IS-SUĊĊESS FIL-QASAM EKONOMIKU DOVUT GĦAD-DJALOGU SOĊJALI

  • Ġun 18, 2019 16:56
  • Miktub minn Claudio Coleiro
"

    Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU) Josef Bugeja qal li s-suċċess li qed jikseb pajjiżna fil-qasam ekonomiku huwa dovut għad-djalogu soċjali li jeżisti li permezz tiegħu qed jiġu implimentati numru ta’ miżuri. 

    Huwa saħaq iżda li fejn jidħol l-impjieg prekarju, għalkemm sar ħafna xogħol, għadna ma lħaqniex l-għan tagħna li nwessgħu l-prinċipju tal-“equal pay for job of equal value” li jkopri l-impjegati li jkunu qed iwettqu l-istess impjieg fl-istess post tax-xogħol imma li jkunu mħallsa b’mod differenti minħabba li wieħed ikun impjegat direttament u l-ieħor ikun impjegat minn kuntrattur. 

    Dan qalu waqt li kien qed jindirizza l-konferenza annwali ta’ livell għoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO) f’isem il-ħaddiema Maltin f’Ġinevra, l-Iżvizzera, fl-okkażjoni tal-100 sena mill-ħolqien tagħha.

    Bugeja faħħar lill-ILO tal-ħidma tagħha u qal li din ipprovdiet u tkompli tipprovdi mandat b’saħħtu ħafna kif imniżżel fil-Kostituzzjoni tagħha li jiddikjara, “paċi universali u dejjiema tista’ tiġi stabbilita biss jekk tkun ibbażata fuq il-ġustizzja soċjali.”

    Kompla jgħid li bħala l-unika organizzazzjoni tripartitika fis-sistema multilaterali tan-Nazzjonijiet Uniti, l-ILO tilgħab rwol ċentrali fil-promozzjoni tat-tripartiżmu u d-djalogu soċjali.

    Huwa qal li l-konferenza ta’ din is-sena tagħtina l-opportunità biex mhux biss niċċelebraw l-100 sena mit-twaqqif tal-ILO u l-kisbiet tagħha imma wkoll biex inħarsu ‘l quddiem għaċ-ċentinarju li jmiss. 

    “Dan huwa żmien diffiċli għall-ħaddiema u t-trejdunjins. Minkejja l-avvanzi kbar li saru, l-inugwaljanza fid-dħul qed tikber u miljuni ta’ nies qed jiġu sfurzati għal skjavitù modern jew jaħdmu f’kundizzjonijiet tax-xogħol mingħajr ebda tip ta’ protezzjoni jew drittijiet,” qal Bugeja. 

    Tenna li d-diġitalizzazzjoni wasslet għal pjattaforma ta’ impjiegi fuq skala ikbar, li jagħmilha aktar diffiċli għat-trejdunjins biex jorganizzaw lill-ħaddiema jew biex jiddistingwu lil min iħaddem biex jinnegozja magħhom. “Dawn l-iżviluppi qegħdin jheddu l-mudell tradizzjonali tar-relazzjonijiet industrijali u se jkunu ta’ sfida għat-trejdunjins.” 

    Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU sostna li bir-relazzjoni fl-impjieg dejjem tiddgħajjef din qed tħoloq għadd ta’ mistoqsijiet fuq il-governanza fuq il-post tax-xogħol u l-imsieħba soċjali għandhom l-obbligu li drittijiet umani sħaħ, id-dinjità umana u x-xogħol diċenti jibqgħu fiċ-ċentru tar-raba’ rivoluzzjoni industrijali. 

    Kien hawn li fakkar kif il-promozzjoni ta’ xogħol diċenti permezz ta’ tkabbir ekonomiku li jkun sostnut, inklussiv u sostenibbli u impjiegi għal kulħadd u produttivi, hija fil-qalba tal-Aġenda tal-Iżvilupp Soċjali.

    Huwa u jitkellem fuq il-kuntest lokali, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li t-tkabbir ekonomiku impressjonanti ta’ Malta wassal għal xenarju ta’ impjieg sħiħ. Iżjed minn hekk, biex insostnu dan it-tkabbir ekonomiku, issa għandna mal-55,000 impjegat barrani reġistrati.

    “Dan it-tkabbir ekonomiku bla preċedent nattribwih għal djalogu soċjali b’saħħtu, negozjar kollettiv dinaimku u l-implimentazzjoni ta’ bosta policies nazzjonali biex ix-xogħol ikun irendi,” qal Bugeja.

    Huwa kompla jsemmi kif il-pensjonijiet kollha komplew jiżdiedu sena wara l-oħra u li issa l-ebda impjegat ma jista’ jibqa’ fuq il-paga minima għal aktar minn sena. “Konna l-ewwel fl-Unjoni Ewropea għal-libertajiet ċivili. Għamilna wkoll passi kbar biex neqirdu l-faqar.”

    Huwa qal iżda li dan it-tkabbir, qal Bugeja, ġab miegħu numru ta’ sfidi ġodda fosthom dawk li jirrigwardjaw ul-kirjiet u l-prezzijiet tal-proprjetà.

    “Dan is-suċċess huwa riżultat ta’ policies imsejsa fuq il-prinċipji sodi tal-ġustizzja soċjali, l-inklużjoni soċjali u l-mobiltà soċjali. Ninsabu wkoll sodisfatti bl-idea li nintroduċu paga minima Ewropea billi din se twassal għal distribuzzjoni aktar ġusta tal-ġid u Ewropa iżjed soċjali.”

    Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU tenna li fi sforz biex nilħqu kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, il-GWU, bħala wieħed mill-imsieħba soċjali ewlenin Maltin, hija wkoll involuta kontinwament fl-iżvilupp ta’ ftehimiet kollettivi u policies nazzjonali. 

    Qal ukoll li fi sforz addizzjonali biex jiġi indirizzat ix-xogħol prekarju, l-abbuż u l-isfruttar tal-impjegati minn xi wħud mill-employers, il-GWU ressqet proposta biex tintroduċi sħubija mandatorja fi trejdunjin. 

    “Din il-proposta se tindirizza l-qagħda mwiegħra tal-kategoriji l-aktar vulnerabbli ta’ ħaddiema speċjalment dawk fil-parentesi bi dħul baxx jew f’intrapriżi żgħar. Ħafna minn dawn il-ħaddiema mhumiex f’unjin mhux għax ma jridux jingħaqdu flimkien, imma għax jibżgħu li jitilfu xogħolhom,” qal Bugeja. 

    Fl-aħħar nett, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU fisser kif huwa d-dmir u l-obbligu tagħna li noħolqu dinja fejn kulħadd ikollu aċċess ugwali għall-edukazzjoni, għad-drittijiet bażiċi u impjieg diċenti li jħallas tajjeb. 

    “Għandna bżonn aġenda li tkun ċentrali u garanzija universali tax-xogħol. Dan kollu jista’ jinkiseb permezz ta’ koperazzjoni tripartitika qawwija u djalogu soċjali,” temm jgħid Bugeja.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0