“Riforma li se tagħti daqqa letali lill-Malti”

  • Lul 21, 2019 10:15
  • Miktub minn Melvin Farrugia
"

    Fl-aħħar jiem tħabbar li se tkun qiegħda ssir riforma fil-programm edukattiv tal-MATSEC. Din ir-riforma qajmet bosta reazzjonijiet, hekk kif bil-mod li qiegħda tiġi spjegata jidher li se tkun qiegħda tagħti daqqa ta’ ħarta lill-lingwa Maltija. Tkellimna dwar din ir-riforma mal-edukatur u eks-uffiċjal edukattiv, Tarcisio Zarb biex jagħtina l-viżjoni tiegħu dwar dak li qed jiġi propost.

    Zarb beda billi spjega li r-riforma li qiegħda tiġi ppreżentata se twassal biex il-lingwa Maltija tieħu daqqa ta’ ħarta kbira. Hu sostna li dak li qed jiġi propost se jwassal biex il-Malti jintgħażel biss minn dawk li bilfors iridu l-Malti fil-kors li se jagħmlu, bħal eżempju dawk li jagħmlu Degree fil-Malti jew dawk li jistudjaw il-Liġi. Spjega li l-istess se jiġri wkoll fejn għandu x’jaqsam l-Ingliż, iżda stqarr li f’dan il-każ hemm inqas inkwiet għax l-istudenti li jidħlu l-Università u ma jkollhomx Ingliż allura jkollhom jagħmlu test ta’ profiċjenza. 

    Fl-istess waqt, Tarcisio Zarb qal li lanqas ma jaqbel li l-Malti jkun lingwa barranija. Spjega li fl-iskejjel sekondarji l-istudenti diġà jkollhom iċ-ċans li jagħżlu l-lingwa barranija li jixtiequ jkomplu jistudjaw u għalhekk m’hemmx għalxiex tiġi imposta fil-livell post-sekondarju. 

    Sostna wkoll li lanqas m’għandux jiġu impost fuq l-istudenti li bilfors iridu jagħmlu l-eżamijiet matul dawn is-sentejn. Spjega li l-istudenti jistgħu jinzertaw li jkunu kapaċi jagħmlu l-eżamijiet qabel iż-żmien u allura m’għandux ikun impost fuqhom li jqattgħu sentejn fl-istess istituzzjoni edukattiva. Spjega wkoll li għandu jiġi kkonsidrat ukoll li l-istruttura tal-familja nbidlet u ħafna studenti qed ikollhom joħorġu jaħdmu minn kmieni. Bl-istess mod semma li hemm studenti oħrajn li jkollhom bżonn aktar minn sentejn biex jippreparaw sew għall-eżamijiet. 

    Zarb qal li fis-sitwazzjoni preżenti, l-istudenti diġà qegħdin jagħżlu lingwa barranija u allura ma jagħmilx sens li timponilhom biex ikollhom iktar minn hekk. Qal li dak li qiegħda titlob l-Unjoni Ewropea diġà qed jitwettaq mill-istudenti Maltin fis-sekondarja u għalhekk m’hemm bżonn jinbidel xejn. 

    Tarcisio Zarb qal li hu mhuwiex kontra li jkun hemm żieda fl-istudju tal-lingwi. Anzi, spjega li dan l-inkoraġġiment għandu jsir, iżda minn meta l-istudenti jkunu għadhom żgħar fil-primarja. Spjega li matul dan iż-żmien ikunu aktar f’saħħithom biex jixorbu t-tagħlim milli minn meta jikbru għax imbagħad aktar ma jikber il-ġisem jibda jistabbilizza għal dak li jkun trabba fih. Hu saħaq li tarbija titwieled kapaċi li tisma’ l-fonetika u l-ħsejjes tal-lingwi kollha. Imbagħad meta tibda tikber din il-kapaċità tonqos u tidra biss dik il-lingwa li l-aktar tkun esposta għaliha. 

    L-edukatur ikkritika wkoll is-sistema tal-assessjar li qiegħda tiġi proposta. Spjega li kif qed jingħad l-assessjar se jkun qed jiddependi mill-għalliema, iżda rrimarka li ħafna drabi f’kull suġġett hemm diversi għalliema li jgħallmu lill-istess suġġetti. Għalhekk staqsa min fosthom se jkun qed jagħmel l-assessjar u jekk hux se jkunu qegħdin jiddaħħlu nies oħra biex jagħmlu l-assessjar. Jekk hu hekk il-każ, Zarb isostni li lanqas għalliema biżżejjed mhuma jinstabu, aħseb u ara nies li jagħmlu l-assessjar. Barra minn hekk, spjega li din is-sistema tista’ tkun suġġettiva u allura l-marka tingħata skont jekk l-għalliema tkunx tmur tajjeb mal-istudenti. 

    Minflok, Tarcisio Zarb qal li jekk irridu ngħinu lill-istudenti allura għandna nagħmlu l-edukazzjoni aktar aċċessibbli. Staqsa kemm fil-verità l-Università qiegħda tkun idonea għal nies li għandhom affarijiet oħra f’ħajjithom bħax-xogħol u li jixtiequ jistudjaw għal degree. Spjega li kif inhi s-sitwazzjoni bħalissa, ħafna studenti qegħdin ikollhom jirrikorru għal universitajiet barranin biex jagħmlu degree jew masters fuq bażi partajm, għax l-università ta’ Malta ma tipprovdihomx. 

    “F’Malta rridu nkunu qaddisin iktar mill-Papa”

    Dwar din ir-riforma tkellem magħna wkoll l-avukat Steve Zammit li għal xi żmien kien ukoll jaħdem fid-Diviżjoni tal-Edukazzjoni. Hu spjegalna li ra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, flimkien mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill u rrealizza li din hi sitwazzjoni fejn bħas-soltu Malta trid tkun qaddisa aktar mill-Papa. 

    Stqarr li min qed japplika dak li qalet il-kummissjoni u l-kunsill ħa falza stikka għax imkien fid-dokumenti mhu msemmi li l-istudenti post-sekondarji jridu jitgħallmu tliet lingwi f’livell avvanzat jew intermedju. Qal li fil-qosor dawn id-dokumenti jgħid li l-istati membri għandhom jesploraw modi biex iż-żgħażagħ kollha jiġu mgħejuna biex jiksbu qabel it-tmiem tal-edukazzjoni u taħriġ sekondarju għoli - flimkien mal-lingwi tal-iskola - meta possibbli, livell ta’ kompetenza mill-inqas f’lingwa Ewropea waħda oħra li tippermettilhom jużaw il-lingwa b’mod effettiv għal skopijiet soċjali, ta’ apprendiment u professjonali, u biex iħeġġu l-kisba ta’ lingwa addizzjonali (it-tielet lingwa) f’livell li jippermettilhom jinteraġixxu bi grad ta’ faċilità ta’ użu. 

    Għalhekk sostna li filwaqt li hemm bażi biex it-tieni lingwa tkun f’livell avvanzat jew intermedju, fl-istess waqt it-tielet lingwa teħtieġ biss livell “li jippermettilhom jinteraġixxu bi grad ta’ faċilità ta’ użu. Għaldaqstant, l-avukat Zammit staqsa jekk għandniex fiduċja fl-eżamijiet tas-SEC tagħna u jekk inqisux li jagħtu ħiliet bażiċi lill-istudenti biex jinteraġixxu bi grad ta’ faċilità. Sostna li jekk ma nemmnux fihom, allura lanqas ħaqq li nobbligaw lill-istudenti biex jagħmlu dawn l-eżamijiet. 

    L-avukat Zammit irreaġixxa wkoll għal artiklu li fih tkellem il-Professur Charles Farrugia. Filwaqt li faħħar dak li qal, Zammit qal li hemm punti li ħalla barra, fosthom l-obbligu propost li l-eżamijiet ikunu kollha f’daqqa. Sostna li fl-opinjoni tiegħu dan ma jagħmilx sens. 

    Dwar il-kwistjoni tal-Malti, Zammit qal li din ilha għaddejja għexieren ta’ snin. Qal li hu ma jemminx li għandu jkun hemm suġġett obbligatorju biex student jidħol l-Università, għalkemm iħoss li ċerti korsijiet jeħtieġu suġġetti obbligatorji, bħall-bijoloġija fil-kors tat-tobba. Però, l-avukat qal li d-deċiżjoni dwar jekk suġġett għandux ikun obbligatorju jew le m’għandux jistrieħ fuq is-suġġettività ta’ min se jidħol għall-kors, imma fuq l-oġġettività ta’ x’jirrikjedi l-kors u se jkun mistenni li tagħmeel bih meta tispiċċa. 

    Zammit tkellem ukoll dwar is-Systems of Knowledge, fejn qal li minkejja li dan forsi mhux daqstant popolari mal-istudenti, ma jfissirx li allura għandu jitneħħa. Minflok qal li dan jista’ jiġi strutturat b’mod aħjar. Tkellem ukoll dwar il-punt tal-atleti u qal li tant huma numru żgħir ta’ studenti li ebda politika mhi se tagħmel daqstant differenza. 

    “Dan se jkollu konsegwenzi koroh fil-livell terzjarju”

    Tlabna wkoll kumment lill-Professur Charles Briffa li sostna li hu jaqbel mal-akkademiċi sħabu li dawn il-bidliet se jagħtu daqqa ta’ ħarta lill-istudju tal-Malti u tal-Ingliż fil-livell post-sekondarju. Qal li dan se jkollu wkoll konsegwenzi koroh fil-livell terzjarju. 

    Il-Professur Briffa qal li minflok il-lingwa barranija għandha tkun obbligatorja, hu l-istudju xieraq tal-Malti u tal-Ingliż li għandu jkun obbligatorju biex jissaħħu dawn iż-żewġ lingwi. Għalhekk sostna li l-fattur komunikattiv tal-lingwi għandu jkun akkumpanjat minn trawwim strutturali fil-livelli kumplessi tal-lingwi. 

    “Riforma li saret bla konsultazzjoni wiesgħa”

    Intant, diversi membri mid-dipartimenti tal-Malti u l-Ingliż fl-Università ta’ Malta, fil-Junior College, fl-Iskola Sekondarja Ogħla Giovanni Curmi, fil-Kulleġġ San Alwiġi, fil-Kulleġġ De la Salle, mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, l-Akkademja tal-Malti, l-Għaqda Poeti Maltin, l-English Speaking Union u l-Għaqda tal-Istudenti tad-Dipartiment tal-Ingliż qalu fi stqarrija li din ir-riforma saret mingħajr konsultazzjoni wiesgħa biżżejjed. 

    Fl-istqarrija jingħad li filwaqt li l-proposta tisħaq li hemm bżonn ta’ bidla strutturali biex l-istudenti Maltin jiksbu l-ħiliet li jeħtieġu f’soċjetà Maltija li tagħmel parti minn soċjetà Ewropea, minflok din ir-riforma tagħmel bil-maqlub. 

    Jissemma nuqqas fundamentali li liż-żgħażagħ din ir-riforma la tagħtihom għarfien kulturali Ewropew u dinji u wisq inqas il-ħiliet ta’ analiżi u espressjoni li jeħtieġu biex jgħixu, jistudjaw u jaħdmu f’Malta, f’Ewropa u f’dinja dejjem aktar kumplessi. Jingħad li din ir-riforma ċċaħħad lill-istudenti f’Malta mill-iżvilupp tal-għerf billi tenfasizza kważi esklussivament fuq l-aspett komunikattiv. Barra minn hekk, jgħidu li timponi fuqhom lingwa barranija tard ħafna fl-edukazzjoni tagħhom u dan b’mod li tnaqqsilhom l-importanza fit-tagħlim xieraq tal-ilsien nazzjonali, il-Malti, u tal-Ingliż, il-lingwa kouffiċjali ta’ Malta. 

    Dwar dak li qed jiġi propost fis-Systems of Knowledge, l-istqarrija tgħid li l-proposta tneħħi l-enfasi minn fuq il-kitba u fuq l-għarfien tal-Malti u tal-Ingliż bħalam lingwi, bil-konsegwenza li l-istudenti se jmissu ma’ ftit wisq mill-ħiliet li għarfien serju tal-Malti u l-Ingliż jagħtihom biex jirnexxu fl-istudji tagħhom ‘il quddiem u fid-dinja tax-xogħol. 

    L-edukaturi jsemmu wkoll li l-proposta lanqas ma tispeċifika kif l-istudenti se jkunu jistgħu jagħżlu l-Malti u/jew l-Ingliż f’livell Intermedju jew Avvanzat ladarba se jinbidlu l-gruppi li l-istudenti jridu jagħżlu s-suġġetti minn fosthom. Jgħidu li minflok jidher ċar li b’din il-proposta se jonqsu drastikament l-inċentivi biex l-istudenti jistudjaw dawn il-lingwi fil-livell Intermedju jew Avvanzat. 

    Fuq kollox, dawn l-edukaturi talbu lill-MATSEC biex tirrevedi b’mod għaqli din il-proposta ta’ riforma billi tibda konsultazzjoni serja u wiesgħa li twassalna biex noffru lill-istudenti f’pajjiżna edukazzjoni li tagħmilhom ċittadini u ħaddiema Maltin u Ewropej, li jilħqu l-milja tagħhom bħala individwi u bħala membri ta’ komunità, li jkunu kapaċi jaħsbu b’mod indipendenti, u li lesti jikkontribwixxu għall-ġid komuni. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0