmx Parlament Ewropew, l-istat individwali ikollu inqas interess, u inqas saħħa, biex jwassal għal dawn il-bidliet neċessarji.

    U fl-opinjoni tiegħek, xżinhuwa s-sinjifikat tal-elezzjoni li ġejja?

    Importanti li l-Maltin jippruvaw jġibu riżultati mħallat; Biex il-pajjiż jimxi l-quddiem iktar, biex il-poter ta’ checks and balances jibqa b’saħħtu, huwa importanti li jkun hemm rappreżentanza mħallta bejn iktar minn żewġ partiti. Iktar u iktar fuq livell ta’ Parlament Ewropew, għax ikunu sfurzati jindunaw li s-soċjeta Maltija qegħda tinbidel, u li l-poliitka tal-passat m’għadhiex vijabbli għall-ġurnata tal-lum.

    Filmat: Alan Saliba

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0