Support groups għall-koppji f’każ ta’ korriment, abort u l-proċess ta’ IVF

  • Ġun 17, 2019 14:03
  • Miktub minn Maria Azzopardi
"

    It-telf ta’ tarbija huwa rikonoxxut bħala avveniment trawmatiku tal-ħajja. Ħafna drabi koppji li jitilfu t-tfal minħabba korriment ikunu rrabjati bit-telf tat-trabi tagħhom u jista’ jkun iħossu li s-soċjetà ma tifhimx biżżejjed minn xiex jgħaddu. Minflok jirċievu l-għajnuna li għandhom bżonn ħafna jgħidu lil dawn il-koppji “erġa’ pprova” jew “imxi ‘l quddiem”. Pero dawn il-koppji għandhom bżonn lil min jismagħhom u joffrilhom is-sapport meħtieġ speċjalment f’dan il-perjodu. 

    Għal din ir-raġuni, il-Counsellor Matthew Bartolo spjega lil dan il-ġurnal kif Dar Ġużeppa Debono se tkun qed torganizza support groups fejn professjonijiet mill-Willingness Team se jkunu qed joffru s-servizz tagħhom għal min għadda minn xi tip ta’ korriment filwaqt li jedukaw lis-soċjetà kif għandha tirreaġixxi f’każ ta’ korriment, abort u l-proċess ta’ ivf. Dan il-proġett ġie ffinanzjat permezz tal-Iskema ta' Proġetti ta' Organizzazzjonijiet Volontarji ġestita mill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju f'isem is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Organizzazzjonijiet Volontarji fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Impjiegi.

    Mir-riċerka internazzjonali, Bartolo spjega li bejn 10-15% tat-tqala tispiċċa f’korriment. Huwa qal li ħafna drabi bħala professjonisti jgħidu lill-koppji biex ma jgħidu lil ħadd fl-ewwel tliet xhur li huma qed jistennew wild għax f’dan il-perjodu hemm ċans kbir ta’ korriment. B’dan il-mod wieħed ikun bħal qisu jiffranka milli joqgħod jgħid pero toħloq problemi kbar f’każ li tassew iseħħ korriment. Meta ngħixu f’soċjetà li ma titkellimx, dik tkun qed iċċaħħad lill-koppja milli jkunu jistgħu jaqsmu d-dulur tagħhom ma’ ħaddiehor.

    Ngħixu ukoll f’soċjetà fejn ħafna drabi l-ġenituri tal-koppji jibdew jistaqsu meta se jagħmluhom nanniet. Bartolo spjega li b’dan il-mod, “Din qed tkompli tkabbar il-weġgħa jekk koppja tkun għaddiet minn korriment u ma tkellmitx fuqu. Importanti ħafna li nifmhu li l-koppji huma stess jitkellmu fuq hekk u m’hemmx bżonn li nfakruhom jew noħolqu pressjoni bla bżonn. Wara kollox ma nafux dawn il-koppji minn xix għaddejjin.”

    Bartolo qal li tkun xi tkun il-kaġun tat-telfa, il-koppja għandha bżonn kbir ta’ sapport u li dawn iħossuhom parti mill-komunità. Bħal kull telfa oħra wieħed jista’ jgħaddi minn diversi stadji - rabja, diżappunt, dwejjaq u sens ta’ ħtija, fost oħrajn. Il-koppji jistgħu jibdew isaqsu jekk setgħux għamlu xi ħaġa differenti jew jekk għamlux xi ħaġa huma li wassal għal din it-telfa. Bartolo qal li huwa importanti li l-koppja titkellem flimkien u jkunu ta’ sapport. Fil-fatt, huwa qal li r-riċerka turi li meta koppja titkellem dwar it-telfa fl-istess ħin tkun qed tqarreb lill-koppja flimkien. Dan jista’ jkun ukoll għax hemm ċans kbir li jindunaw li dak li qed iħossu huwa simili għal dak li qed tħoss il-persuna l-oħra u b’hekk jistgħu jgħixu dan in-niket flimkien.

    Bartolo spjega li dan il-proġett jismu 3 loses għax jinkludi ukoll koppji li esperjenzaw abort jew ivf. Bħalma nafu li hemm diversi fatturi għalfejn koppja tagħżel biex tagħmel abort - min minħabba raġunijiet mediċi, min minħabba pressjoni ta’ nies, min iħoss li mhux l-aħjar żmien u l-lista tkompli. Bartolo spjega li tkun xi tkun ir-raġuni, il-persuna u t-tip ta’ abort jistgħu joħolqu reazzjonijiet differenti. Huwa qal li jkun hemm min wara jħoss il-bżonn li jitkellem fuqu u minn xix għaddiet imma dan jista’ jkun diffiċli f’soċjetà li dan is-suġġett għadu f’xi waqtiet ikkunsidrat bħala taboo. Hemm min jibda saħansitra jiddubita jekk jistax jerġa’ jinqabad tqil wara li jkun għamel abort. Bartolo qal, “Dawn ir-reazzjonijiet huma normali li wieħed jesperjenzahom u għalhekk qed noffru dan l-ispazju fejn b’mod kunfidenzjali għall-aħħar il-koppji jistgħu jiġu biex jitkellmu minn dak li għaddew minnhu.”

    L-aħħar pilastru li Willingness Team jixtieq jitkellem dwaru f’wieħed mis-support group huwa l-proċess tal-ivf. Bartolo spjega li wieħed m’għandux jinsa li l-ivf innifsu huwa proċess li joħloq ħafna pressjoni u tensjoni bejn il-koppja. “Dan il-proċess jiġi fil-ħajja tal-koppja wara xhur u snin ta’ diżappunti. Aħna l-umani niħduha forgranted li kollha kemm aħna fertili. Nagħmlu l-maġġor parti ta’ ħajjitna nevitaw milli ninqabdu tqal imma mbagħad jiġi l-punt fejn inkunu nixtiequ li jkollna tfal. Hemm min jinqabad tqil mill-ewwel imma hemm min idum bejn sena u sentejn biex dan isir,” qal Bartolo.

    Għal din ir-raġuni, il-koppji jibdew jinkwetaw u jsaqsu jekk dan hux normali. Kultant meta jmorru għand speċjalista r-risposta tkun li mhumiex fertili jew ma jistgħux ikollhom tfal b’mod normali. Dan huwa ta’ diżappunt għall-koppja u minn hemm jistgħu jagħżlu li jibdew il-proċess tal-ivf. Minn hemm isiru ħafna testijiet u diskussjonijiet mat-tobba u Bartolo qal li jkun hemm koppji li din hija xi ħaġa invażiva u għalhekk huwa importanti li l-koppji jkollhom l-għajnuna.

    Dawn is-sessjonijiet huma miftuħa għan-nies li għaddejjin jew jixtiequ jibdew l-ivf u dawk il-koppji li għaddew minn korriment. Dawn se jibdew fis-6 ta’ Lulju. Se jkun hemm ukoll sessjonijiet għall-koppji li għaddew minn abort u jħossu li jixtiequ jitkellmu fuqu. Kull min hu interessat huwa mitlub iċempel fuq 79291817 u jgħidu li jixtiequ jużaw is-servizz tal-proġett 3 loses.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0