“Nisa li jirrapportaw qegħdin ikunu intimidati mill-pulizija”

  • Ġun 25, 2019 08:40
  • Miktub minn Carmen Cachia
"

    Lara Dimitrijevic tisħaq li qegħdin imorru lura fil-protezzjoni tal-vittmi tal-vjolenza domestika…

    Vittma ta’ vjolenza domestika kienet ilha xhur sħaħ tirrapporta li qiegħda tkun segwita (stalked) mill-eks tagħha, iżda minkejja r-rapporti varji li għamlet, f’inċident minnhom wara li aggrediha l-aggressur tagħha, “il-pulizija spiċċa jgħajjat magħha fl-għassa għax skont il-pulizija, il-mara kienet qiegħda tesaġera”. Każ ieħor xokkanti hu ta’ mara li għal dawn l-aħħar xhur kellha toqgħod imsakkra f’xelter għax l-aggressur tagħha hu perikoluż immens u jħuf kontinwament l-akkwati tax-xelter tagħha. Iżda minkejja kollox, inkluż ordni ta’ protezzjoni maħruġa mill-Qorti, qatt ma ttieħdet azzjoni għal stalking fil-konfront tiegħu u l-klijenta għadha litteralment imsakkra ġewwa u tista’ toħroġ biss meta tkun akkumpanjata minn pulizija.

    Dawn huma istejjer, li bħalhom hemm bosta, li dan l-aħħar ixxokkjaw lill-avukata u attivista għad-drittijiet tan-nisa, Lara Dimitrijevic, li stqarret magħna kif minkejja l-progress li għamilna f’pajjiżna biex nirratifikaw konvenzjonijiet internazzjonali bħalma hija l-Konvenzjoni ta’ Istanbul  u l-Optional Protocal għas-CEDAW, xorta għadha tara nuqqas ta’ protezzjoni u infurzar biex vittmi ta’ vjolenza domestika jkunu protetti.

    “F’dawn l-aħħar snin qed inħoss li minflokk nimxu ‘l quddiem qegħdin immorru lura meta dan m’għandux jkun. Il-vjolenza domestika tibqa’ waħda mill-aktar reati komuni f’pajjiżna. Fil-fatt skond il-Crime Report tal-2018 jindika li rapporti ta’ vjolenza domestika żdiedu u n-nisa huma l-aktar affettwati,” qalet l-avukata.

    Dimitrijevic spjegat li l-Konvenzjoni ta’ Istanbul, li ġiet implementata fil-leġislazzjoni tagħna, tirrikjedi li l-awtoritajiet u professjonijiet jiġu mħarrġa fuq vjolenza a bażi tal-ġeneru u vjolenza domestika. “Dan sintendi jfisser li l-pulizija, avukati u l-qrati tagħna għandhom ukoll jiġu mħarrġa f’dan ir-rigward, iżda minkejja dan, aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qiegħda nisma’ b’ħafna aktar każijiet fejn in-nisa li jmorru jirrapportaw, qegħdin jiġu intimidati mill-pulizija,” sostniet l-attivista għad-drittijiet tan-nisa. 

    Hija qalet kif mhux l-ewwel darba li l-klijenti jċemplulha mill-għassa u tisma’ lil pulizija jitkellem b’ċertu ton jew jgħajjat magħhom, jew jgħidulhom li m’hemm xejn x’jistgħu jagħmlu. “Smajt ukoll kif il-pulizija jgħidu lill-klijenti li jekk jirrapportaw se jinħarġu akkużi anke kontra tagħhom għax l-aggressur tagħhom jivvinta xi ħaġa li ma tkunx minnha,” kompliet Dimitrijevic.

    Vittimizzati mis-sistema li suppost tipproteġihom…

    “Tiffrustrani ħafna s-sitwazzjoni li tejjibna l-liġijiet, imma l-awtoritajiet li suppost qegħdin jinfurzaw dawn il-liġijiet m’humhiex dejjem edotti dwar x’tgħid il-liġi stess u nħoss li qegħdin nonqsu ħafna u nfalli lil dawk li diġà huma ferm vulnerabbli u li għandhom bżonn l-għajnuna,” sostniet l-avukata. 

    Hija qalet li jekk vera rapport jiġi investigat, biċ-ċert li mhux se jirriżulta li dak li qed jallega aggressur fil-konfront tal-vittma mhux se jirriżulta mill-investigazzjoni hawn din l-attivista tistaqsi, ‘għalfejn xorta waħda għandna sitwazzjoni fejn il-vittmi qegħdin jiġu mixlija b’akkużi fil-konfront tagħhom?’

    Dimitrijevic qalet li huwa frustranti wkoll li aġir bħal dan qed jaffettwa lil dawn il-pulizija, li taf li tant jagħmlu mal-vittmi u konsegwenza ta’ dan, qegħdin jitpoġġew f’dawl ikrah. 

    L-attivista favur id-drittijiet tan-nisa saħqet fl-importanza u fil-ħtieġa urġenti li nieħdu aktar b’serjetà każijiet ta’ vjolenza domestika għax, “nies li jgħaddu minn din l-esperjenza għandhom bżonn il-protezzjoni li jistħoqqilhom u mhux ikomplu jiġu vittimizzati minn dik is-sistema li suppost qed tipproteġihom.” Dimitrijevic temmet tgħid li nisa u tfal ma jistgħux jibqgħu jiġu mċaħħda mill-ħajja tagħhom billi jiġu sfurzati jfittxu l-kenn filwaqt li l-aggressur tagħhom jibqa’ jikkontrollalhom ħajjithom u dan minħabba nuqqas ta’ infurzar tal-liġi.

    Protest ġudizzjarju għal proposti effettivi

    Sadanittant aktar kmieni dan ix-xahar, l-avukata Lara Dimitrijevi, f’isem il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa (WRF), ippreżentat protest ġudizzjaru dwar l-ordni ta’ protezzjoni temporanja f’każi ta’ vjolenza domestika. F’dan il-protest ġudizzjarju kontra l-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej għall-Ugwaljanza, il-Women’s Rights Foundation sostniet li l-investigazzjoni għandha ssir minn pulizija ta’ mhux grad inqas minn spettur u li ssir fi żmien 12-il siegħa mill-mument li jsir dan il-valutazzjoni ta’ riskju. Sussegwentement il-pulizija għandha titlob lil qorti għall-ħruġ ta’ ordni ta’ protezzjoni temporanja jekk il-vittma hi f’riskju serju.

    Il-protest jipproponi li l-qorti toħroġ din l-ordni fi żmien tmien sigħat kemm-il darba jirriżulta li hemm ħtieġa u li tul dan il-perjodu l-vittma għandha tingħata akkomodazzjoni ta’ kenn sakemm issir l-investigazzjoni u tinħareġ l-ordni.

    Il-WRF f’dan il-protest ġudizzjarju talbet biex jittreġgħu lura l-emendi proposti bl-abbozz ta’ liġi msemmi qabel konsultazzjoni serja mal-entitajiet kollha konċernati u minn issa jżommuhom responsabbli skont il-liġi.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0