Snooker: Judd Trump jirbaħ l-International Championship

  • Aww 12, 2019 16:19
  • Miktub minn iNews
"

    Iċ-champion tad-dinja Judd Trump  ipproduċa wirja xintillanti biex rebaħ l-International Championship li sar f’Daqing, iċ-Ċina, meta fil-finali għeleb lil Shaun Murphy 10-3. Dan wara li sa tmiem l-ewwel sessjoni huwa fetaħ vantaġġ komdu ta’ 6-3 li fiha rebaħ l-ewwel ħames frames.

    Ir-risposta ta’ Murphy f’dawn il-frames kienet ta’ 38 punti biss waqt li fl-aħħar erbgħa huwa ppottja 45 punt.

    Il-mod meraviljuż tar-rebħa ta’ Trump tit­timbra r-rebħa tad-dominanza kurrenti tie­għu tal-isport fejn il-player ta’ 29 sena kien daqs­tant impressjonanti meta fis-semi-finali warrab għal kollox liċ-champion tad-dinja tliet dar­biet, Mark Selby.

    Matul il-ġimgħa Trump ipproduċa 12-il century breaks u din kienet it-12-il rebħa ta’ tournament ranking tal-karriera tiegħu.

    Trump kien diġá ċert mir-ritorn tiegħu fl-ewwel post tar-rankings tad-dinja meta qabeż lil Ronnie O’Sullivan billi wasal sal-kwarti-finali.

    Min-naħa l-oħra din hija l-ewwel darba li qed jokkupa dan il-post minn Marzu 2013, u dan ġie konsolidat wara li rebaħ is-somma ta’ £175,000 bħala l-ewwel premju.

    Din kienet l-ewwel dehra ta’ Trump fir-ċirkwit mindu f’Mejju li għadda rebaħ il-Kampjonat tad-Dinja għall-ewwel darba wara li fil-Crucible kien għeleb lil John Higgins 18-9.

    Wara s-suċċess tiegħu din il-ġimgħa issa huwa l-ewwel player fi 11-il sena li rebaħ titlu fl-ewwel ħarġa tiegħu wara li kien sar champion tad-dinja. L-aħħar wieħed li għamel dan kien Ronnie O’Sullivan li fl-2008 rebaħ in-Northern Ireland Trophy.

    It-telfa hija waħda diffiċli għaċ-champion tad-dinja tal-2005, Murphy. Iżda huwa sejjer lejn id-dar bil-konsolazzjoni ta’ £75,000 bħala finalista. Bil-wirja tiegħu Murphy kiseb il-kwalifikazzjoni għax-Shanghai Masters, li se jsir mid-9 sal-15 ta’ Settembru,  li fih jieħdu sehem l-aqwa 16 fi tmiem dan l-avveniment.

    Fl-ewwel sessjoni Trump kien surmast tal-mejda meta rebaħ l-ewwel ħames frames, it-tlieta tan-nofs bi breaks ta’ 58, 104 u 58.

    Imbagħad Murphy naqqas il-marġni darb­tejn inkluż break ta’ 87 fl-ewwel wieħed iżda wara dan Trump rebaħ frame ieħor bi break ta’ 74 b’Murphy jagħlaq is-sessjoni 6-3 bi break min-naħa tiegħu ta’ 79.

    Bit-tieni sessjoni tibda bi Trump bi tliet frames vantaġġ huwa ma qagħadx lura tant li rebaħ erba’ frames wara xulxin, kollha bi breaks sostanzjali ta’ 80, 63, 102  u 62 biex issiġilla r-rebħa.

    “Wara l-Kampjonat tad-Dinja dejjem kienet se tkun diffiċli,” qal Trump wara l-logħba. “Jien mort u ppreparajt kif għandu jipprepara champion tad-dinja. Huwa faċli ħafna li wara li tirbaħ fil-Crucible li tkun daqsxejn traskurat u tnaqqas xi ftit mil-logħob. U għalhekk, li poġġejt sieqi fuq il-pedala u rbaħt l-ewwel avveniment, juri kemm ħdimt bejn l-istaġun l-ieħor u dan.

    “Qatt ma taf x’hemm wara l-kantuniera. Nista’ ninqala’ kmieni fix-Shanghai Masters u ngħaddi minn perjodu ħażin. Iżda sakemm inkompli nipprepara kif għamilt m’hemmx raġuni li ma nistax inkompli nirbaħ. Kmieni jew tard kulħadd jgħaddi minn żmien ħażin. Nittama li tiegħi ma jasalx qabel 10 snin oħra.”

    Min-naħa tiegħu Murphy qal: “Kienet diżappuntanti ħafna. Ma dhertx fil-logħba. Judd kaxkarni, dak li ħassejt. Kont qed nissielet kontra l-kurrent il-ħin kollu. Huwa ċ-champion tad-dinja u n-numru wieħed tad-dinja u llum huwa ta’ hekk lagħab. Ikkommettejt xi żbalji ‘l hawn u ‘il hinn, iżda aħna m’aħniex robots.

    “Li wasalt sal-finali b’ċans li nirbaħ it-trofew, kienet ġimgħa mill-aqwa. Hija waħda minn dawk li npoġġi bħala perspettiva u nieħu l-pożittiv minnha. Bħalissa ninsab xi ftit muġugħ, iżda minn fejn kont bil-logħba tiegħi fl-aħħar 12-il xahar kien bidu kbir għall-istaġun.”

    Il-frames kollha ntemmu hekk:

    Judd Trump v Shaun Murphy 10-3 – 85-14, 83-5 (58), 108-19 (104), 77-0 (58), 69-0, 0-87 (87), 37-68, 86-23 (74), 0-79 (79), 80-0 (80), 90-30 (63), 102-6 (102), 99-9 (62).

    It-tournament li jmiss huwa x-Shanghai Masters li se jsir mid-9 sal-15 ta’ Settembru.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0