Waterpolo: Intervista ma’ Ken Erdogan

  • Ġun 25, 2019 13:40
  • Miktub minn minn Cris Muscat
"

     

    Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?

    Minn ta’ età tenera kont espost lejn l-isport tal-għawm u l-waterpolo, kif ukoll ħafna sport ieħor, iżda peress li n-nannu, Robbie Ebejer, kien jilgħab il-waterpolo u kien ukoll president tal-ASA, mal-ewwel urejt li kelli xeħta għall-waterpolo u b’hekk għażilt li nsegwih bir-reqqa.

     

    Tista’ taqsima magħna  l-aħħar esperjenza li kellek fil-Montenegro u s-Serbja?

    Meta mort il-Montengro, kelli 15-il sena u mort biex nitħarreġ għal ftit ġimgħat mat-team ta’  Jadran, fil-belt ta’ Kotor. Li nibqa’ dejjem niftakar huwa t-tul tal-players kif ukoll is-saħħa u l-qawwa fl-għawm ta’ dan it-team. Minn hemm indunajt kemm irrid naħdem biex nilħaq livell aqwa.

    Matul ix-xitwa li għad­diet, lgħabt mat-team Dunav li jinsab f’Novi Sad, fis-Serbja. Dan kien team ġovanili ħafna, iżda t-taħriġ kien ta’ livell għoli u mill-inqas ittrenjajt darbtejn kul­jum.

    Hawnhekk kelli l-opportunità li ntejjeb il-logħba tiegħi u niskopri aktar it-tattika. Peress li lgħabna kontra players ikbar, kelli nieħu ċerti responsabbilta­jiet u naħdem id-doppju waqt il-logħba.

    Il-fatt li għext barra minn Malta waħdi għen ħafna biex inkun indipendenti u responsabbli. L-esperjenza kienet kollha pożittiva.

     

    X’tikkummenta fuq ir-riżorsi (pixxina) li fihom tittrenjaw u tilagħbu f’paj­jiżna?

    Naħseb li r-riżorsi huma li­mi­tati ħafna. Pixxina waħ­da mhix biżżejjed biex taqdi lit-timijiet kollha kemm dawk tal-age groups, il-kbar kif ukoll lill-għawwiema kol­lha.

    Hemm bżonn ta’ aktar spazju u anki xi pixxina mdaqqsa u magħluqa. Aktar u aktar meta tqis li dan l-ssport laħaq ċertu livell meta mqabbel ma’ dixxip­lini oħra.

     

    X’sagrifiċċji jinvolvu li tkun player tal-waterpolo?

    Bħal kwalunkwe dixxip­lina sportiva, il-waterpolo jinvolvi ħafna sagrifiċċji. Trid issib bilanċ kontinwu bejn xogħol, studju u taħriġ.

    Hija xi ħaġa normali li nkun qed ngħum mas-sitta ta’ filgħodu, imbagħad immur għax-xogħol, insib xi ħin għall-istudju u nerġa’ nitħarreġ filgħaxija.

    Trid tieħu ħsieb ukoll għal dieta tajba u mistrieħ, b’hekk il-ħruġ mal-ħbieb u s-safar mal-familja huma limitati ħafna, speċjalment fis-sajf! Din hija r-raġuni meta ngħidu li l-waterpolo huwa stil ta’ ħajja!

     

    Kif jirnexxielek tlaħħaq mat-taħriġ, l-istudju, ix-xogħol u mal-waterpolo?

    Biex tlaħħaq ma’ kollox, trid tkun sod miegħek innifsek u tippjana kull ġurnata. Anke ħin biżżejjed biex tistrieħ. Bħalissa qed naħ­dem part-time kuljum, nistudja privatament u nittrenja kull filgħaxija u filgħodu kmieni.

     

    Kif tiddeskrivi l-aħħar staġun tiegħek ma’ Neptunes kemm għalik pers­onali u anki bħala team?

    Is-sena l-oħra kelli staġun mill-isbaħ. Kburi ngħid li rbaħt il-kampjonat ta’ kull age-group, dak ta’ Taħt is-17 il-sena, ta’ Taħt l-20 sena u anki mat-team tal-kbar.

    L-aktar li apprezzajt kien it-taħriġ li kellna kuljum għax dan tani l-opportunità li nisfida kemm lill-players barranin kif ukoll lill-players magħrufa fit-team tiegħi, u b’hekk kull sessjoni kienet waħda ta’ tagħlim.

    Bħala team, kellna n-nuqqasijiet tagħna u xi żbalji kkommettejna wkoll, iżda minħabba d-determinazjoni ta’ kull individwu, id-dedikazjoni tal-coach u t-taħriġ li kellna, fl-aħħar ħriġna rebbieħa!

     

    Qbilt mas-sistema tal-play-offs?

    Dan huwa suġġett li ma tantx nagħti kas. Il-clubs flimkien mal-ASA jiltaqgħu qabel l-istaġun u jieħdu ċerti deċiżjonijiet.

    Bħala player naċċetta dak li jwassal għal ċerti regoli u nilgħab skont l-esiġenzi u x-xewqa tal-coach.

     

    U fuq dik li ġiet addottata għal dan l-istaġun?

    F’dak li għandu x’jaqsam mas-sistema tal-play-offs għal din is-sena, dak li nista’ ngħid huwa li ħafna mid-dixxiplini sportivi madwar id-dinja japplikaw din is-sistema.

    Nemmen li żżomm lit-timijiet b’ritmu kostanti matul l-istaġun kollu. Hija wkoll sistema eċċitanti għall-partitarji hekk kif ir-riżultati jistgħu jinbidlu lejn tmiem l-istaġun.

    Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, il-Kunsill tal-ASA għażel din is-sistema u l-coaches għandhom jippreparaw lit-timijiet u l-players tagħhom għall-aħħar fażi tal-istaġun.

     

    X’tikkummenta fuq il-bidu ta’ dan l-istaġun għal Neptunes?

    L-istaġun tas-sajf 2019 beda riċentament u diġà qed jawgura li se jkun wie­ħed interessanti.

    Segwejt lil xi players barranin u kull wieħed minn­hom għandu xi ħaġa x’jik­kontribwixxi għall-iżvilupp tal-waterpolo lokali.

    Il-qawwa u l-preċiżjoni tagħhom fix-xutt huma tassew notevoli. Ħafna minn­hom jidhru li diġà ssetiljaw fit-timijiet rispettivi tagħhom u jinsabu komdi bil-fatt li qed jixprunaw u jmexxu lit-timijiet rispettivi tagħhom.

    Dan filwaqt li ġew im­poġġija fid-deher xi tekniċi ġodda min-naħa tagħhom li qed nittama li naddatahom ukoll għalija nnifsi.

     

    U fuq ir-regoli ġodda li qed jiġu implimentati?

    Ir-regoli modifikati u li qed jiġu implimentati f’dan l-istaġun qed jagħmlu l-logħba iktar veloċi.

    Il-players issa jistgħu jiċċaqilqu f’azzjoni mmedjata meta jirbħu foul, u l-pussess tal-ballun ġie mnaq­qas għal 20 sekonda fit-tieni attakk - dawn kollha jikkontribwixxu għall-pass iktar veloċi.

    Barra minn hekk, b’żewġ time-outs biss għal kull team, il-coaches iridu jkunu iktar diliġenti u preċiżi biex jieħ­du l-benefiċċji kollha ta’ dan l-intervall qasir.

     

    Kemm jgħinek il-coach Jovan Popovic għall-iżvi­lupp tiegħek fil-logħba tal-waterpolo?

    Matul is-sena li għaddiet il-coach Popovic ħadem qa­tigħ biex jgħini niżviluppa l-ħiliet tiegħi għall-benefiċċji tat-team. Inħoss  li fhimt l-intenzjonijiet tiegħu u qed nieħu gost bl-esperimenti tiegħu li jippruvani f’pożiz­zjonijiet varji fis-set-up tal-logħba.

    Qed naspira biex inkompli nitgħallem il-pożizzjoni tiegħi fid-difiża waqt li jkolli iktar xuttijiet b’saħħithom.

     

    Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek ma’ Neptunes?

    Ilni nilgħab ma’ Neptunes għal ħafna snin, iżda issa qed nifforma parti mit-team tal-kbar. Sakemm Neptunes jibqgħu jgħinuni nikber f’dan l-isport u jkol­lhom bżonni, naħseb li kuntent nibqa’ parti minn dan it-team.

    L-unika xewqa li għandi hija li minbarra li nibqa’ naqdi dmiri magħhom, ikolli l-opportunità li nerġa’ nilgħab ma’ xi team barrani waqt il-kampjonat xitwi.

     

    X’tikkummenta fuq l-esperjenza tiegħek mat-team nazzjonali ta’ Taħt l-20 sena?

    Għandi l-unur ngħid li fformajt parti mit-team nazzjonali taż-żgħar minn mindu kelli 14-il sena, saħansitra kont anke l-captain tat-team ta’ Taħt il-15-il sena.

    Il-coach Karl Izzo, dejjem wera interess fl-iżvilupp tiegħi. Jien ninsab konvint li meta jkollu bżonni jibgħat għalija. Sadanittant, jien se nibqa’ nissielet u naħdem ħafna biex nissaħħaħ u nit­jieb fil-waterpolo.

     

    Tista’ tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera fil-waterpolo?

    Qatt taqtgħu qalbkom biex tilħqu l-għanijiet tagħ­kom. Ser issibu ħafna sfidi u ostakli fit-triqitkom. Dawn ser jgħinukom tikbru,  tit­għallmu tissaraw biex twet­tqu xewqitkom u fuq kollox timmaturaw. 

    It-triq mhix faċli, lanqas xejn, iżda s-sodisfazzjon li tkunu wasaltu fejn xtaqtu tkun ferm sodisfaċenti. Naw­guralkom kull suċċess fil-futur tal-waterpolo!

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0