“Oħt għall-kera”… isolvu parti mill-problema tal-hikikomori fil-Ġappun

  • Aww 03, 2019 12:18
  • Miktub minn Melvin Farrugia
"

    Fil-Ġappun teżisti problema fejn mijiet ta’ eluf ta’ rġiel żgħażagħ jingħalqu waħedhom fil-kmamar tas-sodda u ma joħorġux minn darhom għal għexieren ta’ snin. Dawn l-irġiel huma magħrufin bħala Hikikomori u huma nies li rtiraw kompletament mis-soċjetà.

    Uħud minnhom li tkellmu fil-pubbliku stqarrew li kienu mdejqin ħafna u kienu jibku kuljum. Kienu jwaħħlu fil-ġenituri tagħhom u kienu jħossuhom mitlufin. Oħrajn jistqarru li kienu jħossuhom irrabjati magħhom infushom, kontra s-soċjetà u bħallikieku ma kien hemm xejn x’setgħu jagħmlu biex ibiddlu s-sitwazzjoni. 

    Din hi kundizzjoni li sfortunatament għad m’hemmx dijanjożi proprja għaliha, jew inkella xi trattament. Madankollu, jidher li teżisti xi ħaġa li qiegħda tgħin biex tittaffa xi ftit il-problema. Is-soluzzjoni huma tfajliet li jinkrew biex iservu ta’ aħwa għal dawn in-nies. 

    Fost l-oħrajn, titkellem Ayako li flimkien ma’ Atsuko, jifformaw parti minn grupp speċjalizzat ta’ nisa li huma disponibbli għall-kiri u li jitħallsu biex jgħinu lill-aktar irġiel reklużi tal-Ġappun. 

    Il-kundizzjoni tal-hikikomori taffettwa kemm lill-irġiel, kif ukoll lin-nisa. Madankollu, l-parti l-kbira huma rġiel ta’ bejn it-18 u l-35 sena. Hu stmat li hemm man-nofs miljun persuna li jgħixu bħala hikikomori fil-Ġappun, iżda peress li hi kkonsidrata xi ħaġa tal-mistħija, ħafna familji jżommuha sigrieta u jbatu biex jiksbu l-għajnuna li hemm bżonn. 

    Dan hu fejn jidħol il-bżonn tal-oħt tal-kiri. L-idea oriġinat mill-organizzazzjoni New Start u jidher li qiegħda tagħti riżultati pożittivi. Dawn it-tfajliet m’għandhom ebda kwalifiċi mediċi, iżda l-familji jħallsu madwar 100,000 Yen fix-xahar biex ikollhom żjarat ta’ siegħa fil-ġimgħa. Xogħolhom hu li jikkonvinċu lill-hikikomori biex ma jibqgħux waħedhom u jidħlu lura fis-soċjetà. 

    Ayako ilha tinkera għal iżjed minn għaxar snin. Fl-aħħar sitt xhur kienet qiegħda taħdem ma’ ġuvni li għandu aktar minn 20 sena, li jismu Kenta. Il-ġenituri tiegħu jħallsu lil Ayako biex iżżuru kull ġimagħtejn. Permezz tal-ħidma tagħha, hu rnexxielu joħroġ mid-dar iżda għadu mhux f’pożizzjoni li jżomm xogħol fiss. Ayako tispjega li tista’ tieħu bejn sitt xhur u sentejn biex tibni rapport ta’ fiduċja bejn it-tnejn u jseħħ il-proċess ta’ fejqan. 

    Kenta spiċċa f’dak l-istat wara li l-iskola kien qed jiġi bbuljat għax in-nies kienu jgħidu li għandu vuċi b’ton wisq għoli u kien ħabib tat-tfajliet kollha fil-klassi. Għalhekk kienu jistaqsuh jekk hux tifel jew tifla. Dwar iż-żmien tiegħu meta kien hikikomori, Kenta stqarr li kien jieħu l-mediċina, kien imdejjaq u kien jibki kuljum. Isemmi li kien iwaħħal fil-ġenituri tiegħu u kien iħossu mitluf. Jirrakkonta li kien hemm anke drabi meta kien vjolenti u l-ġenituri tiegħu kellhom iċemplu lill-Pulizija. Kien jibqa’ mqajjem bil-lejl, jilgħab il-logħob u mbagħad jorqod matul il-ġurnata sa tard waranofsinhar. Ir-raġuni li minħabba fiha n-nies isiru hikikomori hi kumplessa u mhix mifhuma sew. 

    Mistoqsi dwar kif għenitu din l-oħt tal-kiri, Kenta jgħid li jieħu pjaċir jiltaqa’ magħha. Imorru jieklu flimkien u mbagħad joħorġu. Iħossha li tappoġġjah u tagħmillu differenza kbira dwar kif iħossu. Ayako tistqarr li hu pjuttost rari li klijent jieħu gost mal-oħt tal-kiri jew inkella li jieħu gost jaraha. 

    Għall-familji li għandhom tfal bil-hikikomori, din il-kundizzjoni jista’ jkollha impatt enormi. Raġel jirrakkonta li ibnu ilu għal dawn l-aħħar 20 sena ma jridx joħroġ minn kamartu. Jistqarr li ma jafx kif jista’ jsolvi l-problema u jgħid li m’hemm ebda għażla. Jgħid li anke wara li omm it-tifel mietet, hu ma nbidilx u għalhekk ma jara ebda tama għall-futur. 

    Dawn in-nisa mhumiex konsulenti tas-saħħa mentali u m’għandhom beda kwalifiċi. Huma jieħdu biss xi taħriġ minn New Start u l-missjoni tagħhom hi li jgħinu lil dawn in-nies biex iħossuhom aħjar magħhom infushom. Madankollu, meta jkun hemm bżonn jinkludu anke lit-tobba biex jagħtu l-assistenza tagħhom fil-każ. 

    Imma x’inhi din il-kundizzjoni tal-hikikomori u għaliex hi fenomenu daqshekk kbir fil-Ġappun? Ir-raġel li kiteb dwar is-suġġett, il-Professur u Psikologu Tamaki Saito jsostni li din it-tip ta’ kundizzjoni hi komuni ħafna. Jistqarr li fil-Ġappun hemm inqas minn 10,000 persuna bla dar, iżda mal-miljun hikikomori. Jispjega li din hi tip ta’ esklużjoni soċjali bi stil Ġappuniż. Saito jħoss li l-problema hi mifruxa aktar minn kemm jissuġġerixxu n-numri tal-Gvern. Qiegħda ssir ukoll kwistjoni f’pajjiżi oħra bħall-Istati Uniti, ir-Renju Unit, l-Italja u l-Korea t’Isfel, fejn l-irġiel żgħażagħ iħossu l-pressjoni biex jirnexxu finanzjarjament. 

    Li jgħixu indipendenti tista’ tkun parti importanti biex ifiequ. Xi hikikomori jħossu li jkunu lesti li joħorġu mill-kmamar tas-sodda tagħhom, iżda ma jkunux stabbli biżżejjed biex jintegraw mill-ġdid fis-soċjetà. Dak hu fejn jidħol fl-istorja d-dormitorju ta’ New Start. Din hi bħal half-way home għall-hikikomori. Il-pazjenti jħallsu l-kera biex jgħixu hemm u jridu jagħmlu xogħol partajm u volontarjat, organizzat minn New Start. Ma jħalluhomx jużaw il-mowbajls u jitħallew jaraw it-televiżjoni fil-kamra komuni biss. Ebda logħob tal-kompjuter mhuma aċċettati.

    Fl-aħħar 18-il sena, New Start laqgħet mal-2,000 persuna fid-dormitorju tagħhom, li għexu hemm għal aktar minn sena. 80% minnhom issa reġgħu stabbilixxew lilhom infushom b’mod indipendenti. Wieħed minn dawk li kienu residenti u li llum għandu iżjed minn 30 sena, jistqarr li ż-żmien li qatta’ fid-dormitorju bidillu ħajtu kompletament. Jispjega li meta kien hikikomori, hu kien joqgħod fil-kamra tiegħu waħdu, jilgħab il-logħob u jara t-televiżjoni. Spjega li mar New Start għax ma riedx joqgħod fid-dar tal-ġenituri tiegħu u ried iżomm ‘il bogħod minnhom. Fid-dormitorju, kien jagħmel volontarjat u hemm iltaqa’ ma’ dik li eventwalment saret il-mara tiegħu. Din hi Ayako, l-oħt mikrija tiegħu.  

    Minkejja d-diffikultajiet u l-istigma li jiffaċċjaw dawn in-nies, Ayako tgħid li min jgħix il-ħajja aktar bil-mod u bil-ħsieb jista’ jiggwadanja ħafna affarijiet tajbin. Tgħid li żżewġet lil xi ħadd li qabel kien joqgħod lura u allura trid tiċċara li dawk li joqogħdu lura għandhom ukoll kwalitajiet importanti u tajbin. Tgħid li huma spiss iħarsu lejn is-soċjetà b’mod aktar ġust u għandhom veduta aktar ġentili tan-nisa. 

    Din il-kundizzjoni għadha mhix dokumentata sew u għalhekk il-Gvern Ġappuniż qed jipprova jikseb stampa aħjar tas-sitwazzjoni. Sal-lum, New Start għenu mat-3,000 persuna biex joħorġu minn kamarthom u jidħlu lura fis-soċjetà. Iżda ħafna mill-hikikomori xorta għadhom iżolati. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0