Waterpolo: Intervista mat-Taljan champion tad-dinja, Matteo Aicardi

  • Aww 12, 2019 16:30
  • Miktub minn Crisitan Muscat
"

    Matteo Aicardi twieled fil-belt ta’ Genoa nhar id-19 ta’ April 1986 u llum il-ġurnata għandu 33 sena.

    Huwa jilgħab il-waterpolo bħala attakkant u jista’ jiftaħar li rebaħ bosta unuri li jaf joffri dan l-isport kemm b’mod lokali kif ukoll fil-qasam internazzjonali.

    Fost l-oħrajn huwa rebaħ darbtejn it-Tazza tad-Dinja tal-waterpolo lura fl-2011 kif ukoll dik riċenti ta’ ftit tal-ġimgħat ilu.

    Kiseb ukoll żewġ midalji Olimpiċi fis-sena 2012 u dik tal-2016. Fl-istess waqt huwa ngħata ġieħ mill-Kumitat Olimpiku Taljan seba’ snin ilu wara dak li t-team nazzjonali Taljan irnexxielu jagħmel fil-logħob Olimpiku ta’ Londra.

    Ħafna jafuh bil-laqam ta’ ‘Big Matt’ minħabba t-tul ta’ 192 ċentimetru. Għandu kariżma kbira fil-pixxina minħabba li jagħti ċertu si­gurtá lil sħabu filwaqt li b’idu l-leminija kapaċi jip­produċi xutt b’saħħtu.

    Kellu diversi coaches li wassluh biex itejjeb it-teknika tiegħu fosthom Claudio Mistrangelo, Alessandro Cam­pagna u Ratko Rudic.

    L-iktar wieħed li ħalla effett fuq Aicardi kien proprju Campagna li ilu jmexxi lit-team nazzjonali Taljan għal dawn l-aħħar snin, magħ­ruf aħjar bħala s-Settebello.

    Miegħu Aicardi rnexxielu jirbaħ kemm il-kampjonat dinji kif ukoll il-midalja tad-deheb fil-logħob Olim­piku u mhux ta’ b’xejn li kważi jqisu bħala t-tieni missier.

    Anke l-partner tiegħu Cos­tanza di Camillo għand­ha għal qalbha l-ilma u l-baħar minħabba li tipprattika l-għawm sinkronizzat.

    Hi rrappreżentat lit-team nazzjonali Taljan f’dan l-isport fis-sena 2017 waqt il-logħob dinji fil-belt Un­geriża ta’ Budapest.

    Il-qalb tajba ta’ Aicardi tidher l-aktar fil-qasam tal-coaching fejn għandu grupp tat-tfal b’diżabbiltá u jgħinhom billi jgħallimhom l-aqwa movimenti possibbli fil-waterpolo.

    L-entużjażmu tagħhom jgħin ħafna sabiex Aicardi jkompli jittrasmetti l-motivazzjoni tiegħu f’dan l-isport.

    Finalment, waħda  mix-xewqat li għandu l-player ta’ 33 sena hi li jirbaħ il-midalja tad-deheb fil-Logħob Olimpiku li se jsir f’Tokyo, is-sena d-dieħla.

    Kif bdiet l-imħabba tie­għek lejn il-waterpolo?

    Kollox beda b’kumbinaz­zjoni. Dak iż-żmien jien kont nilgħab il-football iżda ma kontx immur regolari għat-taħriġ min­ħabba li l-ġenituri tiegħi kienu jaħ­dmu u mhux dej­jem kienu jkunu jistgħu jwassluni.

    Niftakar li żewġt itfal li kienu jmorru l-iskola miegħi kienu jilagħbu l-waterpolo mat-team lokali ta’ Loano u darba staqsewni jekk ridtx immur magħhom.

    Jien aċċettajt u sibt ruħi ngħum fil-pixxina kif ukoll nilgħab bil-ballun tal-waterpolo. Nammetti li l-biċċa tax-xogħol għoġbitni tant li komplejt nipprattika din il-logħba tant sabiħa.

    Kif kienet l-esperjenza tiegħek mat-timijiet li lgħabt magħhom fl-Italja.

    Kif għedtlek bdejt ma’ Loano għalkemm imbagħad komplejt niżviluppa l-logħ­ba tiegħi meta kont ukoll ma’ Ligure Terme, Imperia, RN Savona u Pro Recco.

    Meta tilgħab ma’ dawn tal-aħħar tħoss li tkun ilħaqt il-quċċata tal-karriera tie­għek minħabba li hu wieħed mit-timijiet ewlenin fl-Italja.

    Hemm ħafna stilel li jilagħbu ma’ dan it-team u l-grupp hu ferm magħqud. Jien ninsab ferm kburi li nifforma parti minn dan it-team.

    Ninsab konxju li rrid nagħti sehmi sabiex dan it-team ikompli jikber dejjem aktar.

    Tixtieq li xi darba tiġi tilgħab f’Malta?

    Din hi waħda mix-xewqat li għandi. Mill-ftit jiem li ilni Malta, stajt nara l-akkaniż­mu li biha tintlagħab din il-logħba fil-pixxina nazzjonali.

    L-ambjent huwa ferm sabiħ u ħadt pjaċir nara li l-livell ta’ logħob huwa wie­ħed ferm għoli.

    Nemmen li meta nirtira minn mat-team nazzjonali Taljan, nagħmel ħsieb forsi niġi nilgħab hawn.

    Din hi l-ewwel darba li ġejt f’Malta?

    Le, diġá kont ġejt għal training camp hawnhekk. Il-klima tixbah ħafna lil dik fl-Italja għalkemm l-ambjent hu wieħed ferm sabiħ.

    X’jidhirlek dwar il-kampjonat Malti?

    Kif għedtlek il-fatt li dan il-kampjonat jintlagħab fis-sajf joħloq ċertu stennija fost diversi segwaċi Maltin.

    Għoġobni l-fatt li hawn diversi Taljani jilagħbu mat-timijiet lokali u ma nistax ma nsemmix lil Christian Presciutti u Valentino Gallo li t-tnejn li huma ħbieb tie­għi.

    Meta int ikollok players ta’ livell mondjali bilfors li jkollok logħob veloċi u sabiħ. Dan kollu qed jibbenefikaw minnhom il-players Maltin li qed jitgħallmu ħafna mingħandhom.

    X’taħseb dwar it-team nazzjonali Malti mmexxi minn Karl Izzo?

    F’dawn l-aħħar snin  smajt sew bit-team nazzjo­nali Malti u r-riżultati li kiseb fejn apparti li tela’ skaluni ferm importanti fil-waterpolo, irnexxielu jikkwalifika għall-aħħar żewġ kampjonati Ewropej u dan jawgura tajjeb għall-futur.

    Il-fatt li hemm xi players li qed jilagħbu fil-kampjonat Taljan bħall-aħwa Stevie u Jordan Camilleri, jfisser li l-livell tat-team nazzjonali awtomatikament ser jogħla.

    X’inhuma l-kummenti tie­għek dwar ir-regoli l-ġodda tal-waterpolo? Għoġ­buk?

    Iva fl-opinjoni tiegħi dawn ir-regoli għamlu ġid kbir lil-logħba tal-waterpolo. Hemm minnhom li mhux daqshekk ċari u mhux kul­ħadd għadu fehemhom.

    Naħseb b’aktar prattika u logħob bħala regoli għand­hom jibdew jindraw anke mill-pubbliku in ġenerali.

    Kemm huwa importanti li player tal-waterpolo jkun ukoll għawwiem tajjeb?

    Naħseb li bir-regoli l-ġod­da li ħarġu, hu ferm importanti li player tal-waterpolo jkun għawwiem tajjeb anke minħabba l-movimenti li jrid jagħmel bil-ballun u anke mingħajru.

    Il-livell tal-waterpolo din­ji qed jogħla ferm u għal­hekk dawk l-affarijiet li jinvolvu makakkerija, irid jiġu attwati kemm jista’ jkun malajr għax il-logħba saret iktar veloċi.

    Ftit tal-ġranet ilu bħala team nazzjonali Taljan irbaħtu l-kampjonat dinji tal-waterpolo meta għe­libtu lil Spanja bl-iskor ta’ 10-5. Kulħadd baqa’ mpres­sjonat b’dak li għamiltu fil-pixxina. Kif ħriġtu għal din il-partita?

    Konna nafu li aħna konna ser nilagħbu kontra qawwa mondjali. Spanja eliminaw timijiet b’saħħithom u għalhekk kienu ferm kunfidenti għal din il-finali.

    Aħna mill-banda l-oħra konna ferm kawti fil-mod ta’ kif ħriġna għal din il-logħba filwaqt li b’mod gradwali bdejna nkunu av­venturużi.

    L-avversarji tagħna bidlu s-sistema ta’ logħob iżda aħna konna nafu x’qed nagħmlu u fuq struzzjoni­jiet tal-coach addattajna s-sistema tagħna.

    Użajna dik li aħna nsejħulha ‘żona M’ u naħseb kien hawnhekk li ħariġitilna l-logħba perfetta. Kien hawnhekk ukoll li bdejna noħolqu l-periklu lejn id-difiża tagħhom u dan sarraf f’rebħa ferm sabiħa ta’ 10-5.

    Kemm jgħinek il-coach tat-team nazzjonali Taljan, Sandro Campagna?

    Il-coach tagħna Sandro Campagna jgħinna ħafna b’mod partikolari bir-regoli l-ġodda li jaf jinterpretahom sew.

    Kien kapaċi jantiċipa minn qabel il-mossi tal-avversarji anke għax kien stud­ja sew lit-team nazzjo­nali Spanjol.

    Għalina huwa t-tieni missier tagħna għax jagħtina dik il-grinta li tant ikollna bżonn biex toħorġilna logħba tajba.

    Nitkellmu dwar il-club li tilgħab miegħu int, jiġifieri, Pro Recco. Din is-sena nqastu milli tirbħu ċ-Champions League. X’ġa­ra eżatt?

    Konna ferm diżappun­tati li ma rbaħniex din il-kompetizzjoni tant importanti. L-avversarji tagħna, Olympiakos, kienu ferm organizzati u kienu wkoll fortunati li sabulna goal fl-aħħar mi­nuta biex rebħu din il-finali.

    M’hemmx x’tagħmel ... ma tistax tirbaħ dejjem. Il-coach ħeġġiġna biex nit­għallmu minn din l-esperjenza u noqogħdu attenti milli nwettqu ċerti żbalji li f’dan il-livell qatt ma tista’ tagħmel.

    Kif mortu fil-kampjonat Taljan?

    Irnexxielna nirbħu l-kampjonat wara r-rebħa fil-finali kontra AN Brescia.

    Kienet finali ferm eċċi­tanti kontra team li matul l-istaġun għamel ħafna żmien fl-ewwel post.

    Aħna qatt ma qtajna qalbna u naħseb dan kien l-ingredjent li wasalna għar-rebħa finali.

    Tinsab f’pajjiżna għal training camp ma’ tfal Maltin. X’jidhirlek mil-livell tal-waterpolo fost iż-żgħar?

    Jien nieħu gost ħafna nikkowċja lit-tfal. Fuq kollox jien għandi grupp ta’ tfal b’diżabbiltá u l-għaxqa tie­għi ngħallimhom.

    Irid ikollok il-paċenzja ... iżda mhux nieqes minnha u għalhekk nibqa’ għaddej nieħu ħsiebhom.

    Ngħallimhom ħafna affarijiet bażiċi iżda tiskanta kemm jitgħallmu.

    L-akbar sodisfazzjon tie­għi hi meta dawn l-istess tfal jagħmlu xi mossa li jkunu tgħallmu waqt is-sessjoni ta’ taħriġ.

    Liema huwa l-iktar rwol diffiċli li tagħmel. Li tik­kowċja jew li tilgħab?

    Bla dubju, l-iktar rwol diffiċli hu bħala coach. F’dan l-irwol wieħed irid jippjana s-sessjoni ta’ taħriġ sal-inqas dettall u dejjem iżid xi ħaġa żejda biex jekk xi ħaġa ma tmurx skond il-pjani, irid ikollu alternattiva ta’ pjan ieħor.

    Meta tikkowċja lit-tfal tie­ħu lura ħafna mill-imħabba tagħhom u l-gost u l-pjaċir hu meta jagħmlu dak li tkun għallimthom.

    Nixtieqek tgħaddi l-aħ­ħar messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li jixtiequ jaqbdu dan l-isport tant sabiħ.

    L-ewwel u qabel kollox ngħidilhom li l-waterpolo jagħtik ħafna sodisfazzjon mhux biss mil-lat sportiv iżda wkoll minn dak soċjali.

    Bis-saħħa tal-waterpolo jien għamilt ħafna ħbieb u dan kollu għeni biex nimmatura.

    L-isport huwa l-mediċina għal saħħa aħjar. Importanti li tipprattika xi ħaġa għax wara tħossok ferm aħjar miegħek innifsek.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0