“Ħaddiema barranin jeħtieġ ikunu jafu jitkellmu bil-Malti” … L-awtur Trevor Zahra mħasseb li l-poplu ma jistax jinqeda bil-Malti f’pajjiżu stess

  • Ġun 25, 2019 10:15
  • Miktub minn Maria Azzopardi
"

    L-awtur Trevor Zahra mħasseb li l-poplu ma jistax jinqeda bil-Malti f’pajjiżu stess…

    L-awtur Trevor Zahra kiteb li hija tassew għarukaża li wieħed iċempel l-isptar u mhux biss ma tkunx tista’ tinqeda bil-Malti, imma min iwieġbek tant ikollu aċċent ħażin tal-Ingliż, li ma tkunx tista’ tifhmu kelma.

    B’reazzjoni għal dan il-kumment, tkellimna mal-awtur dwar il-ħsibijiet tiegħu rigward l-użu tal-lingwa Maltija. Zahra qal li jekk wieħed jitkellem man-nies hemm barra, minnufih jinduna kemm il-poplu jinsab imdejjaq u mħasseb li f’pajjiżu stess mhux dejjem qed ikun jista’ jinqeda bl-ilsien tiegħu. Il-każijiet ta’ fejn jiġri dan huma diversi fosthom fir-ristoranti, fuq tal-linja, ma’ tal-posta, fl-isptar u fid-djar tax-xjuħ.

    Zahra qal li mhux l-ewwel darba li waslulu ittri li ma jkunux għalih. Huwa qal li dwar dan għamel l-ilment tiegħu mal-awtoritajiet imma kollox baqa’ kif kien. Huwa żied jgħid li “din is-sitwazzjoni mhix se titjieb jekk l-awtoritajiet ma jinsistux li dawk il-ħaddiema barranin li minħabba n-natura ta’ xogħolhom jiġu f’kuntatt dirett mal-poplu, jeħtieġ ikunu jafu jitkellmu bil-Malti u fil-każ tal-pustiera anki jaqrawh.”

    L-awtur żied jgħid li ma jafx jekk hawnx post ieħor fid-dinja fejn il-poplu ma jistax jinqeda dejjem bil-lingwa tiegħu, l-aktar f’postijiet governattivi bħall-isptar kif aċċenna fl-ewwel messaġġ li l-awtur kiteb. Zahra jibża’ li mhux kulħadd għadu qed jinduna bil-gravità ta’ din is-sitwazzjoni u bir-riperkussjonijiet li tista’ ġġib.

    Jissuġġerixxi li tfal barranin jitgħallmu l-Malti mitkellem

    L-awtur innota kif f’dawn l-aħħar snin, l-iskejjel tagħna qed jimtlew bi tfal barranin. Filwaqt li dan il-fatt għandu ħafna lati pożittivi, jisħaq li fejn jidħol l-ilsien nattiv, qiegħed joħloq sfidi kbar.

    Suġġeriment li l-awtur jixtieq jgħaddi huwa li jitfassal pjan strutturat biex it-tfal barranin kollha jibdew jitgħallmu l-Malti, u dan ifisser li mhux il-Malti miktub, iżda l-Malti mitkellem. Huwa żied jgħid li minbarra li lil dawn it-tfal nagħtuhom lezzjonijiet ta’ Malti mitkellem u prattiku, jeħtieġ ukoll li kulħadd ikellimhom bil-Malti.

    “Niftakru wkoll li t-tfal għandhom kapaċità kbira li jixorbu l-lingwi.. jekk ikunu esposti għalihom. B’hekk biss jistgħu dawn it-tfal jibdew iħossu li, ġaladarba qed jgħixu f’pajjiżna, huwa importanti li jitgħallmu l-lingwa tal-post,” qal Zahra. Huwa kompla jgħid li dan ikun ukoll ta’ ġid kbir għalihom stess għax jgħinhom biex jintegraw aħjar, bi proċess naturali u bla skossi.

    Zahra qal li diġà qed jiġri li f’dawk l-iskejjel fejn l-ammont ta’ tfal barranin huwa konsiderevoli, l-iskola qed tibda tiffunzjona bl-Ingliż. Dan ifisser li qed jispiċċaw inkellmu bl-Ingliż anki lit-tfal Maltin. Huwa elenka numru ta’ drabi fejn dan jista’ jwassal għal din sitwazzjoni bħal meta waqt l-Assembly, il-kap tal-iskola jindirizza lit-tfal bl-Ingliż biss; Jekk issir reċta f’Jum il-Premjazzjoni jew fil-Milied, tibda ssir bl-Ingliż; u meta l-innijiet u l-għanjiet kollha li jitkanta, jibdew ikunu kollha bl-Ingliż. Dan iwassal biex dawn l-innijiet tant sbieħ li għandna bil-Malti, inkluż l-Innu Malti, jintesew għalkollox.

    L-awtur temm jgħid li “il-Kultura Maltija tibda bil-mod il-mod tisparixxi, għax kif jaf kulħadd, ma tistax teżisti kultura mingħajr lingwa. Jiddispjaċini ninnotaw li f’ċerti skejjel din is-sitwazzjoni diġà hija kważi realtà.”

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0