“L-ikrah jiġi waħdu u s-sabiħ trid tagħmlu int” … Tirrakkonta mara li batiet mid-dipressjoni ta’ wara t-twelid

  • Ġun 25, 2019 11:47
  • Miktub minn Anthea Cachia
"

    Ħafna jiddeskrivu t-twelid u l-ewwel mumenti ta’ wliedhom bħala l-iktar mumenti sbieħ u memorabbli f’ħajjithom, minkejja dan wieħed minn kull 10 nisa isofru mill-post-natal/partum depression, dipressjoni kkawżata min-numru t’affarijiet li tolqot l-omm jew il-missier mal-ewwel sena mit-twelid tal-ulied.

    Twelid diffiċli u għejja kontinwa

    Tkellimna ma’ mara li kienet tbati mid-dipressjoni, tant li għamlet erba’ snin tissielet biex tirkupra. Julia, li llum għandha 45 sena irrakkontat kif bħal dan iż-żmien 20 sena ilu hija kienet qiegħda tistenna l-ewwel tarbija tagħha, tifla. Hija qalet kif it-tqala tagħha minkejja li batiet l-ewwel ftit ma kinitx waħda kkumplikata u kollox kien sejjer sew. Minkejja dan, it-twelid ta’ bintha ma kienx daqshekk faċli anzi b’emozzjoni hija qalet, “kelli ħlas twil u diffiċli iżda kif rajt lil binti nsejt kollox,” b’hekk bdiet l-avvetura tagħhom.

    “L-ewwel ftit xhur, ovjament kienet diffiċli kemm għax konnha ġenituri għall-ewwel darba kif ukoll għaliex it-tifla kienet il-ħin kollu tibki u kienet issibha diffiċli biex torqod” kompliet tirrakkonta Julia.

    Julia qalet li kienet diffiċli li joqgħodu b’paga waħda u għalhekk ir-raġel tagħha kien jaħdem ħafna sigħat sakemm hija tirkupra u tirritorna lura fuq il-post tax-xogħol. Għalhekk kienet tqatta ħafna ħin waħeda, u kienet issibha diffiċli mmens li tlaħħaq max-xogħol tad-dar ukoll. “Minn dejjem kien hemm indikaturi li jiena kelli xi ħaġa iktar serja mill-baby blues iżda għalijja ma kienx daqsekk ovvju” żiedet Julia.

    Lura għax-xogħol

    Julia qalet li meta kienet iżgħar kellha trobbija daqsxejn diffiċli, għalhekk hija qalet, “meta wasal iż-żmien biex nerġà nirritorna lura għax-xogħol ħassejtha iktar diffiċli għax bdejt inħossni qisni qiegħda nabbanduna lill-iktar ħaġa prezzjuża li kelli. Kont naf li jiena ma kontx se nitlaqa għall-kapriċċ iżda għall-bżonn, iżda moħħi ma riedx jaċċettaħha. Kont nibki bla waqfien speċjalment meta kont nitlaq għax-xogħol.” Għalkemm il-qraba tagħha ma kienux konxji b’dak li qiegħed jiġri kollega tagħha ġibditilha l-attenzjoni u qatilha li kellha bżonn tmur għand psikjatra għaliex inudunat li l-aġir tagħha ma kienx normali.

    Ir-relazzjoni mar-raġel tagħha

    Ta’ sikwiet iddiskutiet din il-kwistjoni mar-raġel tagħha u hija tgħid li kellha ħjiel ta’ dak li kien qiegħed jiġri iżda r-raġel tagħha ma setax jaċċetta l-fatt li hija kellha problema. “Naf li mgħamiliex b’intenzjoni ħażina, anzi mnalla kien hu għalijja. Iżda mhux faċli li tara l-imħabba ta’ ħajtek tbati hekk u ħafna drabi tkun in denial” żiedet tgħid Julia. Hija kompliet tgħid li minħabba li warrbu l-ħsieb li hija kienet qed issofri mid-dipressjoni għadda ż-żmien u l-folja qaleb għall-agħar.

    “Il-problema ma tajtiex importanza u għalhekk spiċċajt gravajt is-sitwazzjoni. Għamilt 4 snin għaddejja bid-dipressjoni tant li l-post natal inbidel għal dak li jsejjħulu nervous breakdown. Kien hemm mumenti fejn kont nibża li kelli xi ħaġa, li qed nimrad”, ziedet tghid Julia. Darba minnhom irċiviet l-aħbar kerha li persuna qrib tagħha kien marad b’marda terminali u dakinhar ħadet xokk kbir, “minn dakinhar l-hemm bdejt niffissa fuq kollox, kont immur l-isptar għaliex kont naħseb li kelli sintomi ta’ mard allavolja ma kelli xejn, kont naħseb li t-tifla kienet qiegħda timrad ukoll” stqarret Julia.  Bid-dmugħ f’għajnejha hija qalet li ġurnata li qatt mhu se tinsa kienet meta r-raġel tagħha qalilha biex imorru jimxu. Dakinhar huwa qalilha li nduna bdak li kien qiegħed jiġri, “qalli jiena ħa nkun dejjem warajk jiġri x’jiġri. Inti għandek bżonn il-kura u ħa nagħmel minn kollox biex tfieq”, minn dakinhar hija bdiet it-triq għall-kura.

    Nuqqas ta’ għarfien

    Julia qalet li hija tkellmet ma’ diversi tobba u kollha ħasbu li kellha problemi oħra li setgħu jikkważawlha id-dipressjoni, “kont niddejjaq meta kienu jgħiduli; “int m’għandek xejn…x’jonqsok? għandek raġel, għandek tifla b’saħħitha, għandek dar x’jonqsok?  Ħadd ma rrealizza minn xiex kont qiegħda nbati. Fortunatament illum il-ġurnata hawn ħafna iktar għarfien u l-istigma naqset, mhux bħal qabel li jekk ikollok problema ta’ saħħa mentali jqisuk daqs li kieku kont krinimal.”

    Familja ikbar?

    Hija tisħaq li llum għandha relazzjoni tajba mat-tifla tagħha, “it-tifla tiegħi tista’ tgħid hija riflessjoni tiegħi nnifsi. Għalkemm għamilt l-ewwel erbgħa snin ta’ ħajjitha mhux f’kundizzjoni xierqa jiena xorta għamilt l-għallmu tiegħi biex inrabbiha bl-aħjar mod li nista’.” Julia żiedet tgħid li għal ħafna snin kien hemm ħafna nies li saqsewha jekk hux se jerġa jkollha tfal, mistoqsija li hija ddeskrivieta bħala ‘żejda’ u li ‘mhux adekwata’, “kont niddejjaq meta jgħiduli ‘mela ħallejtha waħidha t-tifla” temmet tgħid.

    20 sena wara …

    Illum il-ġurnata hija temmen li kieku hija irrikorriet għall-kura mal-ewwel kienet tfiq ħafna iktar malajr, “l-iżball tiegħi kien meta jiena ma ridtx naċċetta l-problema li kelli. Għalkemm din l-esperjenza tqabbadni dieqa kbira xorta waħda ma jiddispjaċinix nirrakkontaħa għaliex kburija ngħid li jiena għelibt dan l-ostaklu. Jiena saħħaħt il-karattru tiegħi. Il-messaġġ tiegħi hu li jekk għandek problema fittex l-għajnuna mal-ewwel. Is-saħħa mentali hija importanti daqs is-saħħa fiżika u ħu ħsieb tiegħek innifsek u ġġieled kontriha għax il-ħażin jiġi waħdu u s-sabiħ tagħmlu int.”

     

    L-isem f’dan l-artiklu ġie mibdul għal fini ta’ privatezza

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0