Waterpolo: Intervista ma’ Guillermo Molina

  • Ġun 17, 2019 12:56
  • Miktub minn minn Cris Muscat
"

    Guillermo Molina - meqjus bħala wieħed mill-aqwa players tal-waterpolo fid-dinja fil-mument  qed jilgħab f’pajjiżna ma’ San Ġiljan waqt li fl-Italja jilgħab ma’ Pro Recco.

    Huwa twieled fil-belt Spanjola ta’ Ceuta, fis-16 ta’ Marzu 1984. Jiżen 105 kilogrammi u bi statura partikolari ta’ 1.94 metru.

    Ismu huwa sinonimu mal-waterpolo internaz­zjo­nali hekk kif beda jilgħab dan l-isport ta’ età żgħira ħafna ma’ clubs lokali bħal Ceuta, Club Natacion Caballa u Malaga.

    Hu jgħid li beda jipprattika dan l-isport minħabba tradizzjoni fil-familja. Fil-fatt nannuh Manuel u zijuh Miguel kienu players tal-waterpolo filwaqt li ommu, Maria, kienet tipprattika l-għawm.

    Kollox beda meta nannuh stess kellu f’idu l-pixxina ta’ Ceuta u darba meta kellu biss tliet snin, zijuh u ommu kienu tefgħu lil Guillermo fl-ilma.

    Għall-bidu huwa beka mhux ftit iżda mbagħad meta beda jinnota s-sbuħija tal-ilma u jipprattika l-għawm, l-ilma u Guillermo saru ħbieb kbar.

    Ta’ sitt snin beda jittrenja mal-club tal-lokal sakemm sentejn wara beda jikkompeti fl-ewwel logħob uffiċ­jali fil-kompetizzjonijiet tal-waterpolo ta’ taħt l-10 snin.

    Kien żmien meta Guillermo beda jieħu dan l-isport bis-serjetá filwaqt li beda jispikka fost kulħadd min­ħabba t-tul tiegħu kif ukoll għall-ħeffa li kellu.

    Il-qabża fil-kwalitá għa­milha meta ngħaqad mal-club rinomat ta’ Barcelona fejn hemmhekk beda jirbaħ l-ewwel unuri personali tiegħu.

    Wara staġun ma’ Pescara, irritorna fir-reġjun ta’ Katalunja sakemm il-coach tat-team nazzjonali Spanjol innota l-progress ta’ dan iż-żagħżugħ tant li ġie mgħajjat sabiex jieħu sehem fit-Tazza tad-Dinja tal-waterpolo li kienu saru fl-2001.

    Id-debutt tiegħu kien wieħed feliċi hekk kif rebaħ il-midalja tad-deheb ma’ Spanja.

    Ħa sehem ukoll f’erba’ edizzjonijiet tal-Logħob   Olimpiku bil-kappa ta’ paj­jiżu bl-aħħar waħda tkun is-sena li għaddiet f’Rio de Janeiro.

    Waqt il-logħob ta’ Melbourne fis-sena 2007, ġie magħżul bħala l-aħjar player tat-tournament hekk kif skorja goals importanti għal pajjiżu kif ukoll kellu wirjiet ferm impressjonanti nkluż il-midalja tal-bronż li kien rebaħ.

    Huwa rebaħ ukoll midalja tal-bronż fis-sena 2006 fil-kampjonati Ewropej li saru f’Belgrade filwaqt li akkwista l-midalja tal-fidda fil-Kampjonati Dinjija tal-2009.

    Dan kollu kompla xpruna l-karriera ta’ Guillermo Molina aktar ‘il quddiem meta Brixia Brescia tal-Italja akkwistaw is-servizzi tie­għu.

    Kien staġun perfett għall-player Spanjol meta spiċċa l-aqwa skorer tal-istaġun. U minn hawn li sħabu tat-team tawh il-laqam ta’ ‘Willy’.

    Club Taljan ieħor, Recco baqgħu affaxxinati bil-logħob meraviljuż ta’ Molina, tant li akkwistaw lil dan il-player sabiex jilgħab magħ­­­­hom fl-2008/09.

    Huwa għamel tliet snin magħhom u kien f’dan il-perjodu li ltaqa’ ma’ tfajla minn Genoa bl-isem ta’ Sofia Melella.

    Sofia hija partitarju kbira ta’ Guillermo hekk kif jiddeskriviha bħala persuna li tgħinu u tinkuraġġih ħafna fil-karriera tiegħu.

    Il-karriera ta’ ‘Willy’ kompliet tiżviluppa hekk kif ma’ Pro Recco kompla jirbaħ u jiskorja goals importanti.

    Il-pożizzjoni favorita tiegħu hija dik ta’ attakkant peró kif jgħid hu stess, jekk il-coach jiġi bżonnu x’im­kien ieħor lest li jaqdi l-bżonnijiet tat-team bil-qalb kollha.

    Fl-2016, Molina ħabbar li kien ser jirtira mit-team nazzjonali Spanjol wara kar­riera ta’ 16-il sena. Minkejja li l-federazzjoni Spanjola ħeġġitu sabiex jikkonsidra d-deċiżjoni tiegħu, huwa xtaq jibda kapitlu ġdid f’ħajtu.

    Dan il-player internaz­zjonali qed ikompli l-avventura tiegħu f’Malta ma’ San Ġiljan wara li lura fl-2015 kien ingħaqad għall-ewwel darba magħhom. Fl-2017 hu kien għamel per­jodu jilgħab ukoll ma’ Sliema ASC.

     

    Kif bdejt tilgħab il-waterpolo?

    Tajjeb li ngħid li l-isport tal-baħar huma sinonimu mal-familja Molina min­ħabba li n-nannu u z-ziju tiegħi kienu jilagħbu l-waterpolo fi Spanja.

    Apparti minn hekk ommi kienet tipprattika l-għawm u anke l-canoeing u kien għalhekk li bħal qisu jien kelli nkompli din it-tradiz­zjoni familjari.

    L-ewwel kuntatt li kelli mal-ilma kien xi ftit partikolari. In-nannu Manuel kellu l-pixxina ta’ Ceuta taħt    idejh. Spiss konna nkunu hemm mal-ġenituri tiegħi sabiex nqattgħu ġurnata hemmhekk.

    Darba fost l-oħrajn ommi qabdet u tefgħetni fl-ilma u jien tgħidx kemm bkejt. Kelli tliet snin dak iż-żmien u tista’ tgħid li għall-bidu nħsadt xi ftit. Madankollu dak l-episodju servieni ta’ ġid kbir minħabba li minn hemm bħal qisu bnejt relazzjoni pożittiva mal-ilma u b’hekk bdejt nitrenja l-waterpolo.

     

    Inti kellek esperjenzi sbieħ mat-team nazzjonali Spanjol u fost l-oħrajn riċentement ħadt  sehem ukoll f’tour­nament pres­tiġjuż ...

    Iva, fil-fatt wara li ħadt sehem f’erba’ edizzjonijiet tal-logħob Olimpiku u f’xi kampjonati dinjija u Ew­ropej mat-team nazzjonali Spanjol, kelli l-unur nilgħab f’tournament oriġinali u partikolari li sar fil-belt ta’ Sydney bl-isem ta’ Waterpolo by the Sea.

    Hemmhekk lgħabt mat-team All Stars fejn kont ferm kburi li kont fit-team mal-aqwa players tal-waterpolo fid-dinja.

    Lgħabna kontra t-team nazzjonali Awstraljan, team kumpatt u b’saħħtu u tana battikata kbira hekk kif għandhom players ferm b’saħħithom u veloċi.

     

    Kellimni dwar il-perjodu li lgħabt mat-team nazzjonali ta’ pajjiżek ...

    Ma’ Spanja lgħabt għal madwar 16-il sena u kelli logħbiet ferm pożittivi fejn ħadt sehem f’kampjonati ferm pożittivi.

    Issa bħal qisu qed naħ­sibha li nirtira sabiex nagħti aktar ċans lil xi players żgħażagħ jkollhom esperjenzi internazzjonali.

    L-uniku diżappunt jibqa’ fil-Logħob Olimpiku fejn stajna morna aħjar. Però min­kejja kollox ma jiddis­pjaċinix għax tajt ħafna lil pajjiżi.

     

    X’kienet ir-reazzjoni tie­għek meta kkuntatjawk Pro Recco biex tmur magħ­hom?

    Għall-bidu lanqas ridt nemmen li kienu kkuntatt­jawni Pro Recco u biex ngħidlek il-veritá ħsibt li kienet xi ċajta. Iżda wara ftit indunajt li veru riedu lili u ħassejtni ferħan se ntir.

    Pro Recco huwa wieħed mill-iktar timijiet rinomati fl-Italja fejn rebħu tmien  Euroleagues u sitt Eurocups fost l-oħrajn. U għalhekk ħassejtni ferħan li kont ser nagħmel parti minn club daqshekk prestiġjuż.

     

    Bla dubju li biex wasalt sa dan il-livell kien hemm bżonn ta’ ħafna sagrifiċċji, hux hekk?

    Iva dak dejjem! Biex tkun player tajjeb f’kull sport hemm bżonn ta’ ħafna xogħol, taħriġ u fuq kollox ħafna sagrifiċċji.

    Minkejja kollox dan l-isport tani ħafna sodisfazzjon u għallimni ħafna l-valur tal-onestá speċjalment ma’ sħabi.

    Li rrid ngħid huwa li sħabi jafu fejn qegħdin miegħi minħabba li nikkommunika magħhom bl-iktar mod skjett u nippruvaw nanalizzaw kull logħba li nkunu lgħabna filwaqt li nagħtu kuraġġ lil xulxin kemm fit-tajjeb kif ukoll fil-ħażin.

     

    Kif tqis l-esperjenza li kellek fil-passat riċenti ma’ Sliema ASC?

    Kienet esperjenza sabiħa u pożittiva dik li kelli ma’ Sliema ASC. Meta ingħaqadt magħhom sentejn ilu, kont għadni kemm ġej mir-rebħ tad-double ma’ San Ġiljan u għalhekk bdejt inqis din l-esperjenza bħala waħda eċitanti għax qisu rġajt bdejt mill-bidu. Bħala coach kellna lir-Rumen Bogdan Rath li kont diġá nzertajt nafu.

    B’xorti ħażina mhux dej­jem lgħabna tajjeb fil-logħbiet deċiżivi u niftakar li San Ġiljan kellhom team verament b’saħħtu tant li rebħu l-kampjonat b’mod meritat.

     

    Matul dan l-istaġun qed tirritorna ma’ San Ġiljan. Kif qed tħossok li se terġa’ tilbes il-kappa ta’ dan it-team?

    L-ewwelnett nixtieq nirringrazzja lill-membri ko­llha tal-kumitat immexxija mill-president, Daniel Aquilina, li reġgħu wrew fiduċja fija.

    Jien aċċettajt bil-qalb kol­lha u nixtieq nikkontribwixxi għall-progress tat-team. Ninsab kuntent li miegħi fit-team hemm Niksa Dobud u flimkien mal-players sħabi, ninsab fiduċjuż li ser ikollna staġun pożittiv.

     

    Taħseb li għandkom ċans tirbħu l-kampjonat jew tara lil Neptunes li huma wisq b’saħħithom?

    Issa naraw fejn ser naslu! Fil-veritá diġá kellna ċ-ċans niltaqgħu ma’ Neptunes fit-Tazza tal-President u konna sfortunati li tlifna bl-għoti tal-penalties wara li ż-żewġ timijiet lagħbu logħba f’bi­lanċ assolut.

    Mhux ta’ b’xejn li l-logħba spiċċat fi draw. Nemmen li ser inkunu hemm sal-aħħar u li l-kampjonat ser ikun wieħed ferm kumbattut.

     

    X’tak u x’ħadlek il-waterpolo matul ħajtek s’issa?

    Bil-waterpolo għamilt ħafna ħbieb u sirt naf ħafna nies. Kelli ċ-ċans nivjaġġa f’diversi pajjiżi fejn għamilt esperjenzi ġodda.

    Forsi l-uniku diżappunt personali tiegħi huwa dak li ma komplejtx l-istudji tiegħi minħabba li tajt importanza kbira lil dan l-isport.

    Minkejja kollox kieku kelli npoġġi fuq miżien dan kollu, ngħid li l-waterpolo tani ħafna mumenti sbieħ matul ħajti.

     

    Kellimni dwar it-tip ta’ ikel li player tal-waterpolo normalment jiekol.

    Normalment, player tal-waterpolo jiekol ikel sus­tanzjuż u li hu tajjeb għas-saħħa mingħajr xaħam żejjed.

    Min-naħa tiegħi jien naq­qast xi ftit il-porzjon tiegħi minħabba li issa m’għadnix ta’ 20 sena.

     

    Kemm tkun viċin tie­għek il-familja speċjalment meta tkun ġejja xi kompetizzjoni importanti?

    Il-familja tiegħi tagħtini ħafna kuraġġ b’mod partikolari l-mara tiegħi Sofia li ssegwini f’kull logħba li nil­għab.

    Nista’ nqisha bħala l-partitarju  numru wieħed tie­għi.

    Imbagħad hemm it-tfal li jagħmluni ferm kburi li jien missier apparti li lili jarawni bħala mudell li forsi jistgħu jimitaw aktar ‘il quddiem.

    Inqishom bħala l-mutur ta’ ħajti fejn jagħtuni ħafna enerġija milli għandhom.Huma jieħdu pjaċir ħafna jarawni nilgħab u jien meta jkolli ċ-ċans mhux darba jew tnejn li nispiċċaw nilagħbu xi logħba x’imkien ukoll.

     

    Liema kien l-iktar player avversarju diffiċli li ltqajt miegħu?

    Bħala avversarji  diffiċli kelli tnejn -  Filip Filipovic tas-Serbja u Gergely Kiss tal-Ungerija.

    It-tnejn huma protagonisti fit-team nazzjonali ta’ pajjiżhom kif ukoll fuq livell ta’ club. Meta lgħabt kontrihom xejn  ma kienet faċli għax dawn il-players ma jaqtgħu qalbhom qatt.

    Wara kollox dawn il-players jispirawni biex jien inkompli nitjieb u nżid il-livell tiegħi.

     

    Liema hija l-iktar partita li tibqa’ tiftakar matul ħajtek kollha?

    L-isbaħ partita li bqajt ngħożż f’qalbi seħħet fis-sena 2007 fil-logħob ta’ Melbourne meta konna rbaħna midalja tal-bronż u eventwalment it-tielet post.

    Niftakar li lgħabna kontra s-Serbja, team ferm b’saħ­ħtu dak iż-żmien, u wara skor ta’ 8-8 fil-ħin normali kellna mmorru għal-lotterija tal-penalties. Wara 10 penalties kull wieħed, irnexxielna noħorġu reb­bieħa bl-iskor ta’ 9-8.

     

    U l-iktar mument diffiċli tal-karriera tiegħek?

    Bla dubju, li l-iktar mument diffiċli kien meta ħadna sehem fil-logħob ta’ Ruma fis-sena 2009.

    Għal darb’oħra konna lgħabna kontra s-Serbja u din id-darba rebħulna bl-iskor ta’ 14-13. Kienet logħba ferm akkanita u konna ferm sfortunati li ma ħadna xejn minn dik il-partita. Id-diżappunt wara l-logħba kien wieħed kbir.

     

    X’tagħmel meta ma tkunx qed tilgħab il-waterpolo?

    Il-passatemp favorit tie­għi huwa l-qari fejn meta jkolli ċans noqgħod naqra xi ktieb partikolari. Imbagħad inħobb nara xi film kif ukoll nilgħab xi video game mat-tfal tiegħi. Nagħmel x’nagħ­mel, l-importanti li nirrilassa.

     

    X’messaġġ tixtieq tgħad­di lill-partitarji ta’ San Ġil­jan?

    L-ewwelnett nixtieq nirringrazzjahom talli sibnihom hemm anke f’din l-ewwel partita li fetħet l-istaġun kontra Neptunes.

    Inħeġġiġhom jibqgħu jagħtuna s-sapport għax lilna l-players jagħmlulna kuraġġ kbir.

    Aħna se nwiegħduhom li ser nagħmlu li nistgħu sabiex nirbħu l-kampjonat tas-sajf.

     

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0