“Kburi li nikkontribwixxi f’din l-arti unika li tagħtina identità” … “Il-logħob tan-nar għalija hi passjoni li tinsab f’qalbi”

  • Aww 12, 2019 11:38
  • Miktub minn Maria Azzopardi
"

    Sa minn meta kien tifel żgħir, Michael Attard, żagħżugħ ta’ 23 sena, dejjem kien jitpaxxa jara n-nar u jistqar li aktar ma kien ikun viċin, aktar aħjar. Id-delizzju ta’ Michael biex jaħdem in-nar jinsab fid-demm wara li kemm in-nannu kif ukoll missieru kienu dilettanti tan-nar u dan in-namur kompla jintiret. 

    Michael jikkunsidra lilu nnifsu bħala ġdid fil-qasam pirotekniku u għalhekk l-ewwel esperjenza tas-sett murtali tiegħi tibqa’ ttimbrata f’qalbu. Għalih, dik il-ħaġa li tkun ilek taħdem b’tant sagrifiċċju, impenn u dedikazzjoni sena sħiħa u mbagħad tara x-xogħol imur kif xtaqt, hi waħda mill-isbaħ emozzjonijiet li jħoss u timlieh b’ħafna sodisfazzjon.

    Ovvjament, l-aktar żmien impenjattiv għal Michael huwa qabel il-festa u jgħid li dejjem għandek dak ix-xahar qabel ma tiġi ċċelebrata l-festa li jirrikjedi numru kbir ta’ xogħol. Huwa joqgħod attent li hekk kif iż-żmien tal-festa jersaq qrib, jiċċekja li dak li jkun ħadem għalih matul is-sena jkun lest fil-ħin.

    Minkejja li jgħin fejn ikun hemm bżonn, Michael jiffoka l-iktar fuq il-murtali tal-beraq, speċjalment dawk hekk imsejħa “tal-logħob” u dawk ikkuluriti. Huwa jgħid li fix-xogħol tan-nar qisu m’hemmx bidu u tmiem għax ix-xogħol dejjem għaddej. Għalih, li għandu għal qalbu b’mod speċjali l-festa taż-Żejtun, wara li tgħaddi din il-festa jkompli x-xogħol li jkollu għal barra mir-raħal u jibda l-preparamenti għas-sena li ġejja.

    Michael dejjem jara kif ħa jaħdem xi ħaġa speċjali u bħala Għaqda din is-sena ħadu sehem fil-festival internazzjonali tal-logħob tan-nar fejn anke daħlu fil-kompetizzjoni. Għal Michael din kienet sfida kbira u xi ħaġa speċjali, fil-fatt huwa jgħid li kienet xewqa li saret realtà. Minn naħa l-oħra, iżid jgħid, għall-festa dejjem jipprova jżid xi ħaġa aktar mis-sena ta’ qabel. Għal din is-sena Michael daħħal l-element tal-kulur fil-murtali tal-beraq u jistqarr li kellu stennija kbira biex jara r-riżultat.

    Michael jispjega dwar kif l-elementi tat-temp u l-umdità fil-gżejjer tagħna jfixklu jew jgħinu lil min jaħdem in-nar. Dawn l-elementi jħollu u jorbtu fix-xogħol tan-nar, u jekk tagħmel sena li ma tantx ikun hemm xemx fiha tista’ twaqqa’ x-xogħol lura. Huwa qal li fin-nar dejjem trid issib ix-xogħol li tkun se tagħmel addattat għat-temp ta’ dakinhar. Eżempju, biex tinkolla trid tagħżel ġurnata bnazzi ħalli jinxef. Minn naħa l-oħra ċertu xogħol ma tistax tagħmlu meta jkun hemm temp umduż.

    Minkejja li n-nar fil-festi joffri spettaklu ta’ kulur, issib rikorrenti l-kritika tal-ħoss kbir li jagħmlu u hemm min iħeġġeġ li n-nar tal-ajru għandu jibda jinħadem mingħajr ħoss. Għalkemm Michael jaqbel li l-esaġerazzjoni dejjem hija ħażina, ma jaqbilx li wieħed għandu jelimina l-ħoss mill-murtali. Huwa jisħaq li din mhix possibbli u ma tagħmilx sens, apparti li jtellef mill-gost tan-nar għax fil-murtali tal-beraq dik hi s-sens. Għal Michael jekk telimina l-ħoss tkun qed teqred dak l-element tradizzjonali u l-ħila, li għal min japprezzah, jaf li dan it-tip ta’ murtali jsiru biss Malta.

    Element ieħor li qed naraw jikber fit-tradizzjoni tan-nar huma dawk imsejħa records, bħal pereżempju biex jiġi ċċertifikat minn għamel l-akbar torri tan-nar jew minn għamel l-ikbar nar tal-kulur. Michael stqarr li huwa ma tantx jaqbel magħhom speċjalment fin-nar u jgħid li ma tantx jagħmlu bih dawn it-titli. Għalkemm ma jarahix li tagħmel effett kbir fuq l-element ta’ periklu, jemmen li min hu kapaċi jagħmel ħarqa kbira m’għandux għalfejn dawn it-tip ta’ rekords. Fil-fatt huwa jibża’ li jekk dawn isiru wieħed jispiċċa jikkompeti min ħa jagħmel l-ikbar ħarqa u l-akbar ħaġa eċċ.

    Mistoqsi jekk jaħsibx li din is-snajja se tbati fil-futur, Michael qal li mill-att ta’ ammont ta’ nies jaħdmu jemmen li qiegħed jikber, peress li n-numru ta’ żgħażagħ f’dan il-qasam hu sabiħ. Huwa jgħid li din hija xi ħaġa pożittiva li tara dan id-delizzju jkompli għaddej minn ġenerazzjoni għal oħra biex wieħed ikompli fejn ħallew missirijietna. Michael jħoss li għandna tassew inkunu kburin b’din is-snajja tan-nar għax “bħalma nagħmlu n-nar hawn Malta, ma jagħmlu ħadd fid-dinja!”

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0