Akkademja ta’ Eċċellenza fil-Kannabis… bi tħejjija biex ikun hawn ħaddiema għal din l-indusrija

  • Lul 20, 2019 13:41
  • Miktub minn iNews
"

    Fl-aħħar jiem, il-kumpanija EMMAC li għandha liċenzja biex ikollha faċilità f’pajjiżna biex tipproċudi prodotti mediċinali mill-kannabis, bdiet il-bini tal-impjant tagħha.  Il-bini jinsab fi stadju avvanzat u mistenni jibda jopera fi żmien ftit xhur oħra. Inewsmalta hi infurmata li l-istess kumpanija għadha kif laħqet ftehim mal-kumpanija Farmalabor biex il-prodotti mediċinali mill-kannabis ta’ EMMAC ikollhom aċċess għas-suq Taljan. Quddiem dan,  u l-mod kif qed tiżviluppa din l-industrija, il-Ministru għall-Investiment Chris Cardona f’intervista ma’ inewsmalta ħabbar li l-Awtorità tal-Mediċini se twaqqaf Akkademja ta’ Eċċellenza fix-Xjenza Regolatorja, li fost l-oħrajn se tispeċjalizza fi studju dwar il-kannabis.  Dan biex f’pajjiżna ikun hawn ħaddiema speċjalizzati għal din l-industrija, xi ħaġa li bħalissa qed jinħass in-nuqqas tagħha.

    Il-Ministru saħaq li “isem pajjiżna qed isir sinonimu ma’ din l-industrija u qed inaqqax ismu bħala ċentru ta’ eċċellenza fil-manifattura tal-kannabis għall-użu mediku.”

    Il-Ministru Cardona meta mistoqsi  kemm ġew approvati proġetti ta’ investiment minn kumpaniji internazzjonali fil-qasam tal-produzzjoni ta’ kannabis għal skop medicinali, qalilna li “mindu din il-liġi daħlet fis-seħħ, ftit aktar minn sena ilu, f’pajjiżna resqu 46 proġett propost u li minnhom, 20 ġew approvati.”

    Kemm ġew rifjutati proġetti u xi tkun ir-raġuni li għaliha dawn il-proġetti proposti ġew irrifjutati? 

    Minkejja li approvajna 20 proġett, m’aċċettajniex 16-il proġett propost ieħor. Dan huwa xhieda ta’ kemm Malta għandha qafas li jieħu bis-serjetà l-proċessi ta’ verifika ta’ kull proġett. Barra minn hekk, biex il-Malta Enterprise tapprova proġett, l-applikazzjoni trid tgħaddi minn proċessi rigorużi ta’ due diligence sabiex naċċertaw li l-proġett huwa wieħed serju li se jkun ta’ benefiċċju għall-ekonomija Maltija. Il-proċess ta’ skrutinju huwa estensiv ħafna għaliex aħna rridu biss l-aħjar investiment. 

    Issemma’ li sa issa l-proġetti approvati se joħolqu 700 impjieg u b’esportazzjoni li se tlaħħaq €900 miljun. Qed taraw li dan l-ammont għandu jiżdied fix-xhur fix-xhur li ġejjin u xi proġettazzjonijiet hemm?

    L-20 proġett li ġew approvati mistennija jinvestu madwar €100 miljun f’investiment kapitali u joħolqu 700 impjieg full-time. Mill-proġettazzjonijiet li għamilna jirriżulta li sa tliet snin oħra, Malta mistennija tibda’ tesporta prodotti mediċinali magħmulin mill-kannabis lejn is-suq Ewropew.  Huwa stmat li l-valur ta’ dawn il-prodotti se jlaħħaq kważi biljun ewro. Jiġifieri minkejja li l-industrija tal-kannabis mediċinali għadha żgħira f’Malta, diġà qed tikseb suċċessi kbar u nemmen li dan is-suċċess se jkompli jiżdied fix-xhur li ġejjin. L-għan ewlieni tagħna hu li Malta tkun ċentru ta’ eċċellenza fil-qasam tal-kannabis għall-użu mediku. 

    L-impjiegi li se jinħolqu huma għal Maltin jew barranin? 

    Aħna qed noħolqu ekonomija li minnha nnifisha tħeġġek biex toħroġ taħdem. Minkejja l-fatt li nitkellmu kif l-akbar sfida tagħna hija li nsibu l-ħaddiema, bħala politiku, jiena nemmen li l-akbar sfida tagħna hija li dawk ix-xogħlijiet ta’ kwalità li qed nġibu jmorru għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Dan ma jfissirx li ngħalqu l-bibien għall-barranin iżda għandna nassiguraw li ż-żgħażagħ Maltin jkollhom impjieg ta’ kwalità kif jixirqilhom. Għalhekk qed naraw li l-ħaddiema tagħna, jkomplu jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom għax l-ekonomija tagħna tiddependi fuq il-kaptial uman u f’dan is-settur hemm bżonn ta’ nies tekniċi b’taħriġ speċifiċi. Għal din ir-raġuni l-Awtorità dwar il-Mediċini Maltija se twaqqaf Akkademja ta’ Eċċellenza fix-Xjenza Regolatorja, li fost l-oħrajn se tispeċjalizza fi studju dwar il-kannabis. Dan il-kors attendew għalih bosta Maltin u barranin, u huwa mistenni li jkun hemm aktar korsijiet informattivi dwar dan is-suġġett. 

    Taħsbu li forsi għandha titwaqqaf awtorità separata minn Malta Enterprise li tispezzjona u tirregola lil dawn il-fabbriki li se jkunu qed joperaw?   

    F’Malta għandna standards għoljin ħafna  fil-qasam tal-farmaċewtika u qasam regolatorju b’saħħtu. L-irwol tal-Malta Enterprise huwa li tassigura li dawk il-kumpaniji internazzjonali li kkonfermaw l-investiment tagħhom se joperaw f’ambjent regolatorju ċar u liċenzjat mill-Gvern. Dan filwaqt li l-produzzjoni tal-kannabis mediċinali se tkun qed issir taħt sigurtà stretta mill-Awtorità tal-Mediċini. Għaldaqstant ma naħsibx li hemm lok għal aġenzija oħra hekk kif għandi fiduċja sħiħa fil-ħaddiema tal-Malta Enterprise u l-Awtorita tal-Mediċini li dejjem għamlu xogħolhom bl-akbar serjetà.  

    F’hiex waslu l-pjani marbuta mal-ftehim li kien sar u li permezz tiegħu l-università Taljana La Sapienza kellha twaqqaf laboratorju biex jittestja l-kannabis mediċinali? 

    Ftit tal-ġimgħat ilu, ġie ffirmat Memorandum of Understanding bejn il-Malta Enterprise u d-Dipartiment tal-Kimika u t-Teknoloġija Farmaċewtika tal-Università ta’ La Sapienza f’Ruma. Dan il-ftehim se jwassal biex il-Malta Enterprise tevalwa applikazzjoni mill-Università Taljana biex jigi allokat lilha spazju f’pajjiżna għal laboratorju state of the art. Dan il-laboratorju se jservi biex isiru testijiet u verifiki li jwasslu għal żviluppi fl-industrija tal-kannabis mediku. Dan il-proġett għadu fil-fażi inizjali tiegħu iżda se jkun importanti biex insostnu s-settur tal-kannabis mediku f’pajjiżna. 

    Fl-aħħar sigħat fi New Zealand kienu proposti regolamenti ġodda għal industrija tal-kannabis mediċinali. Qed jingħad li b’dawn ir-regolamenti New Zealand qed taspira li tkun hub għal innovazzjoni, kultivazzoni u l-produzzjoni tal-Kannabis għal skop mediku. Dawn ir-regolamenti l-ġodda tara li jistgħu jaffettwaw investimenti jew pjani minn kumpaniji fil-qasam tal-kannabis f’Malta? 

    Naturalment, kull pajjiż li jirregola dan is-settur se jkun qed jagħmel minn kollox biex jattira l-aqwa investiment lejh. Il-vantaġġ li għandna aħna bħala Malta hu l-fatt li aħna konna l-ewwel pajjiż fl-Ewropa li daħħalna qafas leġiżlattiv fis-settur tal-kannabis għall-użu mediku u għalhekk irnexxielna nattiraw top players ta’ din l-industrija. Kumpaniji minn madwar id-dinja qed jaraw kif jistgħu jidħlu fis-suq Ewropew u aħna rridu nkunu hemm mingħajr biża’, bi ħsieb, b’viżjoni u regolamentazzjoni. L-ikbar riskju hu li nħallu pajjiżi oħra jiġru ’l quddiem u aħna nippruvaw nilħquhom meta jkunu ġrew parti kbira mit-triq qabilna. Fl-istess ħin pajjiżna qed juri li jrid jidħol f’dawn is-setturi b’mod mill-iktar regolat bil-għan li jkun hemm l-istess serjetà li aħna magħrufin għaliha f’setturi oħra. 

    F’Novembru li ġej se jsir  is-summut Medcann World Forum f’Malta.  Kemm hu importanti l-fatt li dan is-summit se jsir f’Malta? 

    Din hija t-tieni darba li se jkun qed isir dan is-summit f’pajjizna u ninsab kburi li Malta se tkun qed tospita l-akbar kumpaniji f’dan is-settur. Il-fatt li qed isir summit ta’ dan il-livell f’Malta jfisser li isem pajjiżna qed isir sinonimu ma’ din l-industrija u qed inaqqax ismu bħala ċentru ta’ eċċellenza fil-manifattura tal-kannabis għall-użu mediku. Minkejja l-andament ekonomiku pożittiv, il-Gvern qed jara li Malta tkompli tkun innovattiva u minn ta’ quddiem fid-dinja fis-suq tal-produzzjoni tal-kannabis mediċinali.

    X’qed tistennew li se tiggwadanja Malta minn dan is-summit? 

    Dan is-summit se jservi bħala opportunità għal skambju ta’ tagħrif u ta’ networking  ta’ livell għoli. L-industrija lokali se tkompli tikber u tiżviluppa għalhekk inħares il-quddiem li nitkellem mat-top players ta’ din l-industrija u l-stakeholders kollha li se jkunu preżenti għal dan is-summit sabiex naraw x’se tkun it-triq il-quddiem għal din l-industrija f’pajjiżna. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0