Owen Bonnici: “Mhux se nilagħbu 'Russian roulette' bil-ġustizzja”

  • Ġun 17, 2019 19:50
  • Miktub minn iNews
"

    Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici iddikjara fil-Parlament li l-Gvern mhux se jilgħab 'Russian roulette' bis-sistema ġudizzjarja ta' pajjiżna.

    Huwa rrimarka dan fi tmiem is-seduta li fiha ġie diskuss l-abbozz ta' liġi li jaħseb għat-twaqqif tal-Avukat tal-Istat.

    Fil-preżent l-Avukat Ġenerali għandu żewġ rwoli, dak ta' prosekutur kif ukoll ta' avukat tal-Gvern, imma din il-liġi qed tipproponi li dawn l-irwoli jinqasmu.

    Dan ikun ifisser li l-Avukat Ġenerali jżomm ir-rwol ta' prosekutur u jressaq akkużi dwar ksur tal-liġi mentri se jinħatar l-Avukat tal-Istat biex jagħti pariri lill-Gvern tal-ġurnata.

    Bonnici iddeskriva din il-liġi bħala l-iktar waħda importanti li se tkun għaddiet fejn tidħol il-ġustizzja kriminali f'din il-ġenerazzjoni.

    Huwa irrefera għall-kritika tal-Oppożizzjoni talli l-Avukat tal-Istat mhux se jinħatar biż-żewġ terzi tal-Parlament billi qal li ħlief għall-Ungerija m'hemmx pajjiżi oħra li l-ħatra ssir b'dan il-mod.

    Bonnici semma kif hemm pajjiżi fejn saħansitra l-Avukat Ġenerali huwa membru ta' kabinett jew ta' parlament.

    Il-Ministru għall-Ġustizzja sostna li lanqas m'hu vera li se jkun l-Avukat Ġenerali biss li jiddeċiedi jieħux passi kontra xi ħadd għax hemm il-proċedura ta' sfida fejn persuna tista' titlob maġistrat biex il-Pulizija tieħu passi kontra xi ħadd u dan id-dritt se jibqa'.

    Dwar il-ħatra tal-Avukat tal-Istat insista li dan se jsir wara sejħa pubblika u l-Prim Ministru jista' jagħżel wara parir mill-bord tal-esperti.

    Huwa ċaħad li din il-liġi tmur kontra s-saltna tad-dritt u sostna li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ma jafx x'inhu jgħid.

    Bonnici semma wkoll kif Delia daqqa jgħix li l-Avukat Ġenerali għandu ħafna poter u daqqa jrid li jkollu iktar fejn dwar il-proposta li jkun l-istess Avukat Ġenerali li jmexxi l-inkjesti fost il-maġistrat għamilha ċara li din il-proposta hemm bżonn nistudjawha f'aktar dettall.

    Dwar l-inkjesti Bonnici saħaq li dak li hemm bżonn huwa li jitlestew iktar malajr u kellu kliem ta' kritika lejn ċertu esperti li jitqabbdu mill-maġistrati għax idumu ma jlestu r-rapporti tagħhom.

    Huwa żied li mhux possibbli li s-suġġerimenti kollha tal-Kummissjoni Venezja jgħaddu f'liġi waħda u kien f'dan il-mument li saħaq li ma jridx jilgħab Russian roulette bis-sistema ġudizzjarja.

    Bonnici semma wkoll kif il-politiku Olandiż Peter Omtzigt ma qabilx mal-eks-Kap tal-PN Simon Busuttil li l-abbozz huwa anti-Ewropew għalkemm żied li ma jaqbilx miegħu meta qal li dan mhux suffiċjenti.

    Il-Ministru tal-Ġustizzja żied li r-riformi li qed iressaq il-Gvern ilhom biex isiru ġenerazzjonijiet sħaħ u semma kif hemm forzi konservattivi li ma jridux il-bidla li jrid jagħmel il-Gvern.

    Dwar jekk l-Avukat Ġenerali għandux jibqa' jmexxi l-FIAU, Bonnici sostna li huwa lest jiddiskuti dan wara li l-Avukat Ġenerali Peter Grech ikun se jispiċċa mill-kariga għax waqt li għandu s-'security of tenure' aktarx li ħaddieħor ma jkollux.

    Fi tmiem id-diskors tiegħu Bonnici insista li din il-liġi se twassal biex wara 100 sena se jkollna riforma importanti fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

    Qabel għalaq id-diskussjoni l-Ministru tal-Ġustizzja tkellmu wkoll id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għall-Intern u s-Sigurta Nazzjonali Michael Farrugia.

    Fearne għadda botta lejn l-Oppożizzjoni fejn sostna li qabel titkellem fuq is-saltna tad-dritt fil-pajjiż trid timxi l-istess fi ħdanha għax għalkemm il-kap kien elett demokratikament hemm min irid ineħħih u dan ifisser li wkoll qed tiġi imminata s-saltna tad-dritt.

    Min-naħa tiegħu, Farrugia qal li fir-rapport tagħha l-Kummissjoni Venezja ma qalitx li kien hemm xi liġi li ressaq dan il-Gvern u li kienet ħażina imma sostniet li hemm liġijiet antiki li hemm bżonn jiġu modernizzati kemm jista' jkun malajr.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0