Matteo Salvini... Analiżi internazzjonali

  • Lul 22, 2019 14:53
  • Miktub minn Ruben Briffa
"

    Minkejja li mhux il-Prim Ministru tal-Italja, żgur li l-aktar politiku li qiegħed jagħmel ħoss fl-Italja u li għandu l-aktar saħħa politika, huwa d-Deputat Prim Ministru u l-mexxej tal-Lega Nord, Matteo Salvini. Mhux ta b’xejn li Salvini sar l-idolu tal-partitarji tal-Lega Nord, partit li jħaddan ideoloġija li xxaqleb lejn il-lemin estrem. Kemm ilu taħt it-tmexxija tiegħu, l-Lega Nord inbidel minn partit proviċzjali, li kien jattira voti mit-Tramuntana tal-Italja biss, għal wieħed nazzjonali. Dan wassal biex il-Lega Nord jkun parti mill-koalizzjoni li qiegħda tmexxi l-Italja, mis-sena li għaddiet ‘l hawn.

    Ideoloġija Neo-Faxxista

    Il-partitarji tal-Lega ma jiddejqu xejn milli jinkludu elementi ġejjin minn żmien Benito Mussolini u l-Faxxiżmu biex jibnu l-immaġini ta’ Matteo Salvini. Ħafna jsostnu li l-mod kif jirreferu għall-mexxej tagħhom bħala “il capitano” jew il-kaptan, huwa ispirat minn kif il-Faxxisti kienu jirreferu għal Mussolini bħala “il Duce” jew il-mexxej.

    Biex ikomplu jżidu l-element Neo-Faxxista fl-immagini ta’ Salvini, l-propagandisti tal-Lega għażlu li jippubblikaw il-ktieb miktub dan l-aħħar minn Salvini għand pubblikatur b’rabtiet mal-lemin estrem, il-Casapound. Saħansitra, Matteo Salvini qiegħed jilbes ilbies iddisinjat minn stilista qrib ħafna tal-Casapound.

    Anke il-mod kif il-Partit Legista qiegħed joħloq kult bil-persuna ta’ Salvini jfakkar f’kif il-Faxxisti kienu bnew kult bil-persuna ta’ Benito Mussolini. Naturalment, il-mod kif qiegħed isir dan huwa kompletament differenti minn dak użat kważi mitt sena ilu għad-Duce. Fejn qabel kienu imlew l-Italja kolla bl-immaġini ta’ Mussolini biex ipenġuh bħala l-persuna qrib il-poplu, il-Lega Nord qegħdin jagħmlu użu mill-media soċjali biex Salvini jidher bħala l-politiku qrib in-nies u t-tarka tal-poplu kontra l-‘establishment’. Filfatt, Salvini jtella’ numru kbir ta’ ‘tweets’ fuq Instagram u ‘posts’ fuq Facebook prattikament kuljum iddisinjati b’mod profesjonali biex jidher qrib in-nies.

    Il-Lega Nord

    Kif diġa għedna kemm ilu jmexxi lill-Partit tal-Lega Nord, Salvini rnexxielu jittrasforma lil dan il-partit minn wieħed żgħir għal partit kbir. Il-mod kif kiber dan il-partit f’dawn l-aħħar snin huwa mpressjonanti. Sa sitt snin ilu, l-Lega Nord kienu jirbħu madwar 4% biss tal-voti. Fl-elezzjoni ġenerali ta’ sena ilu, il-Partit ta’ Salvini ġab 17% tal-voti. Fl-elezzjonijiet għall-membri tal-Parlament Ewropew, il-Lega saħansitra rduppjaw il-voti fuq sena ilu biex ġabu kważi 34% tal-voti. Minn stħarriġ tal-opinjoni pubblika li sar ftit jiem ilu, l-Lega kompliet iżid l-appoġġ fost il-votanti Taljani.

    Is-suċċessi elettorali ta’ Salvini

    Meta wieħed jipprova jsib ir-raġunijiet għal din iż-żieda fl-appoġġ għal Lega Nord u fuq kollox għaż-żieda fil-popolarità ta’ Salvini, wieħed jibqa’ mistagħġeb ta’ kemm din iż-żieda hi bbażata fuq r-retorika u mhux fuq xi forma ta’ kisbiet politiċi minn Salvini.

    Żgur li l-popolarità ta’ Matteo Salvini ma kibritx għax solva xi problemi serji li qegħdin jifnu lill-Italja. L-ekonomija Taljana bħalissa hija staġnata. F’dawn l-aħħar għaxar snin, fejn pajjiżi kbar bħall-Ġermanja u Franza raw tkabbir qawwi fil-GDP ta’ 13% u 10% rispettivament, l-Italja rat tnaqqis fil-GDP ta’ madwar 3%. Fl-Italja hemm ukoll rata qawwija ta’ nies mingħajr xogħol, li tlaħħaq l-10%.

    Salvini żied il-popolarità b’metodu li diġa kien ppruvat li huma mezz qarrieq kif partit jzid il-popolarità tiegħu. L-istess kif Hitler biex uża l-frustrazzjoni li kellu l-poplu Ġermaniż lejn pajjiżi ġirien tiegħu, li kienu qegħdin jiġbru l-flus biex jagħmlu t-tiswijiet ikkaġunati mill-armata Ġermaniza fl-ewwel gwerra dinjija mit-taxxi tal-Ġermaniżi, kif ukoll kif Hitler kien poġġa fil-poplu Ġermaniż doza qawwija ta’ mibegħda għall-Lhud li kienu jgħixu fil-Ġermanja, Salvini qiegħed ipenġi lill-immigranti Afrikani u l-Unjoni Ewropeja bħala s-sorsi ta’ kull problema li għandha l-Italja. 

    Salvini kemm il-darba għamel dikjarazzjonijiet kontroversjali biex ikasbar lill-immigranti. Fost dawn id-dikjarazzjonijiet wieħed jista’ jsemmi dik  meta qal li għalih ma jimpurtahx lil liema Alla wieħed jadura, basta ‘dan l-Alla ma’ jgiegħelx lin-nisa jilbsu l-burka’, b’referenza ċara għall-immigranti Afrikani, li ħafna minhom iħaddnu r-reliġjon Musulmana. Pero, il-kampanja kontra l-immigranti mill-Afrika ma kinitx biex ibbażata fuq din it-tip ta retorika biss. Kemm ilu jagħmel parti mill-gvern Taljan, bħala l-Ministru tal-Intern, Salvini l-ewwel għalaq il-portijiet ta’ pajjiżu għal dawn l-immigranti u wara daħħal multi kbar ħafna għal dawk il-kaptani tal-vapuri li jgħinu lil dawn in-nies jaslu l-art, billi jiġbruhom mid-dgħajjes li jkunu qegħdin jaqsmu l-baħar fihom. Filfatt, bħalissa l-midja internazzjonali qiegħda ssegwi l-każ ta’ Carola Rackete, li qiegħda taffaċċja akkużi li daħlet immigranti llegali fil-gżira Taljana ta’ Lampedusa. B’dawn il-miżuri, Salvini rnexxielu jnaqqas in-numru ta’ Afrikani li waslu l-Italja din is-sena għal 3000 biss, ħafna anqas mill-mijiet ta’ eluf li kienu jaslu fis-snin ta’ qabel. Naturalment dan niżel tajjeb mal-elettorat Taljan.

    Salvini uża l-kwistjoni tal-immigrazzjoni biex jkabbar il-prestiġju tiegħu fl-arena politika Ewropeja. Dan meta umilja lill-President Franċiż, Emmanuel Macron, li kemm il-darba  wera pubblikament l-antipatija li għandu għal Salvini, billi ħeġġu jieħu l-klandestini lejn Franza, talba li l-President Franċiż ma laqgħax fost il-kritika ta’ ħafna NGO’s.

    Salvini żied ukoll fil-popolarità tiegħu permezz tal-kritika ma taqta’ xejn li jagħmel lejn l-Unjoni Ewropeja. Salvini kemm il-darba ddikjara li jikkonsidra jerġa’ jdaħħal il-Lira Taljana minflok l-Ewro. Saħansitra, huwa għamel dikjarazzjonijiet li jindikaw li anke jikkonsidra li joħroġ lill-Italja mill-Ewropa. Dan l-aħħar Salvini saħansitra qabbel lill-Unjoni Ewropeja ma’ gulag, il-kampijiet tal-konċentrament Russi fi żmien Stalin, kif jikkritika lill-Ewropa għar-restrizzjonijiet li qiegħda tagħmel lill-Italja rigward l-infieq tagħha minħabba d-deficit eċċessiv li għandha. Dawn ir-restrizzjonijiet qegħdin jdejqu ħafna lil Salvini u lil sieħbu fil-koalizzjoni, Luigi Di Maio, il-kap tal-Movimento Cinque Stelle, l-partit l-ieħor li jifforma l-gvern Taljan, għax il-gvern Taljan għandu bżonn ħafna flus f’idejh, biex ikun jista’ jwettaq diversi wegħdi li għamel sena ilu waqt il-kampanja elettorali. Dawn jinkludu tnaqqis fit-taxxi u żieda fil-paga minina nazzjonali. Naturalment dawn il-miżuri jkomplu jżidu d-deficit u allura sejrin izidu t-tilwim tal-gvern Taljan mal-Ewropa.

    Aspirazzjonijiet ta’ Prim Ministru u aktar

    Salvini dan l-aħħar kellu diżgwid kbir mal-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte u l-Ministru tal-Finanzi Giovanni Tria. Is-sors ta’ dan il-ġlied kien is-suġġeriment ta’ Salvini u tal-konsulent tiegħu, Claudio Borghi, li l-Italja ddaħħal il-“mini-boots” , għodda biex il-gvern Taljan iħallas lin-negozjanti għall-proġetti kapitali. Pero, dikjarazzjoni ta’ Borghi li l-użu tal- “mini-boots” jista’ jiġi estiż biex “jitħallas kollox” beda ħafna spekulazzjonijiet li l-gvern Taljan qiegħed jipprepara biex ineħħi l-Ewro bħala l-munita nazzjonali. Dan ma niżel xejn tajjeb ma’ Conte, politiku kawt u teknokratiku u Tria. Dan wassal biex bdew ħafna xniegħat fil-media Talja li Salvini dalwaqt iwaqqa’ l-gvern biex isir Prim Ministru hu u jagħmel koalizzjoni mal-partit tal-Fratelli d’Italia, li bħal Lega Nord iħaddan ideoloġija tal-lemin estrem.

    L-ambizzjoni ta’ Salvini m’għandix limiti. Saħansitra pprova mingħajr suċċess li joħloq grupp ġdid fi ħdan il-parlament Ewropew magħmul minn partiti Nazzjonalisti u popolari. Biss dawn il-partiti ma tantx kellhom suċċess fl-elezzjonijiet tal-parlament Ewropew ta’ Mejju li għadda għax is-suċċess tal-Lega Nord ma kienx ripetut madwar l-Ewropa. Barra minnhekk ħafna mexxejja ta’ dawn il-partit rrifjutaw li jingħaqdu ma Salvini għax jafu li Salvini ma tantx għandu fama tajba mal-istituzzjonijiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0