“Ma ninżilx fit-triq jekk ma nkunx taħt l-effett ta’ sustanzi”

  • Lul 10, 2019 13:15
  • Miktub minn Carmen Cachia
"

    “Il-prostituzzjoni hi t-triq tal-isfruttament u tal-vjolenza” - Dr Anna Vella, membru tal-bord ta’ Dar Hosea, temmen li wasal iż-żmien li l-Gvern jieħu passi

    Il-prostituzzjoni hija realtà li ħafna drabi hija moħbija, iżda għal min hu maqbud f’dan iċ-ċirku trawmatiku din l-esperjenza u stil ta’ ħajja hi mimlija diffikultajiet, perikli, sfruttament, vjolenza u abbuż. L-ORIZZONT tkellem ma’ Dr Anna Vella, membru tal-bord ta’ Dar Hosea fejn daħlitna f’din id-dinja kiefra tal-prostituzzjoni u tisħaq li wasal iż-żmien li l-Gvern Malti jillegalizza favur in-nisa vittmi tal-prostituzzjoni u jikkriminalizza lil kull min juża lil dawn in-nisa.

    Nisa li jipprostitwixxu ruħhom ħafna drabi huma vittmi ta’ abbuż sesswali f’xi perjodu kmieni tal-ħajja tagħhom. Din il-ħajja iebsa twassal biex il-vittmi jistqarru li ma jinżlux fit-triq jekk mhux taħt l-effett ta’ sustanzi. L-istess użu ta’ sustanzi jwassalhom biex jibqgħu maqbuda fil-prostituzzjoni minħabba li jkollhom bżonn il-flus. Proprju minħabba f’hekk Dr Anna Vella għamlet studju biex ikun determinat x’jiġi l-ewwel, jekk hux l-użu tad-droga/l-alkoħol jew il-prostituzzjoni.

    Bżonn li l-gvern jieħu passi

    “L-istudju wera li l-ebda minn dawn ma jiġi l-ewwel iżda l-ewwel fil-ħajja ta’ dawn in-nisa rriżulta li kien abbuż sesswali. Dan l-istudju wera biċ-ċar li m’hemmx għażla libera li mara taqbad it-triq tal-prostituzzjoni imma dawn huma nisa vulnerabbli li m’għandhomx għażla oħra ħlief it-triq tal-isfruttament u l-vjolenza,” sostniet Vella. It-tabiba kkonfermat li l-prostituti għandhom spiss ukoll il-problema tad-droga u/jew tax-xorb. 

    Hija qalet li s-sitwazzjoni preżenti taċ-ċirku tal-prostituzzjoni f’Malta baqgħet l-istess u ma kien hemm ebda żvilupp pożittiv biex inqas nisa jiġu sfruttati b’dan il-mod. Għalkemm m’hemmx statistiċi uffiċjali dwar kemm persuni jużaw is-servizzi ta’ prostituta f’pajjiżna, din l-attività lleċita hija mfittxija mhux ħażin fejn fil-qrati lokali u fil-mezzi tax-xandir kien hemm diversi każi li fihom nisa, b’mod organizzat, ġew sfruttati biex ibigħu ġisimhom għall-flus.

    Ħajja iebsa mimlija tbatija…

    Nisa fil-prostituzzjoni jiffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli ferm fejn fost l-oħrajn jisfgħu abbużati psikoloġikament u fiżikament. Dawn huma vittmi ta’ abbużi sesswali, problemi ta’ saħħa mentali, vizzji bħal droga u alkoħol, faqar, kif ukoll forom oħra ta’ tbatija. Il-prostuti jsibuha diffiċli ħafna biex joħorġu minn dan iċ-ċirku perikoluż bil-għan li jirritornaw jgħixu ħajja “normali” integrati fis-soċjetà. 

    Huma jgħixu ħajja kaotika fejn il-fatturi l-aktar komuni li jwasslu għall-prostituzzjoni huma abbuż sesswali fit-tfulija, abbuż fiżiku u negliġenza emottiva. Minħabba l-esperjenzi koroh fi tfulithom dawn in-nisa ħafna drabi jidħlu f’relazzjonijiet abbużivi u manipulativi ma’ rġiel u pimps li aktar jaggravawlhom l-affarijiet meta jużawhom għall-prostituzzjoni.

    “L-unika entità li tgħin lill-prostituti hi Dar Hosea”

    Dar Hosea hija l-unika entità f’pajjiżna li tgħin lin-nisa fil-prostituzzjoni fejn għandha ċentru drop-in li jiftaħ matul il-ġurnata u jagħti l-għajnuna lil dawn in-nisa. Fil-preżent it-tim jinkludi maniġer li hija wkoll ħaddiema soċjali kkwalifikata, espert mediku fuq vizzji u fuq is-saħħa sesswali li jagħti s-servizz tiegħu pro bono, ħaddiema soċjali li hija gradwata fil-psikoloġija, ħaddiema soċjali oħra fuq bażi part time, assistenta fl-amministrazzjoni u 17-il volontiera. 

    Ta’ kuljum dan iċ-ċentru jilqa’ medja ta’ erba’ nisa li jipprostitwixxu ruħhom, fejn joffrilhom ambjent ta’ familja u jingħataw l-ikla ta’ filgħodu u l-ikla ta’ wara nofsinhar. Servizzi oħra offruti minn Dar Hosea huma faċilitajiet biex jinħaslu, jaħslu ħwejjiġhom, librerija żgħira, żoni fejn jistgħu jistrieħu għall-kwiet, kamra apposta għall-attivitajiet ta’ arti u kraft, jingħataw sessjonijiet ta’ riflessjoni, ġardinar, tisjir, jintwerew films li jispirawhom u anke servizz ta’ parukkiera għal min ikollu bżonn.

    Minħabba t-trawmi li jesperjenzaw dawn in-nisa fil-prostituzzjoni, huma jingħataw ukoll sessjonijiet ta’ counselling u sostenn emozzjonali. Barra minnhekk l-istaff ta’ Dar Hosea jassistu lil dawk kollha li jfittxu l-għajnuna tagħhom billi jiggwidawhom biex isibu impjieg, inkluża li jimlew is-CV magħhom u f’kitba tad-dokumenti relatati. In-nisa li jfittxu kenn u gwida f’Dar Hosea jingħataw ukoll edukazzjoni sesswali u jsirulhom eżamijiet mediċi għall-mard trasmess sesswalment (STI).

    Servizzi oħra li huma offruti barra mir-residenza jinkludu li jakkumpanjaw lill-klijenti għal appuntamenti fl-isptar, viżti għand id-dentist, smigħ fil-qorti, laqgħat mal-probation officers, laqgħat tal-ġenituri fl-iskejjel, interviews għal xogħol, kif ukoll jgħinu biex jerġgħu jingħaqdu (reunion) mal-familjari. Dar Hosea tmur ukoll fiċ-Ċentru Detox u fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

    L-impjegati u l-volontiera ta’ din ir-residenza jgħinu wkoll lill-prostituti tqal li jkollhom problemi ta’ droga. Dawn in-nisa ħafna drabi huma stigmatizzati u immarġinalizzati mis-soċjetà minħabba li barra li huma tqal u għandhom il-vizzju tad-droga, jipprostitwixxu ruħhom ukoll. L-impenn ta’ din id-Dar huwa wkoll lejn l-ulied ta’ dawn in-nisa li ħafna drabi jattendu r-residenza flimkien ma’ ommhom.

    Fl-2018 kien hemm seba’ każi li reġgħu infetħu, kif ukoll 12-il klijenti ġodda li tnejn minnhom kellhom wild żgħir fl-età. B’kollox kien hemm 811 mara u 164 tfal drop ins f’din ir-residenza. Ix-xogħol bla heda f’Dar Hosea huwa tant importanti għal dawn in-nisa u t-tfal għax jagħtihom l-għajnuna meħtieġa biex iqumu fuq saqajhom u jgħixu ħajja aktar trankwilla.

    Numru ta’ nisa rnexxielhom joħorġu mill-prostituzzjoni u jinsabu f’ħidma intensiva biex jerġgħu jibdew jgħixu ħajja aktar sigura. Li persuna terġa’ taqa’ f’dan iċ-ċirku hi possibbiltà, iżda bl-għajnuna pprovduta minn Dar Hosea, dan in-numru qed jonqos konsiderevolment.

    Nidħlu fil-ħajja reali tal-prostituti…

    Tmut u l-familjari jirrifjutaw li jmorru għall-funeral

    * Meta Christine kienet għadha żgħira, missierha abbandunahom u hija kienet ta’ spiss abbużata sesswalment minn ħuha. Minħabba f’hekk it-tfajla kienet taħrab mid-dar iżda kienet tirritorna meta jsibuha l-Pulizija. Hija qabdet vizzju taħrab u tisparixxi għal jiem sħaħ. F’dawn il-perjodi hija kienet taħdem fil-ħwienet tax-xorb u malajr bdiet torqod mal-irġiel biex issostni l-vizzju tal-alkoħol li spiċċat vittma tiegħu. 

    Snin wara hija żżewġet u kellha t-tfal iżda r-raġel, bħalma kien għamel missierha, telaqhom ukoll u minħabba l-alkoħoliżmu tagħha s-Servizzi Soċjali ħadulha t-tfal. Wara li ġara dan kollu Christine qatgħet il-kuntatt kollu li kellha mal-familja tagħha. 

    Sentejn ilu Christine ġiet riferuta għal Dar Hosea u bdiet tqatta’ l-ġranet tagħha hemm. Hawnhekk hi bdiet tieħu t-terapija iżda jum minnhom qalet li kienet qiegħda tħossha ma tiflaħx u l-għada ma rritornatx fiċ-ċentru. Minħabba li kienet dejjem tattendi, il-maniġer marret id-dar tagħha fejn sabitha ma tiflaħx sew. Christine mietet fl-isptar ftit wara. Il-membri tal-familja rrifjutaw jattendu għall-funeral.

    Meta tilfet lil bintha sabet il-kuraġġ biex toħroġ mill-prostituzzjoni

    * Stella kienet taħdem bħala prostituta għal snin twal fejn kienet tħallas €30 għal kamra u fiha tistieden l-irġiel. F’dan il-perjodu hija ħarġet tqila u kif weldet lit-tarbija ttieħdet minn omm Stella. Ġara li n-nanna tat-tarbija qatgħet kull kuntatt mal-prostituta. 18-il xahar wara Stella bdiet tmur għat-terapija f’Dar Hosea u grazzi għal għajnuna mis-Servizzi Soċjali rnexxielha terġa’ tibni relazzjoni mal-familja tagħha tant li aktar tard marret tgħix ma’ ommha u ma’ bintha. 

    Illum il-ġurnata Stella ħarġet mill-prostituzzjoni u mhix tieħu drogi. Hija taħdem fuq bażi ta’ full time u l-pass li jmiss għaliha hu li ssib dar fejn tkun tista’ tmur tgħix fiha ma’ bintha.

    Stuprata minn missierha li kien alkoħoliku

    * Anita ilha ssofri minn tfulita fejn kienet trattata ferm ħażin minn ommha u abbużata anke mis-sieħeb tal-omm. Ftit wara li ltaqgħet għall-ewwel darba ma’ missierha, li  kien alkoħoliku, hija sfat stuprata minnu. Il-mara bdiet tbati minn mard mentali serju u bħal ommha bdiet ukoll tipprostitwixxi ruħha bil-konsegwenza li wara bdiet tabbuża minn sustanzi. Meta l-missier bijoloġiku tagħha miet minħabba l-abbuż tal-alkoħol, Anita ħallset għall-funeral tiegħu bil-qligħ mill-prostituzzjoni. 

    Madwar disa’ xhur wara Anita ġiet riferuta għal Dar Hosea u ftit wara ddaħlet l-Isptar Monte Carmeli. Minkejja li din tħalliet tirritorna d-dar, l-istaff ta’ Dar Hosea baqa’ jmur jaraha u jistedinha biex terġa’ tibda tmur fir-residenza tagħhom. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0