Ten-Pin Bowling: Intervista mal-president Paul Baldacchino

  • Lul 19, 2019 16:33
  • Miktub minn minn Cris Muscat
"

    Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn it-Ten-Pin Bowling u kif komplejt tevolvi fl-istess sport?

    L-imħabba tiegħi lejn il-bowling bdiet meta bdejt immur nilgħab mal-ħbieb bħala ħarġa.

    Meta mbagħad bdejt nis­kopri li hemm teknika fina wara din il-logħba aktar tħajjart.

    Charles Farrugia, kien rani nilgħab u nsista li jdaħħalni mat-team tiegħu, ‘Blasters’.

    Spiċċajt iffissat, nilgħab kważi kuljum u nitgħallem it-teknika. Wara dħalt mat-team tal-Bank of Valletta u erba’ snin wara rbaħna l-kampjonat nazzjonali.

    B’kollox irbaħt disa’ titli ma’ erba’ timijiet differenti u 10 darbiet runner-up. Mat-team ta’ Ramis għad għandi rekord nazzjonali, li issa huwa l-eqdem rekord fil-bowling.

    Fl-2013, ħafna ħajruni nieħu l-presidenza u l-irwol tiegħi nbidel minn player għall-amminstratur.

    X’responsabbiltà tħoss li int il-president tal-Malta Ten Pin Bowling Association?

    Ir-responsabbiltà hija kbira għax l-aspettativi f’dan l-isport huma kbar. Biżżejjed ngħid li kemm ilni president, għadha qatt ma għad­diet sena mingħajr ma rbaħ­na tal-anqas midalja waħda tad-deheb fil-kampjonati in­ternazzjonali l-kbar bħall-Commonwealth jew tal-Me­diterran. 

    Qabel f’din il-kariga kien hemm Julian Pace Bonello li llum jokkupa l-irwol ta’ president tal-Kumitat Olimpiku Malti (MOC). Kemm għenek l-istess Pace Bonello qabel dħalt għal din ir-responsabbiltà?

    Julian kien poġġa lill-Assoċjazzjoni fuq sisien sodi u kien tani hand-over taj­ba. Il-pariri ta’ Julian dej­jem kienu utli u naf  li dej­jem nista’ nfittxu għall-gwi­da u għall-pariri. 

    Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol u mal-bowling?

    Trid tqassam il-ħin sewwa u importanti li jkollok eżekuttiv ħabrieki. L-attivitajiet tal-bowling jaqgħu kollha filgħaxija u fi tmiem il-ġimgħa u għalhekk ma jaħbtux mal-ħinijiet tax-xogħol.

    Taħseb li hemm biż­żejjed interess minn tfal u żgħażagħ fil-bowling fil-Gżejjer Maltin?

    Bħala numri ma żdidux imma għandna nukleu li huwa dedikat immens u jittrenja ħafna mal-coaches b’dedikazzjoni. 

    Ħajjet iż-żgħażagħ iddur mal-loghba tal-bowling.  Meta jsiefru barra dejjem imorru tajjeb.

    Hemm prospetti tajbin, però rridu nsibu r-riżorsi ħalli nibagħtuhom jikkompetu barra minn Malta aktar spiss.

    Il-livell dejjem tiela’ u importanti li ż-żgħażagħ tagħ­na jibqgħu jikkompetu matul is-sena kollha.

    Finanzjarjament huwa diffiċli li wieħed jipprattika l-bowling? Xi bżonnijiet finanzjarji jinvolvi l-bowling?

    Iva, player li jieħu dan l-isport bis-serjetà jkollu jinvesti kemm fl-apparat personalizzat kif ukoll irid iħallas miżati biex jieħu sehem fil-kampjonati.

    Dan għaliex il-bowling jiġi pprattikat f’ċentri privati li jitmexxew kummerċjal­ment u għalhekk hemm ċer­ti ħlasijiet. 

    Però għandna l-appoġġ tal-Eden Superbowl li jgħi­nuna ħafna fit-taħriġ.

    Bħala bowlers lokali, dawn isibu għajnuna minn SportMalta u l-Kumitat  Olimpiku Malti?

    Isibu ħafna għajnuna, u allaħares ma jkunux SportMalta u l-Kumitat Olimpiku Malti li jassistuna biex nikkompetu barra.

    Li ma kienx għal SportMalta u l-Kumitat Olimpiku Malti, il-livell tagħna ma telax u ma rbaħniex daqs­hekk midalji barra min Malta.

    Kemm taħseb li l-media tippromwovi l-bowling f’paj­­­­­jiżna?

    Naħseb li meta tqis is-suċċess li niksbu barra minn Malta, nemmen li l-bowling jistħoqqlu aktar prominenza. 

    Però rrid nammetti li aħna wkoll kellna n-nuqqas tagħna peress li konna ilna fuq sentejn bil-pożizzjoni ta’ PRO vakanti.

    X’tikkummenta fuq il-Kampjonati tal-Mediterran li saru f’Malta matul Marzu li għadda?

    Ninsabu kuntenti ferm bl-edizzjoni tal-Kampjonati tal-Mediterranean li saret f’Mal­ta.

    Irċevejna tifħir mill-pajjiżi kollha u mill-Fede­razzjoni Ewropea tat-Ten-Pin Bowling. Dan rigward il-lat organizzativ, li kollox mar sew u ħallejna impres­sjoni tajba ta’ Malta.

    Sodisfazzjon akbar mil-lat kompetittiv fejn ksibna għaxar midalji u qbiżna l-miri li kellna ta’ sitt midalji.

    Issa, wara 22 edizjoni, Malta hija l-aktar pajjiż li qatt rebaħ midalji, jiġifieri total ta’ 111-il midalja, segwiti mill-Greċja, l-Italja u Franza.

     U x’attivitajiet hemm ippjanati għal din is-sena ka­lendarja?

    Issa jmiss li niffukaw fuq l-edizzjoni li tat-Tazza tal-Pajjiżi ż-Żgħar ġewwa Ċipru fil-futur qrib. Nimmiraw li nirbħu din l-edizzjoni!

    Kif tqis il-livell tal-bowlers Maltin meta kkumparat ma’ bowlers internazzjonali? Taħseb li dan naqas jew żdied minn meta bdejt tipprattika l-bowling?

    Dejjem kellna players tajbin u ta’ kalibru, però kienet Sue Abela li spikkat matul il-karriera tagħha b’aktar minn 30 midalja tad-deheb li rebħet fil-kampjonati tal-Mediterran u kienet sa­ħan­sitra ċ-champion tal-Ew­ropa fl-1999.

    Kemm ilni fil-kariga ta’ president,  issa hemm atleti oħrajn li wkoll ġabulna midalji prestiġjużi. Biżżejjed insemmi lil Ti­ziana Carranante li rebħet il-midalja tad-deheb fil-Commonwealth u lil Sara Xuereb li rebħet il-midalja tal-bronż fil-kampjonati Ewropej taż-Żgħażagħ, kif ukoll oħrajn li rebħu midalji fit-Tazza tal-Mediterran.

    Barra minn hekk, stabbilixxejna rekord tal-Mediterran fit-team ta’ b’erbgħa, liema rekord diġà ilu fis-seħħ tliet snin.

    Taħseb li fil-futur bowler Malti jista’ jaqla’ l-għi­xien tiegħu esklussivament mill-bowling?

    Iva, però wieħed irid jimraħ barra minn xtutna.  Kellna players Maltin li spikkaw barra u kapaċi jirbħu, speċjalment kieku jkunu full-timers.  Fl-Ewropa ftit issib full-timers, imma għandna talent tajjeb.

    U meta kkumparat ma’ barra minn Malta kif tqis ir-riżorsi li fihom tittrenjaw u tilagħbu l-bowling f’Mal­ta?

    Barra minn Malta qatt ma jemmnu li għandna biss ċentru wieħed u kif minn gżira żgħira kapaċi negħlbu lill-pajjiżi kbar.  

    Il-fatt li għandna coaches tajbin u players dedikati dan isaħħaħna. Wasal iż-żmien li jkollna ċentru dedikat għal taħriġ, fejn nistgħu nitħarrġu fi tmiem il-ġim­għa u filgħaxija u mingħajr restrizzjoni ta’ ħin.

    Għandek xi ħolma partikolari li tixtieq li ssir real­tà fil-futur qrib f’dak li jirrigwardja bowling lokali?

    Żewġ ħolmiet: Li nirbħu l-midalji meta jkun hemm il-Kampjonati Mediterranji f’Malta, f’April li ġej, u li jfittex ikollna ċentru ta’ taħriġ professjonali.

    Tixtieq tgħaddi xi rin­graz­zja­ment partikolari?

    Hemm lista twila, imma żgur dejjem nirringrazzjaw lil SportMalta, lill-Kumitat Olimpiku Malti u lill-isponsors uffiċjali tagħna għax mingħajr l-għajnuna tagħ­hom ma konniex naslu fejn wasalna.

    Nirringrazzja lill-membri kollha għax għandna kommunità tal-bowling verament dedikata.

    Tista’ tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li jixtiequ jagħmlu karriera fil-bowling.

    Importanti li tkun togħ­ġobhom il-logħba u li lesti jiddedikaw ħin għat-taħriġ.  Dan huwa sport sabiħ li tista’ ddum tipprattikah għal ħafna snin.

    Min jixtieq jieħu l-bowling bis-serjetà għandu jagħ­mel kuntatt magħna u jibda jieħu ftit coaching.

    Għandna avvenimenti għal  dawk li għadhom jibdew. Il-punt tat-tluq huwa li wieħed jinkiteb fi Skola Sport. 

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0