“Bżajt li minn ħin għall-ieħor joqtolni”

  • Ġun 17, 2019 07:42
  • Miktub minn Carmen Cachia
"

    Ħames snin kalvarju ta’ vjolenza domestika quddiem it-tfal b’messaġġ għall-Maltin…

    Annaeva Ostberg, Svediża ta’ 50 sena li tkun spiss f’pajjiżna, fl-ewwel żwieġ tagħha kienet vittma ta’ vjolenza domestika fejn għal ħames snin sħaħ sfat imsawwta bla ħniena u għal xejn b’xejn proprju quddiem uliedha. Illum il-ġurnata, avolja għaddew 25 sena mill-martirju, din in-nanna ta’ erbgħa qiegħda tiffaċċja problemi tas-saħħa serji minħabba t-trawma li għaddiet minnha, iżda tisħaq li ħadd ma ħaqqu jinħaqar b’dan il-mod. L-ORIZZONT iwassal l-istorja tagħha u nidħlu f’dinja ta’ krudeltà li ġġielditilha u rnexxielha toħroġ minnha. Ostberg tibgħat messaġġ ta’ kuraġġ lill-vittmi f’Malta li wkoll jinsabu f’dan il-jasar u tħeġġiġhom jqumu fuq saqajhom biex iwaqqfu l-abbuż inuman.   

    Ostberg, għalliema tal-Kindergarten, meta kellha 26 sena kienet miżżewġa ma’ Daniż fejn sfat vittma ta’ vjolenza domestika serja tant li fil-ħames snin kalvarju li għamlet taħt idejh għaddiet minn terrur ta’ abbuż verbali u swat kontinwu. Għalkemm għaddew 25 sena minn dan kollu, Annaeva għadha tbati l-konsegwenzi tal-ħsara psikoloġika li sofriet.

    “Kont għadni żgħira ħafna meta ltqajt miegħu u kollox seħħ ta’ malajr għax dawn it-tip ta’ rġiel ġeneralment hekk ikunu jridu bil-għan li jkollhom kontroll tas-sitwazzjoni u tal-persuna li tispiċċa taħt il-mira tagħhom,” stqarret il-mara. 

    Annaeva qalet kif fi żmien sena biss, huwa mar joqgħod magħha, tgħarrsu, iżżewġu u anke kellhom tarbija, li kien tifel. Fil-bidu tar-relazzjoni t-tfajla qatt ma ssuspettat xejn ħażin fis-sieħeb tagħha u qalet kif kien jidher raġel twajjeb bi kliem taz-zokkor tiegħu tant li llum il-ġurnata tistqarr li tqarraq biha b’dan l-atteġġjament tal-“prinċep tal-ħolm”.

    Il-ġenituri tagħha mill-ewwel ma qablux ma’ din ir-relazzjoni, iżda minkejja li pprovaw jiftħulha għajnejha, Annaeva ma setgħetx tara l-lat ħazin tiegħu u saret tħobbu b’imħabba tal-ġenn. Għall-ewwel sena kollox kien ward u żgħar u r-raġel kien jieħu grokk ‘l hemm u ‘l hawn ma’ sħabu, iżda xejn ta’ barra minn hawn. L-attenzjoni lejha ma naqsitx u dejjem kien jgħidilha kemm hi importanti għalih. 

    Ostberg qalet li minkejja li kienet martu, hi ma kinitx taf ċerti dettalji dwar il-passat tiegħu fosthom il-falliment ta’ għadd ta’ relazzjonijiet, falsifikar ta’ diplomi u erbat itfal lura f’pajjiżu. “Barra li kien raġel abbużiv kien anke giddieb, tant li nissuspetta li huwa narċiżist. Qatt ma kien djanjonistikat, imma kont ngħix miegħu u naf x’inhu. Barra l-attitudni impossibbli li kellu, dejjem kien jiftaħar u jemmen li kapaċi jagħmel kollox u li jrid,” stqarret b’dieqa l-Isvediża. Hi rrakkontat kif dan ir-raġel dejjem kien iġib ruħu tal-aqwa u l-infallibbli. 

    Il-mara qalet kif wara sena beda jgħid li jrid imur lura jgħix fid-Danimarka għax ma riedx ikun ‘il bogħod minn familtu. “Jien tħassartu meta qalli li kienu ilu żmien twil ma jarahom u kien hawn li faqqgħali l-bomba li għandu erbat itfal subien ukoll hemm. Dawn jien assolutament ma kontx naf bihom,” qalet b’xokk Annaeva. Minkejja dan, hi ssagrifikat ħajjitha u l-familja tagħha biex tikkuntentah u marru d-Danimarka. 

    Ħassejtni bħal insett f’għanqbuta u hu kien il-brimba…

    “Kien hawn li beda juri l-vera karattru mostruż tiegħu. Kont f’pajjiżu, taħt is-saqaf tiegħu, ‘il bogħod mill-familja u l-ħbieb tiegħi. Lanqas biss kont naf il-lingwa… Meta beda l-abbuż kont iżolata u ħassejtni bħal insett maqbud f’għanqbuta u hu kien il-brimba!” Kliem ta’ niket beda joħroġ minn ħalq din il-mara hekk kif hija u tirrakkonta reġgħet ftakkret fl-għawġ li għaddiet minnu minn dan ir-raġel li suppost ħabba. Hija qalet kif bil-mod il-mod huwa beda jżid fix-xorb bil-konsegwenza li l-aġir abbużiv kienet issoffrih ta’ xejn b’xejn u ta’ kuljum. 

    Ostberg waqfet għal ftit mumenti biex tieħu nifs u tikkalma fejn għalqet għajnejha u reġgħet ġabet quddiem għajnejha memorji ta’ terrur li bidlulha ħajjitha kompletament. Tirrakkonta kif l-inkwiet beda madwar erba’, ħames xhur wara li marru jgħixu d-Danimarka. “Ġie d-dar mix-xogħol u ma kontx poġġejt biżżejjed injam fis-central heating u d-dar ma kinitx sħuna biżżejjed. Qabad u tani daqqa ta’ ħarta. F’dak il-mument ikkonfondejt għax ma fhimtx għala rreaġixxa b’dan il-mod estrem,” qalet imbikkma Annaeva.

    Hija qalet li r-raġel twajjeb li żżewġet f’daqqa waħda sawwatha u beda jgħidilha li kollox kien tort tagħha. Wara din il-ħasda emozzjonali, filgħodu talabha taħfirlu għax qal li ma riedx isawwatha u li jħobbha ħafna. 

    “Kien iwassalni għax-xogħol u jiġborni eżatt kif inlesti. Dejjem jissuspetta fijja u kull ħanut li mmur fih kien irid jara l-irċevuti bil-ħin fuqhom biex jiċċekkjahom bir-reqqa u jara jekk ma mortlux ma’ raġel ieħor. Mal-inqas ħaġa kien isawwatni,” stqarret Annaeva.

    Hija qalet kif għall-bidu bdiet tiġġustifika l-abbuż u dejjem kienet tittama li l-abbuż jieqaf. “Ħafna drabi n-nisa jagħmlu l-iżball li jaħbu u jiskużaw dan l-atteġġjament abbużiv mis-sieħeb tagħhom. Jien għamilt dan l-iżball ukoll u sal-ġurnata tal-lum ma nistax nifhem għaliex,” stqarret imħassba Ostberg.

    Mistoqsija jekk dan l-abbuż qatt seħħx quddiem it-tfal, il-mara qaltilna li s-swat sfrenat sfortunatament dejjem seħħ quddiem il-povri tfal u bintha, li dak iż-żmien kellha l-età tenera ta’ sitt snin, kienet dejjem tieħu lil ħuha biex jinħbew taħt is-sodda. 

    Din il-vittma ta’ vjolenza domestika qaltilna li l-ewwel daqqa kienet ta’ xokk kbir tant li ma bdietx tifhem x’inhu jiġri. “Kont dejjem nemmen li mhux se jerġa’ jerfa’ idu fuqi, iżda reġa’ waqa’ koppa ġimgħa biss wara l-ewwel abbuż,” qalet Annaeva. Ir-raġel kien isawwataha għal xejn b’xejn u hawn tat eżempji bħal fuq liema naħa tpoġġi t-tazza tal-kafè, jew għax ma ħaslitx il-platti malajr biżżejjed jew min-naħa l-oħra, jekk kienet tgħaġġel iżżejjed, xorta kienet taqgħlagħha għax m’għamilthomx sew. 

    “Kien isib kull skuża possibbli biex isawwatni, ikun xi jkun,” kompliet imbikkma l-mara u żiedet tgħid li s-swat beda jsir aktar gravi u ta’ spiss. Annaeva spjegat kif minħabba li l-uniformi tax-xogħol kienet tgħatti biss ċerti partijiet tal-ġisem, l-eks raġel tagħha kien jieħu ħsieb li jbenġilha fejn ma jidhirx. Qalet kif id-daqqiet bil-ponn u bis-sieq li kien jagħtiha kienu studjati sew biex ma jimmarkahiex fejn ikollha mikxuf. Barra minnhekk is-swat kien jibqa’ għaddej sakemm tibda tibki. “L-abbuż fuqi kien isir qisu f’forma ta’ ritwal. Kollox meqjus u studjat biex jgħatti għemilu,” tennet Ostberg. 

    Mhedda li ma tarax aktar lil binha…

    Dan l-abbuż dam għaddej ħames snin u hi qatt ma rrapportatu lill-pulizija għax kien dejjem jheddida li jekk titlaq kien joħodilha lit-tifel u jpoġġi lil bintha f’istituzzjoni. Hija qalet kif qatt ma qalet bis-sitwazzjoni lill-familjari tagħha minħabba li kienet mistħija wara li huma kienu avżawha li dan ir-raġel ma kienx tajjeb għaliha. “Huma raw dak li jien ma rajtx u dan żmien sew qabel ma beda l-abbuż,” sostniet l-omm. 

    Annaeva qalet kif il-vjolenza u l-abbuż kien iseħħ meta kien ikun xurban, fejn lejn l-aħħar kien jixrob ta’ kuljum. Fil-bidu tar-relazzjoni huwa kien jixrob, iżda qatt ma kien refa’ jdejh fuqha u għalhekk Ostberg ma ħasbitx li din kienet se tkun problema. “Kien isawwatni wisq u kont nibża’ li xi darba se joqtolni b’xi xebgħa tajba.” 

    Wara tliet snin ta’ swat, bl-għajnuna ta’ oħtu stess, il-mara, flimkien maż-żewġt itfal tagħha, ipprovat taħrab u sabet kenn f’dar ta’ nisa msawta. Ġara però li t-tifla kellha bżonn tingħata kura fi sptar għall-appendiċiti u meta l-eks issejjaħ l-isptar, qabad lit-tifel u ħadu lura d-dar. Annaeva kellha ta’ bilfors tirritorna fid-dar matrimonjali għax ma setgħetx tgħix mingħajr binha. 

    Hija qalet li tliet xhur wara reġa’ beda jkun vjolenti fil-konfront tagħha u ssapportiet għal madwar sena oħra sakemm f’lejl ta’ babysitting, għal xejn b’xejn taha xebgħa kbira quddiem it-tlett itfal. Bid-daqqiet il-vittma sofriet concussion kbira f’rasha. “Ma tantx niftakar x’ġara ħlief li kont minxura mal-art fejn is-sink tal-kċina u l-unika ħaġa li smajt kien il-biki tat-tfal li rawh isawwatni bla ħniena,” irrakkontat Ostberg. 

    “Kien hawn li rrealizzajt li ma stajtx inkompli sejra hekk għax din kienet trawma kemm għaliha, kif ukoll għat-tfal preżenti. Għidt issa jiġri x’jiġri, għax jekk se nibqa’ miegħu se jispiċċa jsawwatni għall-mewt,” stqarret l-omm. Hija bdiet tippjana biex taħrab u damet xahar sħiħ tippakkja bil-moħbi bil-lejl. Proprju meta l-eks tagħha kien rikoverat l-isptar, matul il-lejl, ħarbet b’uliedha fejn ħallitetlu ittra biex ma jipprovax isibha. 

    “Kull karozza li bdiet issuq warajja bdejt naħseb li kien hu…”

    Bi tbissima qalet li fl-aħħar kienet sejra lura f’pajjiżha u lura fid-dar tal-ġenituri tagħha. “Imn’Alla tlaqt fil-jum li tlaqt u mhux l-għada għax hu kien issuspetta xi ħaġa u ħareġ qabel mill-isptar, iżda sab id-dar vojta. Kull karozza li bdiet issuq warajja bdejt naħseb li kien hu… Kont imbeżża’ ħafna,” stqarret Annaeva. 

    Hija rrakkontat kif mingħajr ma qalet xejn lit-tfal fejn sejrin, telqet f’nofs ta’ lejl u saqet bla ma waqfet għal 10 sigħat sħaħ. Qalet kif f’ħin minnhom kien hemm karozza tteptep id-dawl lejha u bdiet sejra “le, le jaħasra! Kont tant għajjiena u ħsibtu sabni. Ġara però li dan beda jteptipli għax kont qed insuq fuq in-naħa ħażina tat-triq.” Hawn l-omm iddisprata stqarret li f’dak il-mument setgħet ikkawżat aċċident tat-traffiku fatali. 

    Fit-triq ċemplet lil ommha u qaltilha li fl-aħħar se tirritorna d-dar. “Ommi diġà kienet taf li snin qabel ipprovajt naħrab. L-għada li wasalt id-dar, l-eks ċemplilhom biex jistaqsi għalija, iżda gidbulu,” kompliet Annaeva. Hija qalet kif il-qorti lokali ħarġet ordni ta’ protezzjoni għaliha u għal ulieda għal sena biss fejn wara suppost kellha tmur għand il-pulizija. Hi m’għamlitx hekk minħabba li kienet tibża’ li jsir jaf fejn hi u ħajjithom għal darb’oħra terġa’ tkun fil-periklu.

    Fl-età ta’ 30 sena bdiet il-proċess tad-divorzju u miegħu rebħet ukoll il-kura u l-kustodja tat-tifel. L-eks tagħha qatt ma deher il-qorti u minkejja li l-qorti tagħtu l-fakultà li jara u jkollu relazzjoni ma’ ibnu, dan għażel li jaqta’ l-kuntatt kompletament avolja xi drabi kien iċemplilha u jheddidha li se jaħtaf u jaħrab b’binhom.

    “L-unika ħaġa li smajt kien il-biki tat-tfal li rawh isawwatni bla ħniena…”

    Il-mara qaltilna li s-swat kien ikrah u l-uġigħ mid-daqqiet kien kbir, iżda t-trawma emozzjonali u psikoloġika ta’ din il-vjolenza domestika, kienu ħafna agħar. “Kont inħossni ħatja għal dak li kien qed jiġrili għax kull darba li jagħtini daqqa ta’ ponn kien jgħid li t-tort kien tiegħi. Kien il-ħin kollu jiġġustifika għemilu bi kliem dispreġġjattiv lejja u lejn persunti,” kompliet Annaeva. 

    Sentejn wara li rritornat l-Isvezja u kriet post għaliha, il-mara nnotat li wliedha sofrew ħsara psikoloġika minħabba dak kollu li għaddew minnu u raw. Kien għalhekk li fittxet l-għajnuna ma’ aġenzija nazzjonali tat-tfal fejn kollha ngħataw terapija ta’ 10 ġimgħat. 

    Minħabba li din l-omm kienet għaddejja minn perjodu ta’ kriżi, bintha spiċċat tieħu r-rwol tal-adulta u pprovat tgħin lil ommha kemm jista’ jkun. Hija stqarret li qabel ma ngħatat l-għajnuna psikoloġika meħtieġa, kienet saret qisha tifla u serrħet fuq bintha. “Kull meta kelli ċans kont immur norqod għax kien aktar faċli għalija biex naħrab mir-realtà,” żiedet Annaeva.

    Wara l-10 ġimgħat ta’ terapija hi ħasbet li għaddhiela kollox u li setgħet tkompli b’ħajjitha. Fil-fatt hi reġgħet iżżewġet, din id-darba raġel verament ġenwin tant li rabbew lit-tfal u għadhom flimkien. Hi stqarret li wara l-ewwel żwieġ mimli abbużi, qatt ma ħasbet li setgħet tgħix u tafda raġel ieħor. 

    Wara tant snin ġismi beda jirreaġixxi…

    Ġara li ħames snin ilu Annaeva bdiet tbati minħabba l-passat ikrah tagħha. Wara attakk serju ta’ paniku, it-tabib qalilha li issa ġisimha ddeċieda li joħroġ it-trawma kollha tal-vjolenza domestika li sofriet. “Meta fl-aħħar kelli xogħol tajjeb u għal qalbi, uliedi kibru u bdew jgħixu ħajjithom, spiċċajt kelli nerġa’ nbati. L-attakki ta’ paniku huma serji b’sintomi fejn ma nkunx nista’ nieħu nifs, tibda tgħaġġel ħafna qalbi u anke nintilef minn sensijja,” kompliet din il-vittma. 

    Annaeva qalet kif f’ċerti każi akuti kienet tpoġġi fuq is-sufan rassenjata biex tagħti l-aħħar tislima lill-għeżież tagħha. L-episodji bdew iseħħu kuljum tant li, “ma stajtx immur ix-xogħol u kont nibża’ noħroġ barra. Erġajt bdejt nitwerwer li nsib lill-eks raġel tiegħi ma’ wiċċi. Ma nafx għala kien qed jiġrili hekk, speċjalment wara dawn is-snin kollha,” qalet il-mara.

    Ostberg għamlet sena u nofs ma tiflaħx ħafna. Illum il-ġurnata hija għadha tieħu l-mediċini u bi ftit dieqa tgħid li mingħajrhom żgur li kieku ma tkampax. Annaeva qaltilna kif hemm sitwazzjonijiet fejn titlef il-memorja, mentri f’sitwazzjonijiet oħra terġa’ ġġib quddiem wiċċha x-xeni tal-biża’ (flashbacks) ta’ meta kienet tkun imsawwta mill-eks tagħha. 

    Issa Annaeva taf li dawn l-attakki ta’ paniku mhumiex perikolużi għal ħajjitha, tant li sa ċertu punt drathom. Fil-fatt hi tgħidilna li ġisimha qisu donnu għandu bżonn jirreaġixxi b’dan il-mod biex jipproċessa u jeħles mit-trawma. 

    Il-messaġġ ta’ Ostberg għal dawk in-nisa vittmi ta’ vjolenza domestika f’Malta hu li, “meta l-istint jgħidlek biex taħrab, aħrab. Hemm għajnuna, hemm imħabba u hemm ħajja. Ibqgħu ġġieldu. Jien ili niġġieled għal 25 sena u fl-aħħar irrealizzajt li jien jistħoqqli aħjar u jixraqli aħjar. Jien persuna wkoll u għandi d-dritt li nsemma’ leħni. Għandi d-dritt li nkun irrispettata u għalhekk, anke intom.” 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0