Dawk li injoraw sejħa ta’ screening tas-sider… se jerġgħu jiġu msejħin

  • Lul 20, 2019 16:17
  • Miktub minn iNews
"

    Hu fatt magħruf kemm il-kanċer tas-sider ħasad nisa minn fostna. Tista’ tgħid li m’hawn ħadd li ma jaf lil xi ħadd li ħajtu ntemmet qabel iż-żmien minħabba din il-marda. Marda li pajjiżna snin ilu beda  jiġġidlilha bi proċess ta’ screening biex il-marda tinqabad kmieni u b’hekk tkun ikkurata b’aktar suċċess. Sfortunatament, 40 fil-mija ta’ dawk imsejħin għall-iscreening ma jmorrux. Forsi l-biża? Apatija? Hi x’inhi r-raġuni issa ttieħed pass u dawk li ma laqgħux l-istedina se jkun mistednin mill-ġdid”. 

    Nisa li kienu mistednin jagħmlu screening ta’ sidirhom taħt il-Programm Nazzjonali għal Screening tas-Sider u li għal xi raġuni ma laqgħux l-istedina qegħdin jerġgħu jkunu mistednin jagħmluh. Bil-għan li dan is-servizz, li huwa bla ħlas, ikun aktar aċċessibbli twessgħu anke l-ħinijiet għalih u qegħdin isiru wkoll sessjonijiet nhar ta’ Sibt filgħodu. It-tama hija li ċ-ċifra ta’ dawk li joqogħdu għal din il-miżura u li tista’ tkun kruċjali għal ħajjet il-persuna konċernata tkompli tikber. Sal-lum huma madwar 60% tan-nisa mistednin li jwieġbu pożittivament għal din is-sejħa, persentaġġ li juri żjieda ta’ kważi 10% ta’ li kienet sentejn ilu. 

    Il-kanċer tas-sider huwa l-aktar kanċer komuni fin-nisa f’Malta u Għawdex, tant li jkunu reġistrati madwar 300 każ ġdid kull sena, bl-età l-aktar komuni ta’ dawk milqutin tkun ta’ bejn il-50 u d-69 sena. Dan wassal biex jitwessa’ s-servizz ta’ screening u bħalissa jkopri lin-nisa kollha Maltin u Għawdxin li l-età tagħhom taqa’ bejn dawn iż-żewġ etajiet. Apparti minn hekk, bi skop ta’ aktar prevenzjoni, mis-sena li għaddiet flok kull tliet snin dawk kollha li l-età tagħhom hija f’dawn il-parametri qegħdin jissejħu għat-test kull sentejn.

    Il-programm ta’ screening tas-sider kien inbeda fis-sena 2009 u minn dakinhar sal-lum intbagħtu aktar minn 150,000 stedina. S’issa saru madwar 80,000 mammografija u nqabdu madwar 470 każ ta’ kanċer tas-sider fi stadju bikri ħafna. 

    Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal lil inewsmalta li “qegħdin nagħmlu dak kollu possibbli fil-ġlieda tagħna kontra l-kanċer tas-sider b’mod partikolari. Għandna team ta’ radjoloġisti nisa mħarġin speċifikament  biex jagħtu s-servizz ta’ screening li huma disponibbli l-ħin kollu. Wessajna kemm stajna l-ħin tal-appuntamenti għall-mammografija biex b’hekk innaqqsu kemm jista’ jkun l-ħin ta’ stennija. Barra li jingħataw appuntamenti filgħodu u kmieni wara nofsinhar, issa estendejna s-servizz għall-appuntament anke għal tard wara nofsinhar u għas-Sibtijiet filgħodu u dan biex nilħqu kemm jista’ jkun nisa biex jagħmlu t-test. Se nibqgħu ninsistu u niġru wara dawk li sal-lum għadhom iżommu lura milli jagħmlu dan it-test.”

    Kelliema  għall-programm ta’ screening tas-sider qalet li l-ħaddiema taċ-Ċentru Nazzjonali ta’ li Screening jibagħtu mijiet ta’ stediniet kuljum lin-nisa ta’ bejn l-etajiet imsemmijin flimkien ma’ appuntamenti biex issir il-mammografija. Saret u għadha ħaddejja kampanja pubbliċitarja biex in-nisa li taslilhom l-istedina jħarsu lejha b’mod pożittiv, bis-servizz ikun flessibbli ħafna tant li jekk persuna ma tkunx tista’ tattendi fil-ġurnata jew ħin allokat tista’ faċilment titlob li tinbidel id-data u l-ħin tal-appuntament u tiġi akkomodata.

    Kull ġimgħa team multidixxiplinarju jiltaqa’ u jiddiskuti madwar 40 każ ta’ kanċer tas-sider. It-team huwa ffurmat minn onkoloġisti, radjoloġisti u professjonisti mill-Breast Clinic. Jirriżulta li kull sena madwar 300 mara jiġu operati minħabba kanċer fis-sider.

    Il-professjonisti mill-Breast Clinic jaħdmu id f’id mal-kirurgi  tal-kirurġija plastika biex il-pazjenti jingħataw l-aħjar servizz peress li għalkemm l-għan prinċipali huwa li tikkura, hemm ukoll il-kwalità tal-ħajja li jkollha tgħix il-pazjenta wara li tkun operata. F’dan l-istadju l-apparenza hija importanti ħafna u għalhekk, fejn ikun possibbli, issir operazzjoni li tissejjaħ oncoplastic biex ma jkunx hemm sfreġju tal-persuna. Fejn dan ma jkunx possibbli li jsir allura ssir rikostruzzjoni tas-sider.

    “M’aħna se niefqu qatt mill-appelli tagħna biex in-nisa jilqgħu l-istedina biex jagħmlu screening ta’ sidirhom. Aktar ma naqbdu l-kanċer fi stat bikri ferm akbar hija l-possibiltà li jitfejjaq. F’dan ir-rigward għandna riżultati inkoraġġanti ħafna. Jirriżulta li 87% tan-nisa Maltin u Għawdxin li jiġu operati għall-kanċer tas-sider u jingħataw t-trattamenti ta’ wara, jaqbżu l-ħames snin ta’ sopravivenza. Dan huwa l-ogħla persentaġġ fost il-pajjiżi kollha tal-Ewropa u se nkomplu ninvestu biex mhux biss inżommu dan il-livell imma wkoll nkomplu ngħolluh,” qal id-Deputat Prim Ministru.

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0