Bjorn Vassallo: Mill-FIFA għall-MFA …. FORWARD TOGETHER

  • Ġun 19, 2019 00:55
  • Miktub minn iNews
"

    Hekk kif bdiet tingrana sew il-kampanja għall-elezzjoni tal-president tal-Malta Football Association li ser issir, fl-20 ta’ Lulju li ġej, il-kandidat Bjorn Vassallo  spjega fid-dettall il-qafas tal-programm tiegħu jekk kemm-il darba jingħata l-mandat biex imexxi l-as­soċjazzjoni għall-erba’ snin li ġejjin.

    Is-Sur Vassallo, li kien kap eżekuttiv u anke segretarju ġenerali ta’ din l-assoċ­jazzjoni u preżentament qed jaqdi l-irwol ta’ Direttur tal-FIFA għall-Pajjiżi Ewropej, nieda l-kampanja tiegħu Forward Together – Flimkien ‘il qud­diem.

    Huwa għamel dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Matthew Micallef St John, fil-Marsa.

    Is-Sur Vassallo qal li f’dan il-post beda ċ-Ċentru Sport Edukattiv immexxi minn Fr Hilary Tagliaferro li minn fuq art iebsa ġabar l-aħjar players u  beda jsir it-taħriġ fuq ħaxix naturali ..  minn fejn bdiet il-bażi tal-football Malti fiż-żgħażagħ.

    Is-Sur Vassallo sostna li għandu esperjenza kbira fil-qasam tal-football mhux biss lokali iżda wkoll internaz­zjonali:

    “Qed nippreżenta ruħi b’25 sena esperjenza f’dan il-qasam ... fejn 15-il sena minn­hom għamilthom mal-club ta’ San Ġwann u minn hemm bnejt il-karattru tie­għi.

    “Dan iż-żmien kollu wassalni wkoll biex nifhem aħjar minn x’hiex jgħaddu l-clubs Maltin.”

    Huwa sostna li minn hemm mexa għal Kap Eże­kuttiv u eventwalment għal Segretarju Ġenerali fi ħdan il-Malta Football Association sa qabel  ingħata rwol impenjattiv mal-FIFA f’mument delikat ħafna.

    Iżda minkejja kollox bl-għaqal tal-president Gianni Infantino, il-FIFA reġgħet ħadet is-saħħa li kien jistħoq­qilha.

    “Inħossni li għandi bagalja mimlija b’esperjenza, speċ­j­alizzazzjoni fl-amminis­trazzjoni tal-football u kuntatti kbar li ser jgħinuni fil-futur jekk niġi elett bħala president tal-MFA.”

    Il-kelliemi qal li nieda dan il-qafas u qed iħares lejn viż­joni sas-sena 2027 jekk dej­jem jiġi fdat fil-kariga.

    “Jien qed naħseb fuq żewġ mandati fejn fi tmien snin irridu niksbu l-progress neċes­sarju f’kull livell.”

    “Nixtieq governanza aħjar fuq livell ta’ clubs u as­soċjazzjoni biex nidħlu f’era ġdida. Importanti li ma neskludu lil ħadd,” kompla jgħid is-Sur Vassallo b’refe­renza għal kull min hu involut f’din il-logħba u skond kif jgħid l-islogan Forward Together.

    “Irridu naħdmu fuq eko-sistema biex ikollna kompetizzjonijiet ta’ suċċess u għalhekk biex isir dan ser ikun hemm klassifikazzjoni għax ma jistax ikun li dawk li għandhom budget ta’ miljuni u dawk li għandhom budget ta’ mijiet ikunu kunsidrati fl-istess livelli. Dan kollu għandu jżid il-kompetittivitá bejn il-clubs.”

    Is-Sur Vassallo qal li hemm bżonn li iktar tfal ikollhom aċċess għal-logħba tal-football biex ħadd ma jitħalla barra, semma’ programmi estensivi fl-iskejjel u fuq kollox permezz tal-iż­vilupp tat-talent biex tin­ħareġ il-kwalitá. Huwa tkellem ukoll dwar ristrutturar taċ-Ċentru Tekniku li jwassal għal hubs tekniċi speċjalizzati.

    Meta tkellem dwar l-infrastruttura, l-ex Segretarju Ġenerali tal-MFA tenna li “veru li mxejna ‘l quddiem iżda bqajna ftit lura għax m’hawnx biżżejjed art u għal dan il-għan ma nistgħux nsaħħu l-faċilitajiet kif nixtiequ.”

    Huwa semma’ erba’ pilastri li l-MFA tista’ timxi fuqhom jekk ikun elett president fosthom kompetizzjonijiet kompetittivi, Fair Play u sostenibbilità finanzjarja, So­lidarity Funds Distribution, Appoġġ għall-Iżvilupp u l-parteċipazzjonijiet tal-programmi u Edukazzjoni.

    Tkellem ukoll dwar l-assoċjazzjoni nnifisha u kif din għandha bżonn tiġi ristrutturata. Huwa qed jipproponi li l-irwoli ta’ president u segretarju ġenerali jkunu definiti mill-ġdid u jkun hemm żewġ deputati segretarji ġenerali fejn wieħed ikun inkarigat mill-qasam sportiv u l-ieħor f’dak amministrattiv.

    Is-Sur Vassallo qal li huwa daħal fl-MFA meta dak iż-żmien kellha turnover ta’ €3 miljuni u qabel ma telaq ħalla l-assoċjazzjoni b’introj­tu ta’ €9 miljuni. Huwa jixtieq li dan il-qligħ ikompli jiżdied taħt il-presidenza tiegħu biex l-MFA tkun tista’ tinvesti aktar fil-logħba Maltija u se jagħmel dan permezz ta’ special purpose vehicles li minnhom l-MFA tiġ­ġenera introjti sostenibbli.

    Meta tkellem dwar it-team nazzjonali Malti, is-Sur Vassallo kien ċar fil-proposti tiegħu.

    “Ma nistax nistenna aktar snin biex nara lit-team naz­zjonali jikseb ir-riżultati. Irridu noħolqu team li jitħarreġ u jilgħab f’livell professjonali li jkun il-fattur li jagħmel differenza minn dak li joffru l-clubs lokali. Bħalissa huwa jinsab f’kuntatt mal-FIGC biex team magħmul minn players Maltin u barranin jikkompeti f’kampjonat li huwa meqjus bħala professjonali.

    Dan il-proġett jista’ jservi biex il-players Maltin, b’mod partikolari ż-żgħażagħ, ikol­lhom l-opportunitá li jilagħ­bu f’livell professjonali ġim­għa wara l-oħra.

    L-għan ta’ dan kollu huwa biex lill-coach tat-team naz­zjonali Malti jiġi pprovdut b’aktar players professjonali u awtomatikament jitjieb il-livell fl-immedjat.

    Għall-kampjonat domestiku tiġi stabbilitá Lega li tagħti s-saħħa lill-clubs infushom biex jikbru f’ambitu mhux biss sportiv imma wkoll ammistrattiv u kummerċjali fejn jingħataw id-drittijiet tal-kampjonat u l-MFA tipprovdi assistenza professjonali li tiggwida lill-clubs biex jimmassimizzaw il-benefiċċji tagħha. Biex nilħqu dan il-għan se nsostnih  finanzjarjament sa ma nara li l-proġett isir sostenibbli.”

    Bħala pjan fit-tul fuq livell ta’ żgħażagħ beħsiebni no­ħ-loq il-fundazzjoni Inħobb il-Football li taħdem fuq il-parteċipazzjoni, il-pathway mill-grassroots sal-elite, il-coach education u l-programmi fil-kommunitá.

    Meta tkellem dwar l-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali, il-kelliemi stqarr li dan mhux komdu u hemm bżonn li jsir aktar attraenti.

    “Qed naħseb għal ristrutturar kbir fl-istadium tagħna. Irridu nagħmluh bħall-istil Ingliż fejn taqa’ l-enclosure u neliminaw ukoll it-trakka sabiex il-post isir aktar akkoljenti u fuq kollox attraenti.”

    Huwa qal li ser tinżamm l-Millenium Stand iżda jitwaqqgħu wara l-lasti biex jinħoloq ċentru kummerċjali. Il-ħsieb hu wkoll li l-MFA tibni Ċentru Tekniku ġdid fit-training grounds.

    Il-kelliem sostna wkoll li hemm bżonn li l-football ikompli joħroġ minn Ta’ Qali u jmur iktar fuq livell reġ­jonali fejn fost l-oħrajn huwa ppropona li jkun hemm stadium fin-nofs in-nhar ta’ Malta fejn ħafna timijiet ġejjin minn dik iż-żona.

    Id-direttur preżenti tal- FIFA ppropona wkoll il-bini ta’ Futsal Arena biex dan l-isport u l-livell tiegħu jkompli jikber. Għal Għawdex huwa semma’ wkoll it-tkomplija tal-bini ta’ stadium sekondarju b’kollaborazzjoni mal-gvern ċentrali li jikkumplimenta l-Gozo Sta­dium, fir-raħal Ta’ Sannat. 

    Huwa beħsiebu joffri wkoll inċentivi biex training grounds eżistenti li nbnew aktar minn għaxar snin ilu, jiġu mibdula b’art artifiċjali ġdida.

    Meta tkellem dwar il-clubs tal-Kampjonat Premier, is-Sur Vassallo qal li ser jgħinhom biex ikollhom pjan ta’ azzjoni fit-tul u mhux kollox isir minn sena għal oħra u dawk fil-livelli żgħar jgħinhom fil-missjoni tagħ­hom fil-kommunitá.

    Huwa ppropona wkoll li l-Kampjonat Premier ma jibdiex f’nofs Awwissu iżda fl-aħħar ta’ Settembru u jkun hemm perjodu itwal ta’ waqfa biex hemmhekk il-clubs jippreparaw għat-tieni parti tal-istaġun. Dan kollu se jsir permezz ta’ djalogu mal-istakeholders konċer­na­ti.

    Fejn għandu x’jaqsam ma’ referees, is-Sur Vassallo qal li jridu jiżdiedu  l-appointments internazzjonali tal-uffiċjali Maltin għax filwaqt li hemm potenzjal, mhux qed jin­għataw il-merti neċessarji.

    Fejn għandu x’jaqsam ma’ match-fixing, jixtieq jiffirma memorandum of understanding mal-Korp tal-Pulizija, biex pulizija bi sfond investigattiv jkun l-uffiċjal ta’ integritá. 

    Meta ġie mistoqsi dwar ir-relazzjoni bejnu u bejn il-president attwali tal-MFA, Norman Darmanin Demajo, is-Sur Vassallo qal li għandu relazzjoni tajba ħafna u li l-kontribut li ta l-president Darmanin Demajo lill-football Malti se jservi ta’ sostenn biex l-MFA tkompli timxi lejn miżuri alternattivi  li jaraw il-football Malti jkompli jevolvi u jimmodernizza ruħu għal  ri­żul­tati fl-immedjat u sostenibbli.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0