[filmat] “Iċ-ċittadin ma baqax iħossu parti mis-suċċess tal-UE”

  • Mej 22, 2019 16:10
  • Miktub minn Matthew Charles Zammit
"

    F’intervista esklussiva, l-eks Editur tal-Orizzont Josef Cutajar jitħadded fuq il-kandidatura tiegħu għall-Parlament Ewropew, l-idejal tax-xellug fiż-żminijiet preżenti,  u fuq l-”indifferenza istituzzjonali” li hemm fi ħdan l-Unjoni Ewropeja

    Minn Editur tal-Orizzont għal politiku u kandidat għall-Parlament Ewropew. X’wasslek biex tagħmel din it-transizzjoni bejn żewġ professjonijiet li ħafna drabi jaħdmu kontra xulxin?

    FIl-verita, jekk teħodha minn perspettiva ta’ ġurnalist, ma tantx hemm differenzi kbar. Hija ħaġa kważi ta’ bilfors li fil-mestjier tal-ġurnaliżmu, wieħed sejjer jinvolvi ruħu, jew huwa espost għall-politika: Ġurnalist irid il-ħin kollu jkun jaf x’inhuma ċ-ċirkostanzi madwaru, għalxiex qegħdin isiru ċeru affarijiet… bażikament, stampa ta’ dak li qiegħed jiġri fil-pajjiż madwaru. U dik hija l-politika fl-aħħar mill-aħħar.

    Issa, fuq id-deċiżjoni tiegħi li nkun kandidat f’elezzjoni: nammetti li b’xi mod, kont qiegħed nistenniha minni nnifsi. Il-politika nħobbha: Ladarba tkun nadifa, u tan-nies, iġiferi poliitka li taħdem favur il-ġustizzja soċjali u li sservi lill-poplu, din għandha tattira lil kull bniedem ta’ rieda tajba. Nemmen ukoll li permezz tax-xogħol tiegħi fi ħdan il-gazzetti tal-Union Print, fuq dan ir-rigward, għamilna ħafna ġid. Il-pass li noħroġ għall-politika kienet tranżizzjoni mistennija, qisu d-destin sejjaħli għal hemm.

    Apparti hekk, jiena kont editur tal-Orizzont bejn l-2010 u l-2017, inkluż sentejn meta kont aġent editur tat-Torċa. Dawn kienu żminijiet pjuttost tranżitorji għal pajjiżna. Pajjiżna għadda minn perjodu diffiċli ħafna għall-poplu, bil-leġislatura ta’ bejn l-2008 u l-2013 kienet waħda partikolarment miżgħuda b’problemi. U fejn tħoss l-għafsa ta’ qalb tan-nies, ridna nwasslu l-messaġġ tal-ħaddiem, biex ngħollu l-livell tal-għajxien tal-poplu. Dak is-sagrifiċċji li għamilna fl-2013, u li dawn erġajna kkonfermajnihom fl-2017 fit-tieni elezzjoni ġenerali, naħseb ħassejt li b’xi mod jew ieħor kelli niddefendihom.

    Kien, u għad hawn, min jixtieq jimmina l-ekonomija ta’ pajjiżna, min jixtieq li l-ekonomija ma tibqax għaddejja bir-ritmu tal-lum il-ġurnata, li lill-aġenziji tal-kreditu ma jagħtux ir-riżultati pożittiv lejn pajjiżna. Jiena ridt, u ħassejt, li kelli noħroġ għal din l-elezzjoni, għaliex ridt niddefendi isem pajjiżna fuq dan il-lat.

    Apparti l-politika u l-ġurnaliżmu, illum il-ġurnata qiegħed naħdem fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. L-instigazzjoni biex infittex, inħarbex, insib il-verita, u ngħin lill-iktar batuti, għadha hemm. Dan kollu wassal biex ningħata din l-imbutattura, u nieħu dan il-pass…

    Anke jekk il-ġurnaliżmu u l-politika mhix dejjem jaraw għajn m’għajn…

    Vera. Pero’ ladarba l-politika u l-ġurnaliżmu jkunu nodfa, din is-sijambożi taħdem flimkien.

    Madanakollu, hawn nirrikonoxxi kif it-tnejn li huma għandhom is-sħab iswed rispettiv tagħhom ukoll. Il-ġurnaliżmu f’dawn l-aħħar snin qiegħed jiffaċċja numru ta’ sfiidi, fosthom l-użu tal-fake news, u l-fatt li s-settur tal-ġurnaliżmu m’għadux jipprovdi l-istess rendikont finanzjarju ta’ qabel… il-pagi mhumiex xi granke, dan huwa fatt u kulħadd jirrikonoxxih. Nemmen li fl-industrija hemm min hu ddedikat u min huwa sinċier, pero hemm dawk li jtappnu u jagħmlu ħsara, billi joħorġu aħbar u jdawruha b’tali mod li toħroġ kif iridu huma. Dawn jiena ma nsejħilhomx ġurnalisti, iżda pseudo-ġurnalisti, u qegħdin jagħmlu ħsara lill-bqija tas-settur.

    Inti sejjer tikkontesta l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew għall-ewwel darba, f’isem il-Partit Laburista. X’ikkonvinċik biex tieħu dan il-pass? U għalfejn il-Partit Laburista?

    L-għażla tal-Partit Laburista nemmen li kienet waħda naturali: Wara 25 sena fil-Union Print, fejn ħdima f’gazzetti inklinati lejn il-politika xellugija, indubbjament għenu biex nersaq iktar viċin il-Partit Laburista. Pero’ apparti hekk, meta kont żgħir jiena kont membru tal-Forum Żgħażagħ Laburisti: kont fl-ewwel kumitat li biddilna l-isem tal-organizzazzjoni minn Għaqda Żgħażagħ Soċjalisti Nazzjonali għal FŻL, u kif ukoll kont membru tal-istess Forum ġewwa l-Belt Valletta.

    Apparti hekk, jiena induttrinat min-nannu tiegħi, li saħansitra spiċċa l-ħabs għas-sempliċi raġuni li mar laqgħa tal-Perit Mintoff bl-uniformi tas-servizz. Kien wieħed mill-ftit Laburisti tal-azzar li batew taħt l-Imperu Ingliż, u kif ukoll it-tmexxija ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti, li dak iż-żmien kienu jieħdu pjaċir li ħaddiem imur il-ħabs għax kien qiegħed jgħin lil Mintoff.

    Qattajt ħafna żmien ngħix man-nanniet tiegħi ġewwa l-Belt Valletta, u n-nannu kien jirrakontali minn xiex kienu jgħaddu missirijietna fil-ħamsinijeit, speċjalment fiż-żmien tal-irvellijiet, fejn ukoll huwa ssielet għad-drittijiet tal-ħaddiema. Nannuhi kien jammetti li dan kollu kien qiegħed jagħmlu kontra kontra l-interessi finanzjarji u personali tiegħu, għaliex huwa kien membru tal-Forzi Armati Ingliż, iżda huwa emmen fil-viżjoni tal-Perit Duminku Mintoff, ta’ Malta bir-riedni f’idejha, u bil-ħaddiem b’saħħtu li kapaċi jiddeċiedi id-destin tiegħu.

    La semmejna l-attiviżmu tal-Partit Laburista, u l-ġlieda li dan kellu matul l-istorja ta’ Malta, tikkonċedi li l-attiviżmu tal-passat mgħadux japplika llum il-ġurnata? L-indipendenza ħadniha, sirna membru fl-Unjoni Ewropeja, għandna ekonomija li qegħda tmxi b’rata mgħaġġla... Il-prijoritajiet inbidlu, imma l-valuri tal-Partit Laburista temmen li għadhom konsistenti?

    Iż-żminijiet huma differenti ħafna, pero minkejja dan, nemmen li hemm similitarjiet kbar. Fis-snin sebgħin, meta l-Partit Laburista beda joħloq qafas b’saħħtu għal pajjiżna, kienet sitwazzjoni simili għal dak li beda jinħoloq fl-2017. It-tisħiħ tal-qafas soċjali li kien hemm, biex jikkumbatti l-miżerja li kienu fihom dawk iż-żminijiet, it-tqassim ta’ għadd ta’ benefiċċji ġodda… dan huwa simili ħafna għal dak li għadda minnhom il-poplu Malti taħt dan il-Gvern fl-2013.

    Ma tistax tqabbel Joseph Muscat mal-Perit Mintoff: Min għexehom, jew kellhom l-esperjenza li jaħdem magħhom fil-qrib, jafu li hemm differenzi kbar bejn il-karattri eprsonali tagħhom. Minkejja dan, f’dawk iż-żminijiet tat-tmexxija Laburista, fejn ingħataw importanza l-valuri tal-ġustizzja soċjali li kien hemm, għadhom persistenti u eżistenti sal-ġurnata tal-lum. Id-differenza kienet li, ħafna Laburisti bħali kellna xettiċi fil-bidu, meta l-Prim Ministru kien jisħaq fuq l-fatt li biex tqassam il-ġid, l-ewwel trid toħolqu. Kulħadd kellu dik id-daqxejn dubju fuq x’se jiġri, fuq jekk din it-triq hix l-istess li aħna konna nafu bħala membri tax-xellug.

    Illum il-ġurnata, naħseb li l-poplu ra r-risposta: Għandna ġid fil-pajjiż li huwa bla preċedent, fejn hemm iktar u iktar familji li qegħdin joħorġu mill-faqar wara ħafna snin ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti li kienu niżżluwhom f’din il-miżerja. Ma ninsewx li fl-2012, il-poplu Malti kien jgħodd 1 minn kull 4 fi ħdanu li kienu fil-faqar, iġifieri 100,000 persuna. Illum il-ġurnata, din iċ-ċifra naqset bin-nofs.

    Din tista titqies bħala rivoluzzjoni siekta, allavolja l-ġid qiegħed jinħass minn kulħadd. Jiena mmur fid-djar, niltaqa ma’ partitarji Nazzjonalisti sinċieri, li minkejja li qatt mhu ser jaslu jivvutaw lill-Partit Laburista, jammetu u jgħidu li d-differenza bejn illum u sitt snin ilu tinħass, u tinħass sew. Hemm dak l-element tas-sinċerita’, ir-rieda li jeħdu pjaċir jaraw il-ġid li qiegħed jinħalaq.

    Din hija fil-verita dak li tfisser meta ngħidu li qiegħda tinħass rivoluzzjoni fil-pajjiż. Sa’ ftit snin ilu, ma konniex nitħaddu fuq kwistjonijiet bħal divorzju, u l-unjoni ċivili, aħseb u ara kemm kienu sejrin jiġu llegalizzati. Dawn huma żviluppi u sinjali ta’ progress li l-pajjiż jieħu gost bihom. Li jkollok pajjiżi ferm ikbar minnha, li jarawna bħala mudell, u saħansitra jgħiru bina, huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalina, għaliex dawn kollha huma familji u parti integrali mis-soċjeta tagħna.

    X’inhuma l-ikbar tlett sfidi li qegħda taffaċċja fil-preżent l-Unjoni Ewropeja?

    Sfida kbira li l-Unjoni Ewropeja ffaċċjat matul dawn l-aħħar snin kienet l-indifferenza tagħha lejn iċ-ċittadini stess. Il-kuntatt bejn l-istituzzjoni u l-poplu Ewropew inqata’, u spiċċat organizzazzjoni itkar burokratika milli demokratika. Iċ-ċittadin ma baqax iħossu jagħmel parti mill-iżviluppi li kienu qegħdin isiru fi ħdan l-Unjoni Ewropeja. Ħafna drabi, parti minn din il-perċezzjoni tista tkun ibbażata fuq il-verita’, u parti oħra fuq in-nuqqas tal-UE li twassal il-messaġġ tagħha b’mod effiċjenti, u jkun hemm nuqqas ta’ informazzjoni.

    Jiena, li ġej mis-settur tal-midja, personalment naf kemm huwa importanti li inti twassal il-messaġġ tiegħek. Bl-istess messaġġ, inti tista turta persuna, jew tista tferraħ persuna. U dan, l-Unjoni Ewropeja trid tirrikonoxxih u taħdem fuq dan il-lit.

    Apparti hekk, l-Unjoni Ewropeja għandha bżonn iktar involviment dirett tal-poplu fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha: hemm bżonn li tagħti iktar informazzjoni fuq l-istituzzjonijiet, biex iċ-ċittadin ikun jista jifhem eżatt x’inhuwa jiġri ġewwa Brussell.

    Sfidi oħra li se jkun hemm fil-futur, li kienu hemm minn żminijiet kurrenti, jinkludu fost l-oħrajn l-immigrazzjoni, li sejra tibqa’ kwistjoni taħraq ħafna, b’mod partikolari għaliex kien hemm nuqqas ta’ kommunikazzjoni, u nuqqas ta’ solidarjetà, li hija waħda mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropeja. Qegħdin naraw sitwazzjoni fejn kulħadd qiegħed jiġbed għal xawwatu, u kulħadd jipprova jara kif ser jirrovina pajjiż ieħor biex jiggwadanja hu. Dan l-egoiżmu qiegħed ifarrak il-messaġġ u s-simbolu Ewropej. Nemmen li hemm bżonn li nerġgħu nindakraw lin-nies bil-fiduċja tal-messaġġ u t-tama Ewropeja.

    Il-kommunikazzjoni hija fundamentali: F’25 sena li jiena għamilt mal-Union Print, tgħallimt li din, fil-ħajja umana, kienet iċ-ċentru u l-fulkru ta’ kollox, biex flimkien naslu għal kompromessi, u kif ukoll għall-ġustizzja soċjali. U wieħed li verament jista jtina lezzjoni fuq il-kommunikazzjoni huwa bla dubju il-Prim Ministru Joseph Muscat, li bil-politika tiegħu ta’ persważjoni, irnexxielu jikkonvinċi lilna l-Maltin fuq il-benefiċċji ta’ politika bħal din, kif ukoll irnexxielu jagħti lezzjoni lill-istituzzjonijiet Ewropej fuq dan is-suġġett.

    Hemmhekk irrid nagħfsu u nkomplu nikkonvinċu, b’mod partikolar liċ-ċittadini tagħna stess, li jista jkollna l-fiduċja tagħhom fil-quddiem. 

    Lil’hinn mill-edukazzjoni int sħaqt ukoll fuq il-bżonn li jissaħħaħ l-aspett soċjali tal-UE. Temmen li din ġiet traskurata mill-UE matul dawn l-aħħar snin?

    Il-politika ta’ awsterita li fuqha kienet qegħda taħdem l-UE għal ħafna snin żgur ħalliet effetti negattivi. Din it-tip ta’ politika negattiva, Malta doqniha għal numru ta’ snin taħt amministrazzjonijiet preċedenti. Naħseb li hemm bżonn l-eżempju Malti ta’ dawn l-20 sena, l-iżvilupp li sar f’pajjiżna, għandu jittieħed bħala mudell għat-tmexxija tal-bqija tal-Unjoni Ewropeja, speċjalment 10 snin ilu meta kellna problemi ta’ qgħad u ta’ benefiċċji soċjali. Jiena naħseb din it-transizzjoni tista sservi bħala mera ta’ x’jista jiġri fl-Unjoni Ewropeja jekk timxi fuq l-istess passi.

    Ma ninsewx li biex pajjiżna ġie fis-stat tal-lum, fejn solvejna il-problema tal-qgħad, u fejn naqqasna il-faqar iktar bin-nofs, ma ntużatx xi bakketta maġika. Inħolqu miżuri bħal child-care centres b’xejn, u miżuri oħra li kabbarna l-fiduċja fi-pajjiż għall-investiment barrani, strutturar u ffinanzjarji ferm iktar għaqli.. hemmhekk, naħseb inkunu spettru ta’ kif l-Unjoni Ewropeja jistgħu jimxu l-affarijiet. Għandna r-riżultati f’idejna, jmiss li nippreżentawhom u nisħqu fuqhom.

    Għaxar snin ilu, meta tela l-ewwel darba li tela il-Ministru Edward Scicluna quddiem l-Unjoni Ewropeja, kienu jgħidulhom “Qegħdin tgħidu ħafna affarijiet, ta’ qabilkom l-istess kienu jgħidu, pero qatt ma waslu. Kif tridna nemmnu lilkom li ħa tagħmlu l-ġid?”

    Pero, grazzi għar-riżultati li ksibna, ir-risposta wasslet, u huwa għalhekk li l-Prim Ministru tagħna ngħata stima kbira ħafna mill-Unjoni Ewropeja kollha, u ovjament anke mill-poplu Malti.

    Filwaqt li inti ħa tkun elett bħala Membru Parlamentari għall-Partit Laburista ta’ Malta, inti ovvjament sejjer tifforma parti mill-grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D), li uħud mill-membri tagħhom kienu prominenti fil-kritika tagħhom lejn pajjiżna (vide Ana Gomes) Kunfidenti li tista tilħaq kompromess mal-Membri Parlamentari Soċjalisti Ewropej?

    Huwa fattur san li fi grupp parlamentari, jkun hemm id-dibatittu intern, mhix biss fil-Grupp tas-Soċjalisti Ewropej, iżda anke fuq skala iżgħar. Bħala eżempju, ħares lejn il-Partit Laburista, fejn għandek forums u fergħat differenti li jiddibattu temi u kwisjtonijiet differerenti. Kulħadd għandu s-simpatiji tiegħu, ovajment: hemm bżonn ta’ bilanċ bejn x’temmen bħala persuna, u dak li huma l-prinċipji tal-grupp li inti tinsab fih, u l-partit li tinsab fih, biex tiġbed linja li taqbel u timxi wara l-partit.

    Ovjament il-kritika li saret lejn pajjiżna matul dawn l-aħħar snin, ħafna iktar minnha kienet inġusta, seħħet għal skop partikolari: Kien hemm min kellu intenzjonijiet li jwassal messaġġ ikrah, li jpenġi stampa sewda fuq pajjiżna, li jagħmel minn poliitka Maltija, anke jekk hija fl-isbaħ żmijiet illum il-ġurnata, sitwazzjoni iktar mdallma, qisha ġejja l-aħħar tad-dinja.

    Meta tqis, tevalwa u tpoġġi fuq il-miżien, minn fejn ġejja din il-kritika, u kemm hija ġusta, nemmen li l-ġudizzju fuq il-valur u l-validiita tal-kritika joħroġ malajr. Meta għandek persuna li qiegħed jiġbed linja partikolari, li twieġbu x’twieġbu ma jasalx għal ebda tip ta’ estrem għax ikun qiegħed jiġbed linja estrema, naħseb hemmhekk għandna nkunu sodi u iebsin. Min jaf ikun kattiv, sempliċiment biex jilħaq skopijeit personali, mgħandux raġun, u mhix ħa niddejjaq ngħid dan bi kliemi.

    Jekk taf li hemm skopijiet għalxiex il-kritika qegħda ssir, skopijiet mhux siewja, għandek tesponih. Bħalma per eżempju, għandek tesponi wkoll l-għira ta’ ċertu persuni, li ġew mitmugħin informazzjoni mhix koretta, informazzjoni li għandha skopijiet li tagħmel ħsara lokalmemnt u internazzjonalment, u allura, meta tifhem s-suċċessi ta’ pajjizna, tifhem x’inhija l-aġenda tagħhom.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0