Intervista ma’ Matthew Zammit

  • Ġun 18, 2019 14:27
  • Miktub minn minn Cris Muscat
"

    Matthew Zammit, iktar magħruf bħala ‘Ix-Xellugi’, bla dubju huwa wieħed mill-aqwa players li ppro­duċa l-waterpolo lokali.

    Tant hu hekk li fil-passat riċenti ġie vvutat bħala l-ASA Player tas-Sena matul l-istaġun li għadda, waqt li f’numru ta’ tournaments li ħa sehem fihom mat-team nazzjonali, ġie vvutat bħala l-Most Valuable Player (MVP), kif ukoll kien l-Aqwa Skorer.

    Huwa player indispensabbli kemm ma’ San Ġiljan li jirrappreżenta lil raħal twelidu u fejn  jgħix, kif ukoll mat-team nazzjonali Malti.

     

    Għaliex għażilt il-waterpolo fost numru ta’ sport ieħor?

    Meta kont għadni żgħir kont nilgħab il-basketball. Ta’ 15-il sena qbadt ukoll il-waterpolo. Meta wasal iż-żmien li kelli nagħżel liema sport kont se nkompli fih, iddeċidejt li nagħżel il-waterpolo.

    Dan għaliex il-waterpolo jogħġobni għax narah sport iktar diffiċli mill-basketball u l-karattru tiegħi huwa li fejn nara xi ħaġa diffiċli iktar nidħol għalija b’ruħi u ġismi.

    Dan minbarra li l-logħba tal-waterpolo hija isbaħ u hija segwita aktar mill-basketball.

     

    X’taħseb fuq is-sistema tal-play-offs tas-sena li għad­diet?

    Is-sistema tal-play-offs tista’ taħdem favur jew kontra kull team li jieħu sehem fil-kompetizzjoni.

    Li ma naqbilx magħha huwa li f’Malta mhux bħall-kampjonat Taljan. Kulma qegħdin sitt timijiet fil-Premier, jiġiferi dejjem se tilgħab kontra l-istess avversarji.

    It-timijiet li huma ftit iktar batuti, jibqgħu biċ-ċans li jistgħu jirbħu il-kampjonat - għaliex? Għax minn dawk il-logħbiet kollha li jintlagħbu matul il-kampjonat, erbgħa biss jgħoddu għas-semi-fi­nali u għall-finali.

    Biex inkun onest ma naq­bilx magħha, però qiegħda hemm għax il-clubs ivvutaw favur tagħha u b’hekk irridu nilagħbu b’dik is-sistema.

     

    Kemm kien id-diżappunt li San Ġiljan ma rbaħtux il-Kampjonat tas-Sajf?

    Id-diżappunt kien wieħed kbir, għaliex għamilna sta­ġun sħiħ mingħajr telfa, għamilna staġun sħiħ f’livell għoli .... ikrollajna fejn ma kellniex nikkrollaw ... u tlifna l-kampjonat.

    Ovvjamnet, ma rridx inneħ­ħi mill-mertu ta’ Neptunes. L-aqwa team fil-ġur­nata rebaħ.

     

    Però mbagħad irbaħtu n-Knock-out b’goal fl-aħħar sekonda ta’ Ben Plumpton...

    Rigward in-Knock-Out, iva ... pattejna għad-diżap­punt tat-telf tal-kampjonat.

    Minkejja li l-moral kien kemmxejn baxx ... urejna ka­rattru ... iġġilidna sal-aħħar ... u rbaħna n-knock-out.

     

    X’tiikkummenta fuq ir-rebħ tal-Enemed Cup matul Marzu li ghadda?

    L-Enemed Cup inqisha bħala tazza fejn trid tipprepara għall-Kampjonat tax-Xitwa.

    Togħġobni li ssir għax naraw ħafna żgħażagħ fl-azzjoni ... li fiż-żewġ kampjonati ... dak tas-sajf u tax-xitwa ma tantx narawhom ħafna.

    Iva, irbaħniha t-tieni darba u konna kuntenti - wara kollox kull tazza li jkun għad-dispożizzjoni kulħadd jipprova jirbaħha.

     

    Però mbaghad fallejtu milli terġgħu tirbħu l-Kampjonat tax-Xitwa hekk kif sfajtu eliminati minn Sliema fis-semi-finali. X’mar ħażin hawnhekk?

    Iva, il-Kampjonat tax-Xitwa tlifnieh. Forsi minħabba nuqqas ta’ konċentrazzjoni tagħna l- players.

    Meta wieħed jinżel jilgħab u ma jkunx konċentrat fuq dak li jkun qed jagħmel, isib ruħu f’diffikultà u jitlef dak kollu li jkun ittrenja għalih matul il-ġimgħa.

    Fil-ġurnata, Sliema, kienu aħjar minna, rebħulna u kien jimmeritahom. Prosit lilhom kif ukoll lil Neptunes li rebħu l-Kampjonat tax-Xitwa.

    Din kienet play-off oħra fejn bħala San Ġiljan ma konniex lesti għaliha. Kif beda l-Kampjonat tax-Xitwa ma tlifniex logħba u tlifna fil-mument tal-play-offs. Fi ftit kliem, il-play-offs mhumiex favorevoli għalina! 

     

    Player tal-kalibru tiegħek ġieli kkunsidrajt li tmur tilgħab barra mill-pajjiż. Ftit tas-snin ilu kellek esperjenza  qasira ma’ Partizan Belgrade fis-Serbja. Kif tfisser din l-istess esperjenza u għaliex kienet daqstant qasira?

    Iva, ġieli ħsibt li mmur nilgħab barra mimn Malta kif diġà għamilt fl-Italja, però bix-xogħol li għandi nsibha diffiċli ħafna biex naqbad u mmur nilgħab barra minn Malta.

    Kienet esperjenza qasira.Dan għaliex ma kinitx vijabbi għalija personali li noqgħod ’il bogħod minn dahri għall-affarijiet li bdejt nirċievi.

     

    Matthew Zammit huwa magħruf għax-xutt li ma jaħfirx bix-xellug. Iżda hu­wa juża biss idejh ix-xellu­gija għax-xuttijiet tiegħu. Kemm tuża dik leminija għal ċerti xuttijiet?

    Iva, kif jaf kulħadd jien xellugi u nixxuttja biss bix-xellug. Il-lemin nużaha biss biex inqassam pass fil-viċin!

     

    X’tikkummenta fuq ir-ri­żultati mill-aqwa li kellkom bħala team nazzjonali fl-aħħar xhur?

    Ir-riżultati tat-team naz­zjonali kienu pożittivi għal ħafna raġunijiet. Dan għaliex ittrenjajna b’serjetà kbira għax konna nittrenjaw fis-6.00 am u filgħaxija wkoll kważi darbtejn kuljum.

    Konna grupp tajjeb ħafna u qbilna flimkien. Meta jkollok players ta’ċertu kalibru li jaqblu flimkien ma tistax ma ġġibx riżultati tajbin, u sa­ħan­sitra kellna lill-coach Karl Izzo li mexxiena fit-triq it-tajba wkoll.

     

    F’uħud minn dawn it-tournaments li kontu nvoluti fihom bħala team naz­zjonali int ġejt ivvutat bħala l-Most Valuable Player (MVP). X’ifissru għalik dawn l-unuri personali?

    Iva, kif qed tgħid tajjeb int, f’dawn it-tournaments irbaħt l-unuri personali tal-MVP kif ukoll tal-aqwa skorer.

    Ovvjament, kont sodisfatt ħafna - kuntent għalija nnifsi għax meta wieħed jirbaħ xi ħaġa mat-team nazzjonali, dejjem tkun xi ħaġa sabiħa.

    Però, irbaħt ukoll għax il-players li kelli miegħi għenuni ħafna biex nirbaħ dan it-titlu għall-fatt li lgħab­na bħala team u minn hawnhekk nixtieq nirringrazzja­hom.

     

    U ladarba qegħdin insemmu unuri personali ma nistgħux ma nsemmux l-unur ferm prestiġjuż tal-ASA Player tas-Sena li rbaħt ftit tas-snin ilu. U dan għal­kemm int kont tilgħab f’team (San Ġiljan), li kuntrarju għas-sena ta’ qabel inqata’ kmieni mit-tiġrija għar-rebħ tal-kampjonat li finalmnet intre­baħ mill-ġirien Neptunes. X’fisser għalik dan l-unur personali?

    Meta rbaħt l-unur tal-Player tas-Sena, is-sena l-oħ­ra, kont sorpriż ħafna għax kif għidt int, aħna konna maqtugħin mit-tiġrija għar-rebħ tal-kampjonat kmieni ħafna.

    Però, bqajt nemmen fija nnifsi li dejjem stajt nagħti iktar fuq livell personali. Għalkemm ma kellniex ċans li nirbħu l-kampjonat xorta bqajt nilgħab bil-qalb u b’sagrifiċċju .... irrid nirringrazzja lill-coaches kollha li vvutawli biex irbaħt l-unur tal-Aqwa Player tas-Sena.

     

    X’inhi r-relazzjoni tie­għek mal-coach tat-team nazzjonali Karl Izzo u dan kif għenek matul il-karriera tiegħek s’issa?

    Ir-relazzjoni tiegħi ma’ Karl Izzo hija waħda tajba ħafna għax għalkemm Karl huwa l-coach tiegħi, lil Karl nista’ niddeskrivieh ukoll bħala ħija l-kbir, għalkemm fil-pixxina l-affarijiet ikunu differenti minħabba l-lat professjonali tal-logħba tal-waterpolo.

    Għandi rispett kbir lejn Karl Izzo għax mhux biss huwa ħabib tiegħi iżda wkoll kien dak il-bniedem li meta kelli 15-il sena kien “iġenin­ni” biex ninżel nittrenja l-waterpolo.

    Dak iż-żmien Karl kien għadu jilgħab ma’ San Ġiljan fit-Tieni Diviżjoni. Nixtieq minn hawn nirringrazzjah ta’ dak kollu li għamel mie­għi.

     

    .... u r-relazzjoni tiegħek mal-president ta’ San Giljan, Daniel Aquilina?

    Daniel Aquilina kien bniedem ieħor li għeni u għallimni ħafna u ħa ħafna paċenzja bija.

    Li kieku kien president ieħor naħseb li ma kienx jieħu paċenzja bija daqshekk wara li ġara fil-passat. Però, Daniel huwa bniedem ġent­lom ħafna u naħseb li r-relazzjoni tiegħi miegħu hija waħda pożittiva ferm.

     

    Taħseb li f’Malta hemm bżonn li tinbena indoor pool?

    Iva, hemm bżonn ta’ indoor pool. Dan għaliex fix-xitwa nkunu nistgħu nipprattikaw l-isport tagħna bil-qalb u mhux qisna sejrin għall-qatla meta jkollna t-taħriġ f’Jannar f’dik ix-xita, kesħa u maltemp.

     

    Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-logħba tal-waterpolo kemm ma’ San Ġiljan kif ukoll mat-team nazzjonali tal-waterpolo?

    Qed inħares lejn il-futur tiegħi b’pożittività kbira. Dan għaliex meta nħares madwari, dejjem qed nara players tajbin ħafna telgħin, kemm ma’ San Ġiljan, kif ukoll mat-team nazzjonali tal-waterpolo.

     

    Jekk xi club ieħor jagħ­millek offerta sabiħa biex tħalli lil San Ġiljan u tin­għaqad miegħu, tikkunsidra li tħalli lill-club pre­żenti?

    San Ġiljan twelidt u San Ġiljan immut! San Ġiljan sal-aħħar!

     

    Tista’ tgħaddi messaġġ lil dawk iż-żagħżagħ li jixtiequ jagħmlu karriera fil-waterpolo?

    Il-messaġġ tiegħi huwa dak li ma tħallu lil ħadd jagħżel l-isport għalikom iżda kunu intom li tagħżlu.

    Ipprattikaw kull sport li tistgħu sa minn età żgħira, imbagħad se tiġu f’ċertu età li tridu tagħżlu. Għal dawk it-tfal kollha li jaħsbu li l-logħba tal-waterpolo hija logħba diffiċli sejrin żball.

    Hija diffiċli biss jekk ma tkunux dedikati, però jekk tagħmlu is-sagrifiċċji meħ­tieġa u titħarrġu b’serjetà ... issir xi ħaġa faċli.

    Illum ħafna clubs tal-waterpolo qegħdin jagħmlu parti wkoll minn skejjel tal-għawm, jiġifieri, għal dawk kollha li jaħsbu li ma jafux jgħumu, nissuġġerilhom jibdew jagħmlu parti minn xi waħda minn dawn l-iskejjel.

    L-iskola imbagħad b’mod gradwali tibdat ressaq lil kull individwu konċernat lejn il-logħba sabiħa tal-waterpolo.

    Illum il-ġurnata kulħadd moħħu fil-football, però kif kulħadd jaf il-football jekk ma tkunx player tajjeb hija diffiċli biex tilgħab.

    Fil-waterpolo jilagħbu biss seba’ players fl-ilma u mhux is-seba’ players ikunu jifilħu jilagħbu logħba sħiħa. Għaldaqstant il-players ta’ riserva għandhom iktar ċans jilagħbu mil-logħba tal-football.

    Ittrenjaw biex tilagħbu u mhux titrennjaw biex tgħidu qegħdin tagħmlu xi ħaġa!

     

     

     

     

                       

     

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0