Malta b'pożizzjoni ċara u b'saħħitha fl-Unjoni Ewropea... Fil-Lussemburgu u Brussel, Farrugia jelenka ħames linji ħomor għall-Gvern Malti

  • Lul 06, 2019 19:55
  • Miktub minn iNews
"

    Kien propju fl-aħħar Kunsill tal-Ministri Ewropej fil-Lussemburgu u wara permezz ta' numru ta’ laqgħat bilaterali fi Brussel li s-Segretarju Parlamentari għal Fondi Ewropej u d-Djalogu Soċjali għamel il-pożizzjoni ta' Malta ċara hekk kif qed ikomplu n-negozjati għall-baġit Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin bejn il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea. Ikunu imbagħad il-Kapijiet tal-Istati permezz ta' summit li jiffinalizzaw il-ftehim, liema ftehim mhux mistenni jintlaħaq sa l-aħħar tas-sena.

    Il-linji ħomor għas-Segretarju Parlamentari huma ħamsa, u t-tim Malti li kien jinkludi r-Rappreżentant Permanenti fi Brussel Daniel Azzopardi u s-Segretarju Permanenti Paul Zahra li kien fost it-tim Malti ta’ negozjaturi għal baġit preċedenti jidher li qed isib l-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Parlament Ewropew, u ta’ numru sostanzjali ta’ Membri Stati. Fil-Lussemburgu Farrugia qal li ma jistax jifhem kif fuq naħa ċertu pajjiżi jitkellmu dwar kif l-Unjoni Ewropea se tippożizzjona ruħha biex tikkompeti fuq numru ta’ oqsma fuq livell globali ma’ l-ekonomiji tal-Istati Uniti, iċ-Ċina u l-Indja fost oħrajn u imbagd qed jimbuttaw baġit li m'hu ambizzjuż xejn. Farrugia qal li bil-baġit li qed jipproponu numru ta’ pajjiżi li jadvokaw tnaqqis fl-ispiża ma nistgħux nilħqu l-objettivi tagħna fl-isferi tal-kummerċ internazzjonali, tibdil fil-klima, u Ewropa soċjali.

    Minn naħa l-oħra Malta qalet ‘le’ u le ċara għal kundizzjonijiet ġodda dwar l-implimentazzjoni ta’ Fondi Ewropej. Hawn Farrugia wissa li b'iktar kundizzjonijiet fuq il-Membri Stati kif qed jiġi propost mill-Olanda u pajjiżi oħra, inkunu qed nimxu lil hinn mhux biss mit-Trattati iżda saħansitra mill-Objettiv tal-Politika ta Koeżjoni. Hu tenna li pajjiż bħal Malta ilu jgħix b’ħafna kundizzjonijiet sa minn qabel l-isħubija ta’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea.

    “Il-kundizzjonijiet kienu magħna sa minn qabel is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropeja, l-ewwel bl-implimentazzjoni tal-acquis communitaire, u wara bil-kriterji stabbiliti fit-trattati ta’ Maastricht u Kopenhagen, u aktar tard bit-tisħiħ tal-Patt dwar l-Istabilità u t-tkabbir ekonomiku flimkien mal-ex ante u kundizzjonijiet makorekonomiċi.”

    Farrugia tenna wkoll li l-objettivi tal-Politika ta’ Koeżjoni imorru lil hinn mill-aspetti ekonomiċi jew l-implimentazzjoni tar-riformi u l-għan prinċipali għandu jibqa dak li jitnaqqsu l-iżvantaġġi bejn reġjuni differenti, b’mod partikolari fejn hemm żvantaġġi li jirriżultaw minn karateristiċi ġeografiċi u territorjali u li dawn l-għanijiet għandhom jibqgħu fiċ-ċentru ta’ din il-Politka Ewropeja.

    Bil-Gvern Malti fl-aħħar ġimgħat jirreġistra rebħa importanti fejn jidħlu pagamenti diretti lill-produtturi tal-ħalib u t-tadam minn fondi Ewropej, Malta issa qed tagħmel l-argumenti tagħha dwar il-fatt li hemm diskrepanza kbira bejn dak li l-pajjiż qed jieħu u dak li qed jagħti fejn jidħlu pagamenti diretti lil bdiewa u r-raħħala u l-iżvilupp rurali.

    Minn naha l-oħra, Farrugia kompla bil-ħidma tiegħu biex jikseb iktar appoġġ għal żewġ fatturi oħra importanti għal Malta, dik li qed tissejjaħ safety net nazzjonali u t-twessiegħ ta’ dawk ir-reġjuni u pajjiżi li jikkwalifikaw bħala reġjuni li jinsabu fi tranżizzjoni. Dawn huma żewġ fatturi importanti biex Malta tikseb ftehim ġust li jgħin lil pajjiżna jikkonsolida u jsostni t-tkabbir ekonomiku li rreġistra fl-aħħar snin.

    Mal-Ministru Finlandiz għall-Affarijiet Ewropej Tytti Tuppurainen, hekk kif minn għada l-Finlandja tieħu l-Presidenza tal-kunsill tal-Unjoni Ewropea, Farrugia qal li mhux ġust li pajjiżi li rreġistraw progress u tkabbir jiġu ppenalizzati u bħala ekonomista jemmen li m'għaddiex biżżejjed żmien biex ngħidu li dawn il-pajjiżi jistgħu ikomplu jikbru mingħajr ma jingħataw għajnuna sostanzjali. Minn naħa l-oħra, huwa qal li f’dak li hu dħul għall-Unjoni Ewropea, Malta ma kinitx qed taċċetta taxxi ġodda u dan għax nemmnu fl-indipendenza fiskali. Xorta waħda Malta lesta tiddiskuti inizjattivi oħra fosthom dawk relatati ma’ kontribuzzjonijiet għal plastik mhux riċiklat.

    Fi Brussel Farrugia wassal ukoll il-ħsibijiet ta’ Malta fejn jidħlu fondi relatati mal-immigrazzjoni, fruntieri u ażil u kif ukoll fondi diretti relatati mal-programm Erasmus u fondi għar-ricerka, żvilupp u innovazzjoni fejn Malta mhux biss qed titlob distribuzzjoni ġeografika bbilanċjata iżda wkoll spjega kif is-Segretarjat tiegħu se jkun qed jiċċentralizza s-sistema fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0