Pierre Portelli lil Delia: bżonn rivoluzzjoni fil-PN … jinsisti miegħu li l-partit hemm bżonn jitnaddaf minn ċertu deputati

  • Ġun 19, 2019 08:34
  • Miktub minn iNews
"

    Dak li kien meqjus bħala spalla ewlenija għall-Kap tal-PN Adrian Delia appellalu biex inaddaf lill-partit minn dawk li minn ġewwa qed jagħmlulu l-ħsara u jgħid li hemm bżonn “rivoluzzjoni” biex il-ħolma forsi titwettaq.

    Pierre Portelli irriżenja minn Ċermen Eżekuttiv tal-Media.Link, il-kumpanija li tmexxi l-mezzi tax-xandir tal-PN, wara li ma felaħx aktar għall-gambetti li persuni fi ħdan il-partit kienu qed jagħtu lit-tmexxija.

    Fl-ittra tar-riżenja l-eks-ġurnalist jgħid lil Delia kif kien qed jieħu dan il-pass b'dispjaċir kbir għalih għax flimkien ħejjew il-viżjoni l-ġdida l-aħħar 20 xahar kienu dominati minn ġlidiet ta' kuljum.

    Portelli jgħid ċar u tond li hemm nies fil-PN li jaħsbu li għandhom id-dritt divin li jmexxu u jikkontrollaw il-partit u l-mezzi tax-xandir tiegħu.

    Huwa jsostna li minkejja li fl-aħħar sentejn irnexxielhom jirristrutturaw il-Media.Link u jagħtuha futur sostenibbli wara l-istat finanzjarju diżastruż li wirtu ma jistax ikompli fl-irwol minħabba l-attakki ko-ordinati u konsistenti fuq il-partit u l-media minn uħud mid-deputati parlamentari.

    Hawnhekk Portelli jagħmel akkuża serja hekk kif jgħid li dawn saħansitra appoġġjaw u għenu attivita kriminali minn terzi persuni sempliċiment biex ineħħu lil Delia mill-kariga.

    “Huwa għax nemmen fil-PN li iddeċidejt li nirritorna fis-settur privat fil-kapaċita professjonali tiegħi. Minn barra se nibqa' nappoġġjak biex iddaħħal mod ġdid fil-PN”, iżid jgħidlu fl-ittra tar-riżenja.

    Portelli jkompli jgħid li r-realta hija tali li hemm bżonn ta' azzjoni serja biex il-partit jitnaddaf min-nies li b'intenzjoni ħażina għadhom qed iżommu lill-partit.

    Huwa kompla li l-viżjoni tagħhom kienet li jiftħu l-partit u l-media għal ideat ġodda, nies ġodda u soluzzjonijiet ġodda għall-pajjiż.

    “Madankollu irrealizzajt li din il-ħolma trid tistenna revoluzzjoni biex isseħħ … waħda li tagħmel regoli ġodda li jkunu ċari għal dawk li jkunu jridu jikkontestaw mal-PN”, ikompli jgħid ċar u tond.

    Fuq Facebook, Portelli żvela li l-ittra tar-riżenja kien ippreżentaha lil Delia l-ġimgħa li għaddiet imma Delia talbu jirrikunsidraha madankollu b'dak li ġara fil-Kumitat Eżekuttiv iktar ikkonvinċih li jitlaq.

    Huwa jerġa' jisħaq li hemm bżonn li ċertu nies fil-parti jiġu esposti qabel ma jkissru l-partit u iddikjara li se jagħmel dan minn barra l-partit.

    Portelli jsemmi lil Azzopardi b'ismu

    Fl-ewwel kummenti tiegħu wara li ħareġ mid-Dar Ċentrali wara l-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv huwa semma lil Jason Azzopardi bħala wieħed mid-deputati li qed “jisparaw” fuq il-media soċjali kontra Delia.

    Huwa sostna li għalih din hija sorpriża għax Azzopardi kien jidher li jappoġġja lil Delia u għamilha ċara li kien qed isemmih għax ma jistax ikun li kull ħaġa li ma jaqbilx magħha jmur ixandar fuq il-Facebook.

    Portelli sostna li jekk deputat għandu jgħid xi ħaġa għandu jgħidha fi ħdan il-partit u mhux joqgħod jirrikorri għall-media soċjali biex jgħaddi l-kummenti tiegħu.

    Huwa ikkritika wkoll lid-deputat Karol Aquilina wara li dan deher ma' Manuel Delia fil-Qorti fil-kawża li l-blogger fetaħ kontra l-Media.Link wara li kien qal li Adrian Delia kellu interess li l-kannabis tiġi legalizzata.

    Portelli, li fil-kors tal-kawża kien qal li Manuel Delia talbu l-flus biex ikompli jikteb għal Adrian Delia, irrimarka li Aquilina ma wera ebda mistħija meta deher ma' Delia fil-kawża kontra l-media tal-PN stess.

    Sadanittant, b'reazjoni għal dak li qed jiġri fil-PN, Jason Azzopardi tella fuq Facebook id-deputat il-frażi bit-Taljan “meglio un giorno da leoni che cent'anni da pecora” (aħjar jum bħala ljun milli 100 jum bħala nagħġa).

    Ħafna jattribwixxu din il-frażi lid-dittatur Taljan Benito Mussolini, li fil-fatt kien jgħidha wkoll, imma kien Ignazio Piscotta, militari Taljan, li jidher li ħareġ biha l-ewwel darba.

    Il-kumment ta' Azzopardi inltaqa' b'reazzjonijiet differenti mill-partitarji Nazzjonalisti b'min jgħidlu li hemm bżonn aktar iljuni bħalu u min qallu “komplu ħawwdu”.

    Nazzjonalisti maqsuma … min irid lil Delia jitlaq, min le

    Is-sitwazzjoni gravi li għaddej minnu l-PN kompla jkun fiċ-ċentru tad-diskussjoni ta' diversi partitarji Nazzjonalisti li ma qagħdux lura milli jesprimu l-fehma tagħhom fuq il-media soċjali fosthom Facebook.

    Bħalma ġara fl-aħħar xhur u ġimgħat kien hemm żewġ linji ta' ħsibijiet bi grupp ta' partitarji leali lejn il-fazzjoni tal-eks-Kap Simon Busuttil jisħqu li jekk ma jitneħħix Delia l-PN ma kellux ċans jimxi 'l quddiem u dawk li jappoġġjawh jakkużaw lil dawk kontrih li mhux jagħtuh iċ-ċans imexxi u wissew li jekk jispiċċa Delia ma kienux se jivvutaw lill-partit.

    Fl-istess waqt kien hemm partitarji oħra li lilhinn mill-appoġġ lejn naħa jew oħra appellaw għall-għaqda fil-partit u wissew li l-PN ma kienx se jieħu r-ruħ jekk is-sitwazzjoni tibqa' kif inhi.

    Vassallo: l-elezzjoni li jmiss tista' telimina lill-PN

    Fost dawk kien hemm id-deputat parlamentari Edwin Vassallo li wissa li jekk il-PN se jibqa' sejjer kif inhu l-partit kien se jispiċċa “istituzzjoni ineffettiva”.

    Huwa sostna li kull attakk fuq il-PN, ġej minn fejn ġej, jista' jwassal biex din l-istituzzjoni politika tispiċċa f'diffikulta u eventwalment iwassal għal kriżi demokratika.

    Vassallo appella lil dawk fil-PN biex iwarrbu l-piki, il-ġlied u kull sens ta' suppervja u superjorita u nsista li hemm bżonn l-għaqda biex il-partit ma jħallix il-mibegħda tirbaħ fuq ir-raġuni.

    “Ejja ma nippermettux aħna stess li l-PN jispiċċa fuq il-karta tal-vot bla saħħa ta' persważjoni, partit politiku inefettiv. F'din il-familja, l-aħwa ma jistgħux jibqgħu miġġielda bejniethom. Qed nissugraw li elezzjoni bikrija telimina l-PN ir-realta politika ta' pajjiżna”, iżid iwissi Vassallo.

    Merieca: id-deputati mhux aqwa mit-tesserati

    Il-kandidat għall-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew Michael Mercieca iddikjara fuq Facebook li hija l-arroganza ta' uħud mid-deputati Nazzjonalisti li qed ittellef lill PN il-voti.

    Huwa jgħid li meta l-PN kien fil-gvern kellna sitwazzjoni ċara fejn dawk li kienu ġew eletti f'isem il-PN kienu qegħdinimexxu lill-pajjiż kif jidhrilhom huma mingħajr ebda każ ta' dak li trid il-maġġoranza tal-poplu.

    Waqt li jsostni li dan wassal għal telfiet kbar, Mercieca jsemmi kif li mhux qed jirrejalizza l-PN huwa li llum hemm uħud fil-partit li għad għandhom din il-mentalita.

    Huwa fakkar li Delia ġie elett b'mod demokratiku iu jgħid li fl-opinjoni tiegħu l-istess statut għandu jesiġi li wara kull elezzjoni l-kap għandu jersaq quddiem it-tesserati.

    “Imma kif inhu l-istatut illum il-kap kien magħżul mill-maġġoranza u taqbel jew ma taqbilx mal-kap dik id-deċiżjoni għandha tkun rispettata. Jekk le din tkun arroganza. U sfortunatament hekk qed jagħmlu xi wħud”.

    Mercieca jagħmilha ċara li d-deputati parlamentari mhumiex aqwa mit-tesserati u jgħid li għandhom ikunu huma biss li jiddeċiedu u mhux xi grupp ta' tesserati li ġie rrappurtat li huma kontra Delia.

    Illum il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari

    Sadanittant illum se jerġa' jiltaqa' il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista fejn mhux magħruf jekk id-deputati li huma kontra Delia se jisħqux li għandu jirriżenja minn kap.

    Rapporti li dehru fl-aħħar ġranet fuq diversi mezzi tax-xandir qalu li dawn tawh ultimatum biex jirriżenja imma mhux magħruf jekk dan hux minnu.

    Fuq l-istess mezzi tax-xandir dehret ukoll lista ta' dawk li ġew deskritti bħala l-kandidati li jridu lil Delia jwarrab.

    Dawn huma l-eks-Kap Simon Busuttil u ż-żewġ eks-viċi kapijiet Mario de Marco u Beppe Fenech Adami kif ukoll Claudio Grech, Jason Azzopardi, Ryan Callus, Therese Comodini Cachia, Marthese Portelli, Claudette Buttigieg, Chris Said, Karol Aquilina, Ivan Bartolo u Karl Gouder.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    1