L-Iskema tax-Xogħol fil-Komunità ta' “valur għall-flus”

  • Ġun 17, 2019 20:08
  • Miktub minn iNews
"

    L-Awditur Ġenerali iddeskriva l-Iskema tax-Xogħol fil-Komunità bħala waħda “ekonomikament vijabbli” u li għandha “valur għall-flus”.

    Din kienet il-konklużjoni ewlenija tiegħu fl-inkjesta li ħejja dwarha u li għaddiha lill-Ispijker tal-Parlament fis-seduta tat-Tnejn.

    L-imsemmija skema kienet inizjattiva marbuta mas-suq tax-xogħol u li daħlet fis-seħħ primarjament sabiex ittejjeb l-opportunitajiet ta’ impjieg għall-persuni żvantaġġati fis-soċjetà.

    Fir-rapport tiegħu, l-Awditur Ġenerali jirrikonoxxi li din l-iskema tiffaċċja sitwazzjoni diffiċli minħabba ċ-cirkostanzi soċjali ta’ dawn il-persuni madankollu jgħid li għalkemm kien hemm diversi riskji assoċjati magħha xorta sab li kienet ekonomikament vijabbli anke jekk l-implementazzjoni wasslet għal riżultati varji. 

    Huwa jsemmi kif bejn l-2016 u l-2018 il-Gvern nefaq aktar minn €30 miljun (VAT inkluż) fuq din l-iskema u sa Settembru 2018 kien hemm 839 persuna impjegati ma’ diversi entitajiet bi skopijiet soċjali.

    Dawn l-entitajiet jinkludu kunsilli lokali, skejjel u għaqdiet volontarji u f’dan ir-rigward, sar ftehim ta’ konċessjoni bejn il-Jobsplus u l-Community Work Scheme Enterprise (CWSE) Foundation fejn, fost l-oħrajn, ġie stabbilit il-qafas operattiv tal-iskema. 

    L-Awditur semma kif l-investigazzjoni li għamel ikkonkludiet li din l-iskema “issodisfat prinċipji ewlenin ta’ valur għall-flus fil-kuntest tal-vijabilita ekonomika tagħha”.

    L-għażla fir-rigward tal-immaniġġjar u l-operat tal-iskema kienet ibbażata fuq l-orħos offerta wara l-ħruġ ta’ sejħa għall-offerti waqt li l-analiżi dwar il-'cost benefit' tagħha wera kif il-vijabbilita tal-iskema hija dipendenti fuq il-livelli ta’ produttività milħuqa. 

    “L-iskema issodisfatt ukoll kriterji makroekonomiċi fejn l-impjiegi ġġenerati mill-iskema ikkontribwixxew għal żieda fil-finanzi tal-Gvern u tkabbir ekonomiku”. 

    Huwa jsemmi kif f'xi drabi l-ftehim ta’ konċessjoni ma kienx dettaljat biżżejjed sabiex iservi bħala l-punt ta’ referenza f’każi ta’ diżgwid u bħala eżempji f’dan ir-rigward jġib aspetti relatati ma’ x’inhu mistenni mill-operatur, il-kriterji ta’ eliġibiltà u t-taħriġ li għandu jingħata lill-parteċipanti tal-iskema. 

    L-Awditur jirrimarka li l-ftehim ma jinkludix ukoll klawsoli dwar kunflitti ta’ interess kif ukoll proviżjonijiet dwar penali u inċentivi. 

    L-inkjesta ssemmi kif 'employability audits' li saru mill-CWSE Foundation urew kif il-839 parteċipant ġew allokati f’diversi entitatjiet skont id-diversi kompetenzi tagħhom għalkemm madwar 9% tal-parteċipanti daħlu fl-iskema permezz ta’ kriterju ġenerali fejn il-Jobsplus setgħet tirreferi persuni addizzjonali fl-iskema.

    S’issa t-taħriġ mogħti lill-parteċipanti mill-fondazzjoni kien minimu u minbarra hekk il-bażi tal-kuntratti bejn il-fondazzjoni u d-diversi entitajiet ma kinietx dejjem standardizzata bil-konsegwenza li l-kundizzjonijiet tax-xogħol ma kienux għal kollox ugwali. 

    L-Awditur iżid li l-materjalità tal-investiment f’din l-iskema jagħmel il-monitoraġġ tagħha wieħed kritiku u jsemmi kif minħabba nuqqas ta’ riżorsi il-Jobsplus m’għandhiex strutturi adegwati sabiex tagħmel analiżi u monitoraġġ iktar fil-fond. 

    Huwa jkompli li kemm il-fondazzjoni kif ukoll l-entitajiet soċjali ma ngħatawx indikaturi biex jiggwidahom fl-implementazzjoni u jsegwu l-andament tal-iskema. 

    L-Awditur iżid li l-monitoraġġ tal-livelli ta’ produttività mill-ħaddiema li jagħmlu parti minn din l-Iskema huwa ibbażat fuq natura suġġettiva u fuq l-esperjenza tal-uffiċjali fl-entitajiet soċjali.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0